Bijografija
Ġeħova Għenni Niffaċċja l-Isfidi tal-Ħajja
KIF RAKKONTATA MINN DALE IRWIN
“TMIENJA BIŻŻEJJED! ERBAʼ TRABI, INKWIET DOPPJU.” Hekk kien jgħid it-titlu taʼ gazzetta lokali li ħabbret iż-żjieda t’erbaʼ trabi fil-familja tagħna li diġà kellha erbat itfal bniet. Meta kont żagħżugħ, lanqas biss kelli intenzjoni li niżżewweġ aħseb u ara li jkolli t-tfal. Madankollu, immaġina s-sitwazzjoni tiegħi—missier taʼ tmienja!
JIEN twilidt fl-1934 fir-raħal taʼ Mareeba, l-Awstralja. Kont l-iżgħar wieħed minn tlett itfal. Iktar tard, il-familja tagħna marret toqgħod Brisbane, fejn ommi kienet tgħallem ir-reliġjon nhar taʼ Ħadd fi knisja Metodista.
Kmieni fl-1938, il-gazzetti lokali rrapportaw li Joseph F. Rutherford mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova kellu mnejn jiġi projbit milli jidħol l-Awstralja. “Għala qed jagħmlulu hekk?” staqsiet ommi lix-Xhud li ġiet iżżurna d-dar wara din l-aħbar. Ix-Xhud wiġbitha: “Ma qalx Ġesù li n-nies kienu se jippersegwitaw lis-segwaċi tiegħu?” Imbagħad ommi aċċettat il-ktejjeb Cure (Kura), li semma ħafna differenzi bejn ir-reliġjon vera u dik falza.a Impressjonata bil-ktejjeb, ommi ħadet lilna t-tfal magħha f’laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova l-Ħadd taʼ wara. Għall-ewwel, missieri oġġezzjona bil-kbir, imma kultant hu kien jikteb mistoqsijiet Bibliċi biex ommi tagħtihom lil wieħed mill-aħwa rġiel. Mill-banda l-oħra, il-ħu kien jikteb it-tweġibiet Skritturali għal ommi biex tagħtihom lil missieri.
Darba waħda l-Ħadd, missieri ġie magħna l-laqgħa, bl-intenzjoni li jesprimi għala ma kienx kuntent bix-Xhieda. Madankollu, wara li kellem lill-indokratur li jivvjaġġa li kien qed iżur lill-kongregazzjoni f’dak iż-żmien, missieri biddel l-attitudni tiegħu u saħansitra ppermetta li darna tintuża bħala post għall-istudju tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa, li għalih kienu jattendu wħud interessati fl-inħawi tagħna.
Il-ġenituri tiegħi tgħammdu f’Settembru taʼ l-1938. Jien u ħuti tgħammidna f’Diċembru taʼ l-1941 f’konvenzjoni nazzjonali li saret f’Hargreave Park, Sydney, New South Wales. Jien kelli sebaʼ snin. Minn dakinhar ’il quddiem, jien ħadt sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa regolarment mal-ġenituri tiegħi. Dak iż-żmien, ix-Xhieda kienu jġorru fonografi minn bieb għal bieb u jsemmgħu lill-inkwilini taħdita mill-Bibbja li tkun rekordjata.
Xhud wieħed li jispikka ħafna fil-memorja tiegħi hu Bert Horton. Hu kellu karozza b’sistema qawwija tas-sawnd u speaker kbir imwaħħal mas-saqaf. Kemm kien eċċitanti x-xogħol taʼ l-ippridkar maʼ Bert, speċjalment għal tfajjel taʼ l-età tiegħi. Per eżempju, meta konna nsemmgħu xi taħdita mill-Bibbja minn fuq il-quċċata taʼ xi għolja, spiss konna naraw karozza tal-pulizija ġejja lejna. Bert kien jitfi s-sistema malajr, u jsuq lejn għolja oħra ħafna kilometri ’l bogħod, u jsemmaʼ rikording ieħor. Jien tgħallimt ħafna minn Bert u minn aħwa oħrajn li kienu leali u kuraġġużi bħalu, dwar kif nafda f’Ġeħova u nkun qalbieni.—Mattew 10:16.
