LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 10/15 pp. 4-7
  • Kif Tistaʼ Tirnexxi t-Tfittxija Għal Ħajja Itwal?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Tirnexxi t-Tfittxija Għal Ħajja Itwal?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Terapija bl-​Ormoni u l-​Ġenetika​—Raġunijiet għal Tama?
  • In-​Nanuteknoloġija u l-​Krijonika Jipprovdu Soluzzjoni?
  • Fejn Għandna Npoġġu l-​Fiduċja Tagħna?
  • Il-​Kaġun tax-​Xjuħija u l-​Mewt
  • It-​Tama Vera
  • Ħajja taʼ Dejjem fuq Art Magħmula Ġenna
  • It-tfittxija għall-ħajja itwal
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
  • It-Tfittxija tal-Bniedem għall-Ħajja taʼ Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tistaʼ x-Xjenza Tipprovdi Ħajja taʼ Dejjem?
    Stenbaħ!—2000
  • Hija l-Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 10/15 pp. 4-7

Kif Tistaʼ Tirnexxi t-​Tfittxija Għal Ħajja Itwal?

XI WĦUD jgħożżu t-​tama li l-​millennju l-​ġdid se jġib miegħu żvilupp ġdid fl-​isforzi tal-​bniedem biex itawwal il-​ħajja. Dr. Ronald Klatz, li hu wieħed minnhom, huwa l-​president taʼ l-​Akkademja Amerikana tal-​Mediċina Kontra x-​Xjuħija, organizzazzjoni taʼ tobba u xjenzati dedikati biex jestendu l-​għomor taʼ bniedem. Hu u l-​kollegi tiegħu għandhom il-​ħsieb li jgħixu għal żmien twil ferm. “Qed nistenna li ngħix 130 sena, mill-​inqas,” jgħid Dr. Klatz. “Aħna nemmnu li x-​xjuħija m’hijiex inevitabbli. Illum teżisti teknoloġija li tistaʼ tbatti, twaqqaf u forsi saħansitra treġġaʼ lura b’mod sinjifikanti d-​deterjorazzjoni fiżika u l-​mard li bħalissa jissejħu xjuħija naturali.” Dr. Klatz innifsu jieħu madwar 60 pillola kull jum fit-​tfittxija tiegħu biex itawwal il-​ħajja.

It-​Terapija bl-​Ormoni u l-​Ġenetika​—Raġunijiet għal Tama?

It-​terapija bl-​ormoni hija qasam wieħed li jispira tama. Esperimenti b’ormon magħruf bħala DHEA jidhru li jnaqqsu l-​pass tal-​proċess tax-​xjuħija fl-​annimali tal-​laboratorju.

Dwar il-​kinetina, ormon tal-​pjanti, il-​gazzetta Svediża Aftonbladet ikkwotat lil Dr. Suresh Rattan, professur fl-​Università taʼ Aarhus, id-​Danimarka, bħala li qal: “Testijiet li saru fil-​laboratorju tagħna juru li ċ-​ċelluli tal-​ġilda tal-​bniedem kultivati fil-​kinetina ma jinbidlux bil-​mod normali relatat max-​xjuħija. Dawn jibqgħu żgħażagħ matul ħajjithom kollha.” Insetti li ġew trattati b’dan l-​ormon jintqal li jgħixu minn 30 sa 45 fil-​mija iktar min-​normal.

Kuri bil-​melatonina jintqal li tawlu l-​ħajja tal-​ġrieden taʼ l-​imramma b’25 fil-​mija. Iktar minn hekk, il-​ġrieden taʼ l-​imramma dehru iżgħar fiż-​żmien, iktar f’saħħithom, u iktar vigorużi.

Dawk li jiddefendu l-​ormon li jippromwovi t-​tkabbir tal-​bniedem (hGH) isostnu li dan jikkontribwixxi għal ġilda tleqq, muskoli iktar ibsin, impuls sesswali elevat, burdata iktar ferriħija, moħħ iktar akut, u l-​metaboliżmu t’adolexxent.

Ħafna nies iduru wkoll lejn il-​ġenetika. Xi xjenzati waslu għall-​konklużjoni li billi jimmanipulaw il-​ġeni, jistgħu jikkontrollaw l-​għomor taʼ xi parassiti. Fil-​fatt, irnexxielhom iżommu lil ftit minnhom ħajjin għal sitt darbiet l-​għomor normali tagħhom. Dan inkuraġġiehom biex isibu u jimmanipulaw ġeni bħal dawn fil-​bnedmin. Ir-​rivista Time ikkwotat lil Dr. Siegfried Hekimi taʼ l-​Università taʼ McGill, f’Montreal, bħala li qal: “Jekk insibu l-​ġeni kollha li jiddeterminaw l-​għomor taʼ bniedem, forsi nkunu nistgħu nnaqqsulhom xi ftit ir-​ritmu, u b’hekk inkunu nistgħu nestendu l-​ħajja.”

Il-bijoloġi ilhom jafu li l-​hekk imsejħa telomere, sezzjoni fit-​tarf tal-​kromosomi, titqassar kull darba li ċ-​ċellula tirriproduċi. Meta t-​telomere titlef madwar 20 fil-​mija mit-​tul tagħha, l-​abbiltà taċ-​ċellula li tirriproduċi tispiċċa u tmut. Enzim partikulari msejjaħ telomerase jistaʼ jagħti t-​tul sħiħ lura lit-​telomere, u b’hekk iċ-​ċellula tkun tistaʼ tibqaʼ tinqasam. Fil-​biċċa l-​kbira taċ-​ċelluli dan l-​enzim huwa mrażżan u inattiv, imma telomerase attiv ġie mdaħħal b’suċċess f’ċerti ċelluli, bir-​riżultat li dawn setgħu jikbru u jiddividu ruħhom ferm iktar mill-​għadd taʼ drabi normali.

Skond xi riċerkaturi, dan joħloq possibbiltajiet sensazzjonali fil-​ġlieda kontra l-​mard relatat max-​xjuħija. Xi ngħidu dwar li ċ-​ċelluli formattivi tal-​ġisem (ċelluli li bihom it-​tessuti tal-​ġisem jiġu riġenerati) jieħdu post iċ-​ċelluli formattivi li ġew “immortalizzati” b’telomerase attiv? Jgħid Dr. William A. Haseltine: “Din hija viżjoni artikulata b’mod ċar taʼ l-​immortalità umana li se tiġi introdotta bil-​mod il-​mod matul il-​50 sena li ġejjin.”​—The New York Times.

In-​Nanuteknoloġija u l-​Krijonika Jipprovdu Soluzzjoni?

In-​nanuteknoloġija, ix-​xjenza taʼ inġinerija fuq livell taʼ nanumetru (wieħed minn elf miljun taʼ metru), ukoll qed tispira tama. Viżjonarji f’dak il-​qasam isostnu li magni molekulari kontrollati mill-​kompjuters, ferm iżgħar miċ-​ċelluli, jistgħu fil-​futur jitħaddmu biex joperaw fuq livell molekulari ħalli jsewwu u jirriġeneraw iċ-​ċelluli, it-​tessuti, u l-​organi li jkunu qegħdin jixjieħu. F’konferenza kontra x-​xjuħija, riċerkatur wieħed issuġġerixxa li t-​tobba tas-​seklu 21 jistgħu jużaw in-​nanuteknoloġija biex bis-​saħħa tagħha l-​bniedem ikun jistaʼ jsir immortali fiżikament.

Il-krijonika hija l-​prattika li biha l-​iġsma umani jiġu friżati bit-​tama li x-​xjenza tkun tistaʼ tagħti l-​ħajja liċ-​ċelluli mejtin, u b’hekk iġġibhom lura għall-​ħajja mill-​ġdid. Il-​ġisem kollu, jew il-​moħħ biss, jistaʼ jiġi friżat. Raġel wieħed saħansitra ffriża liżar tas-​sodda. Għala liżar? Kien taʼ ħabib li kien miet u kien fih xi ċelluli tal-​ġilda u ftit xagħar. Riedhom jiġu friżati sabiex lil ħabibu jagħtih iċ-​ċans li jirritorna għall-​ħajja jekk ix-​xjenza tasal għall-​punt li treġġaʼ lura lin-​nies minn sempliċi ftit jew saħansitra waħda miċ-​ċelluli tagħhom.

Fejn Għandna Npoġġu l-​Fiduċja Tagħna?

Il-​bniedem għandu xewqa naturali li jgħix, mhux imut. Għalhekk, il-​progress xjentifiku f’dan id-​dominju jintlaqaʼ fil-​pront u huwa assoċjat maʼ tamiet qawwijin. Imma s’issa għad m’hemm ebda evidenza fattwali li d-​DHEA, il-​kinetina, il-​melatonina, l-​hGH, jew kwalunkwe sustanza oħra tistaʼ attwalment tittardja x-​xjuħija fil-​bnedmin. Xi xettiċi jibżgħu li l-​immanipular tat-​telomerase fiċ-​ċelluli ma se jagħmel xejn ħlief joħloq ċelluli tal-​kanċer potenzjali. U l-​użu tan-​nanuteknoloġija u tal-​krijonika għadu iktar xjenza immaġinata milli realtà.