Meta kelli 12-il sena, kont noħroġ b’mod regulari nagħti xiehda waħdi wara l-iskola. Darba minnhom, iltqajt maʼ familja bil-kunjom Adshead. Maż-żmien, il-ġenituri, u t-tmint itfal tagħhom, u ħafna minn ulied uliedhom tgħallmu l-verità. Nirringrazzja lil Ġeħova talli ppermetta li jien, sempliċi tifel, nintroduċi l-verità tal-Bibbja lil din il-familja mill-aħjar.—Mattew 21:16.
Privileġġi taʼ Servizz minn Età Żgħira
Meta kelli 18-il sena, jien sirt ministru pijunier full-time u ġejt inkarigat naqdi f’Maitland, New South Wales. Fl-1956 ġejt mistieden biex naqdi fl-uffiċċju tal-fergħa taʼ l-Awstralja f’Sydney. Terz mill-20 membru kienu midlukin, bit-tama li jaħkmu maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu fis-sema. Xi privileġġ kelli li naħdem spalla maʼ spalla magħhom!—Luqa 12:32; Rivelazzjoni 1:6; 5:10.
Id-determinazzjoni tiegħi li nibqaʼ ġuvni għabet meta ltqajt maʼ Judy Helberg, oħt pijuniera attraenti li kienet ġiet mistiedna biex taqdi b’mod temporanju fl-uffiċċju tal-fergħa ħalli tgħinni fi proġett kbir. Jien u Judy sirna ninħabbu, u wara sentejn iżżewwiġna. Minn dakinhar ’il quddiem bdejna x-xogħol tas-circuit, li kien jinvolvi li kull ġimgħa nżuru lill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, waħda wara l-oħra, biex ninkuraġġixxu lil ħutna.
Fl-1960, Judy wildet lill-ewwel tifla tagħna, Kim. Illum, min ikollu t-tfal ikollu jitlaq ix-xogħol tas-circuit u jissetilja xi mkien. Imma b’sorpriża kbira għalina, aħna ġejna mistidnin inkomplu nżuru lill-kongregazzjonijiet. Wara ħafna talb, aċċettajna l-istedina, u fis-sebaʼ xhur taʼ wara, Kim ivvjaġġat magħna 13,000 kilometru bix-xarabank, bl-ajruplan, u bil-ferrovija lejn kongregazzjonijiet imbegħdin ħafna fi Queensland u fit-Territorju tat-Tramuntana. Dak iż-żmien ma kellniex karozza.
Dejjem konna noqogħdu fid-djar taʼ ħutna. Minħabba l-klima tropikali, il-kmamar tas-sodda dak iż-żmien ġeneralment kien ikollhom purtieri minflok bibien, u dan żidilna l-istress meta Kim kienet tibki bil-lejl. Ir-responsabbiltajiet tagħna biex nieħdu ħsieb tarbija u l-inkarigu li kellna, maż-żmien saru diffiċli wisq. Għalhekk, issetiljajna fi Brisbane, u jien bdejt niddisinja t-tabelli, tip t’arti kummerċjali. Sentejn wara t-twelid taʼ Kim, kellna tifla oħra, Petina.
Inkampaw maʼ Traġedja
Fl-1972, meta l-bniet kellhom 12 u 10 snin, Judy mietet bil-marda taʼ Hodgkin, tip taʼ linfoma. Bħala familja, kważi ma flaħniex għal din it-telfa. Minkejja dan, fiż-żmien li Judy kienet marida u wara mewtha, Ġeħova farraġna permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu qaddis, u l-fratellanza. Ir-rivista Watchtower li rċivejna eżatt wara t-traġedja tassew saħħitna. Kien fiha artiklu li jitkellem dwar il-provi persunali, inkluż it-telfa taʼ xi ħadd għażiż, u wera kif il-provi jistgħu jgħinuna niżviluppaw kwalitajiet bħal dawn li jgħinuna nżommu r-relazzjoni tagħna m’Alla, bħas-sabar, il-fidi, u l-integrità.b—Ġakbu 1:2-4.
Wara l-mewt taʼ Judy, jien u wliedi sirna iktar qrib taʼ xulxin. Però, irrid nammetti li kien diffiċli għalija biex inkun kemm missier u kemm omm għalihom. Madankollu, iż-żewġt ibniet meraviljużi tiegħi għamluli l-biċċa xogħol ħafna iktar faċli.
Nerġaʼ Niżżewweġ u l-Familja Tikber
Maż-żmien erġajt iżżewwiġt. Jien u Mary, marti l-ġdida, kellna ħafna affarijiet simili. Hi wkoll tilfet lil żewġha minħabba l-marda taʼ Hodgkin. Hi wkoll kellha żewġt itfal bniet—Colleen u Jennifer. Colleen kienet xi tliet snin iżgħar minn Petina. Issa l-familja tagħna kellha erbat itfal bniet, bl-età taʼ 14, 12, 9, u 7 snin.
Jien u Mary iddeċidejna li għall-ewwel kull wieħed minna jiddixxiplina lit-tfal bijoloġiċi tiegħu sakemm it-tfal l-oħra jħossuhom komdi jaċċettaw id-direzzjoni tal-ġenitur tar-rispett. Fir-relazzjoni tagħna stess bħala miżżewġin, jien u Mary kellna żewġ regoli importanti. L-ewwel, li qatt ma nargumentaw quddiem it-tfal, u t-tieni, fi qbil mal-prinċipju Bibliku f’Efesin 4:26, aħna konna nitkellmu sakemm insolvu l-problema—anki jekk dan kien jieħu sigħat sħaħ!
Ma stennejniex li kulħadd kien se jaġġusta daqshekk faċilment għall-familja tar-rispett, imma t-telfa tagħna ma nsejnihiex mil-lum għal għada. Per eżempju, it-Tnejn fil-għaxija saret “il-lejla tal-biki” għal Mary. Wara l-istudju tal-familja tagħna, meta t-tfal kienu jmorru jorqdu, l-emozzjonijiet imrażżnin taʼ Mary spiss kienu jibdew ifuru.
Mary riedet li jkollna tarbija tagħna. B’sogħba, Mary kellha korriment. Meta Mary reġgħet ħarġet tqila, kienet ġejja sorpriża kbira. Permezz t’ultrasawnd sirna nafu li mhux tarbija waħda kellha f’ġufha imma erbgħa! Jien bqajt imbellah. Ara issa jien, raġel taʼ 47 sena, dalwaqt kont se nkun missier taʼ tmint itfal! L-erbaʼ trabi twieldu taʼ 32 ġimgħa permezz t’operazzjoni Ċesarja fl-14 taʼ Frar, 1982. Huma twieldu f’din l-ordni, Clint, jiżen 1.6 kilogramma; Cindy, tiżen 1.9 kilogramma; Jeremy, jiżen 1.4 kilogramma; u Danette, tiżen 1.7 kilogramma. Ħadd minnhom ma kien jixxiebah.
Eżatt wara t-twelid, it-tabib taʼ Mary ġie fuqi u poġġa bil-qiegħda ħdejja.
“Qed tinkwieta dwar kif se tieħu ħsieb it-tfal?” staqsieni hu.
“Ħeqq, qatt qabel ma kont f’sitwazzjoni bħal din,” għedtlu jien.
Il-kliem li qalli wara ħasadni u inkuraġġieni.
“Il-kongregazzjoni tiegħek m’hijiex se tiddiżappuntak,” qalli hu. “Malli tagħtas se tara elf ruħ joffrulek maktur ħalli jgħinuk!”
Dan it-tabib u t-tim mediku tiegħu li għenu lil Mary twelled kellhom sehem li jispikka biex fi żmien xahrejn biss stajna nieħdu lit-trabi d-dar mill-isptar f’saħħa raġunevolment tajba.