Ix-​xjenza kkontribwiet, u għandha mnejn tkompli tikkontribwixxi, għal ħajja itwal u iktar f’saħħitha għal xi wħud, imma qatt ma se tagħti l-​ħajja eterna lil xi ħadd. Għala le? Sempliċement għaliex ix-​xjenza umana m’għandhiex il-​kapaċità li tifhem x’inhu l-​kaġun tax-​xjuħija u l-​mewt.

Il-​Kaġun tax-​Xjuħija u l-​Mewt

Il-​biċċa l-​kbira tax-​xjenzati jaqblu li x-​xjuħija u l-​mewt donnhom huma b’xi mod programmati fil-​ġeni tagħna. Il-​mistoqsija hi: Meta, kif, u għala bħallikieku daħlu fil-​kodiċi ġenetika tagħna?

Il-Bibbja tagħtina r-​risposta sempliċi​—avolja ma tippreżentahiex b’termini taʼ ġenetika jew DNA. Rumani 5:12 jgħid: “Għalhekk, bħalma kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.”

L-ewwel bniedem, Adam, kellu l-​prospett li jgħix għal dejjem. Ġismu kien disinjat bil-​fakultajiet neċessarji biex jgħix u jgawdi ħajja eterna. Iżda l-​ħajja eterna kienet kundizzjonata. Adam kellu jikkollabora mas-​Sors tal-​ħajja, il-​Ħallieq tiegħu, u jkun ubbidjenti lejh sabiex jibqaʼ ħaj għal dejjem.—Ġenesi 1:31; 2:15-17.

Adam għażel li ma jobdix lill-​Ħallieq. Fil-​fatt, Adam sostna li l-​bniedem imur aħjar jekk jaħkem lilu nnifsu indipendenti minn Alla. B’hekk, hu dineb. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, kien bħallikieku l-​kodiċi ġenetika tiegħu nbidlet. Minflok ma għadda lil nislu l-​ħajja taʼ dejjem bħala wirt, Adam ittrasmettielu d-​dnub u l-​mewt.—Ġenesi 3:6, 19; Rumani 6:23.

It-​Tama Vera

Madankollu, din is-​sitwazzjoni ma kellhiex tkun permanenti. Rumani 8:20, 21 [Rumani 8:20, NW] jgħid: “Il-​ħolqien jinsab taħt il-​frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-​tama.” Alla Jehovah, il-​Ħallieq tal-​bniedem, issuġġetta lill-​bnedmin għall-​mewt għaliex dinbu kontrih, imma meta għamel dan hu stabbilixxa wkoll bażi għal tama.

Din il-​bażi ġiet identifikata b’mod ċar meta Ġesù Kristu ġie fuq l-​art. Ġwann 3:16 jgħid: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” Iżda, il-​fatt li neżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu kif jistaʼ jsalvana mill-​mewt?

Jekk id-​dnub huwa l-​kaġun tal-​mewt, id-​dnub irid jitneħħa min-​nofs qabel ma l-​mewt tkun tistaʼ tiġi abolita. Fil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù bħala l-​Kristu, Ġwanni l-​Għammied qal: “Araw il-​Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” (Ġwann 1:29) Ġesù Kristu kien kompletament mingħajr dnub. B’hekk, ma kienx suġġettat għall-​mewt, li hija l-​kastig għad-​dnub. Minkejja dan, ippermetta li ħaddieħor jagħtih il-​mewt. Għala? Għaliex billi għamel hekk, hu ħallas il-​prezz għal dnubietna.—Mattew 20:28; 1 Pietru 3:18.

B’dak il-​prezz imħallas, għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù nfetħet quddiemhom il-​possibbiltà li jgħixu mingħajr ma jmutu qatt. Ix-​xjenza tistaʼ tikkontribwixxi biex ittawwal ħajjitna għal tul limitat ferm, imma li wieħed jeżerċita fidi f’Ġesù huwa t-​triq vera lejn il-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù kiseb ħajja bħal din fis-​sema, u l-​appostli leali tiegħu u xi oħrajn se jagħmlu hekk ukoll. Madankollu, għall-​biċċa l-​kbira minna li neżerċitaw fidi f’Ġesù, il-​ħajja taʼ dejjem se tkun fuq l-​art, meta Alla Jehovah jkun irrestawra l-​Ġenna taʼ l-​art.—Isaija 25:8; 1 Korintin 15:48, 49; 2 Korintin 5:1.