L-Isfida biex Irrabbu Erbaʼ Trabi
Bl-iskop li nżommu l-ordni, jien u Mary għamilna skeda t’24 siegħa. L-erbat ibniet il-kbar għenuna ħafna biex nieħdu ħsieb it-trabi. U l-kliem tat-tabib kien tassew minnu—malli konna “ngħatsu” l-kongregazzjoni kienet tgħinna fil-pront. Iktar kmieni, John MacArthur, ħabib li kont ili nafu, organizza grupp taʼ Xhieda li kienu tas-sengħa biex ikabbru d-dar tagħna. Meta twieldu t-trabi, grupp t’aħwa nisa għenuna nieħdu ħsiebhom. Dawn l-għemejjel kollha taʼ qalb tajba kienu turija taʼ l-imħabba Kristjana fl-azzjoni.—1 Ġwanni 3:18.
Sa ċertu punt, it-trabi kienu “t-tfal tal-kongregazzjoni.” Sal-ġurnata taʼ llum, għadhom iħarsu lejn il-ħafna aħwa rġiel u nisa li għenuna bħala li huma l-familja tagħhom. Min-naħa taʼ Mary, hi wriet li hi mara u omm li tispikka fil-mod kif ħadet ħsieb uliedha bla egoiżmu. Hi tassew applikat dak li tgħallmet mill-Kelma t’Alla u mill-organizzazzjoni. M’hemm ebda parir aqwa!—Salm 1:2, 3; Mattew 24:45.
Il-laqgħat Kristjani u x-xogħol taʼ l-ippridkar baqgħu parti importanti mir-rutina tagħna taʼ kull ġimgħa, għalkemm kien diffiċli nimmaniġġaw kollox b’erbaʼ trabi. Barka li kellna dak iż-żmien kienu l-istudji tal-Bibbja li kkonduċejna maʼ żewġ koppji miżżewġin li b’qalb tajba kienu jiġu d-dar tagħna għall-istudju. Avolja dan kien għamilhielna iktar faċli, Mary kultant tant kienet tkun għajjiena li kienet tmur għajnha biha waqt l-istudju, b’tarbija rieqda f’ħoġorha. Maż-żmien, iż-żewġ koppji saru ħutna spiritwali.
It-Taħriġ Spiritwali minn Età Żgħira
Minn qabel ma t-trabi tgħallmu jimxu, jien, Mary, u l-bniet il-kbar konna niħduhom fil-ministeru taʼ l-għalqa. Matul iż-żmien li bdew jitgħallmu jimxu, jien u Mary konna nieħdu tnejn kull wieħed, u dan ma kienx ikun taʼ piż għalina. Fil-fatt, spiss kienu jkunu s-suġġett biex nibdew diskussjoni maʼ l-inkwilini li jkunu dħulin. Darba minnhom iltqajt maʼ raġel li ried jgħid li jekk titwieled taħt ċertu sinjal astroloġiku f’jum partikulari, il-personalità tiegħek tkun determinata minn qabel. Jien ma sfidajtux, imma staqsejtu jekk stajtx immur lura iktar tard dakinhar fil-għodu. Hu qalli li stajt, u għalhekk mort lura bl-erbaʼ trabi. Hekk kif ħares lejhom skantat, jien qegħedthom wara xulxin skond l-ordni li twieldu. Imbagħad kellna diskussjoni dħulija, mhux biss dwar id-differenzi fiżiċi li kienu ovvji imma wkoll dwar id-differenzi kbar fil-personalitajiet tagħhom, li ġabu fix-xejn it-teorija tiegħu. “Ara jien lil min ġejt insemmi din it-teorija,” qalli hu. “ Se jkolli nagħmel iżjed riċerka hux?”
Meta kienu fl-età li bdew jitgħallmu jimxu, ma tantx kienu jieħdu gost jiġu dixxiplinati kollha f’daqqa meta joqogħdu mqarbin, allura konna nikkoreġuhom individwalment. Minkejja dan, huma