Ħajja taʼ Dejjem fuq Art Magħmula Ġenna

Wieħed raġel staqsa: “Kemm hawn nies li se jsibuh taʼ siwi li jgħixu ladarba ma jkollhomx għalfejn imutu?” Se tkun tedjanti l-​ħajja mingħajr mewt? Il-​Bibbja tassigurana li mhix se tkun. “Kollox għamel tajjeb f’waqtu; nissel ukoll sens taʼ l-​imgħoddi u l-​ġejjieni f’moħħ il-​bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x’jagħmel Alla mill-​bidu sat-​tmiem.” (Koħèlet 3:11) Il-​ħolqien t’Alla Jehovah huwa tant abbundanti u kompless li se jkompli jqajmilna l-​interess, jistimulana, u jagħmilna henjin kemm indumu ħajjin​—saħansitra għal dejjem.

Raġel li studja l-​għasfur magħruf bħala l-​Jay Siberjan sejjaħlu “ħolqien straordinarju, li jgħaxxqek” u sostna li waħda mill-​esperjenzi l-​iktar pjaċevoli taʼ ħajtu kienet fil-​fatt li joqgħod josserva dan l-​għasfur. Iktar ma hu studja l-​għasfur, iktar baqaʼ jinteressah. Hu qal li saħansitra wara 18-il sena, kien għad baqagħlu ħafna x’jistudja. Jekk speċi waħda t’għasfur tistaʼ tqanqal l-​interess, tistimula, u żżomm hieni lil raġel intelliġenti matul studju intens li dam sejjer 18-il sena, immaġina biss il-​potenzjal għall-​ferħ u s-​sodisfazzjon li bilfors li hemm f’li wieħed jistudja l-​ħolqien kollu kemm hu fuq l-​art.

Ġib quddiem għajnejk l-​oqsma interessanti kollha tax-​xjenza li se jinfetħu għal xi ħadd li ma jkunx ristrett biż-​żmien. Immaġina l-​postijiet affaxxinanti kollha li se jkun hemm x’tesplora u n-​nies interessanti kollha li se jkun hemm biex tiltaqaʼ magħhom. Ipprova ifhem il-​possibbiltajiet bla tmiem biex timmaġina, toħloq, u tibni l-​affarijiet. Mhux se jkollna limitu għall-​opportunitajiet biex niżviluppaw u nużaw il-​kreattività tagħna. Meta nirriflettu fuq l-​abbundanza tal-​ħolqien, ikun ovvju li l-​eternità hija l-​uniku tul xieraq taʼ żmien li jistaʼ jwettaq il-​possibbiltajiet tal-​ħajja.

Il-Bibbja turi li permezz taʼ l-​irxoxt, il-​ħajja taʼ dejjem se tkun estiża wkoll lil dawk li huma mejtin. (Ġwann 5:28, 29) Ħafna mill-​misteri taʼ l-​istorja jistgħu jsiru ċari għalina meta dawk li esperjenzawhom ikunu jistgħu jagħtuna d-​dettalji u jwieġbu l-​mistoqsijiet tagħna. Aħseb ftit dwar id-​dehen kollu li se jagħtuna l-​uħud irxoxtati dwar perijodi differenti taʼ l-​istorja.—Atti 24:15.

Meta tikkontempla fuq dak iż-​żmien, tkun tistaʼ tapprezza li meta jirxoxta Ġob għandu mnejn ikun irid jaġġorna l-​istqarrija li nsibu f’Ġob 14:1. Forsi se jissuġġerixxi minflok: ‘Il-​bniedem imwieled minn mara, issa jgħix għal dejjem u hu mimli sodisfazzjon.’

Għal dawk li jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’Jehovah u jeżerċitaw fidi f’Ġesù, li jtawlu l-​ħajja lil hinn mil-​limiti taż-​żmien m’huwiex biss xi ħolma li ma tistax titwettaq. Din dalwaqt se ssir realtà. Ix-​xjuħija u l-​mewt se jispiċċaw. Dan huwa fi qbil maʼ Salm 68:21 [Salm 68:20, NW], li jgħid: “Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-​Mulej Sidna mill-​mewt jeħlisna.”—Apokalissi 21:3, 4.

[Stampi f’paġni 4, 5]

Il-​progress tax-​xjenza qawwa t-​tama dwar il-​possibbiltà li wieħed jgħix ferm iktar

[Stampa f’paġna 7]

L-​eternità hija l-​uniku tul xieraq taʼ żmien li jistaʼ jwettaq il-​possibbiltajiet li l-​ħajja għandha x’toffri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja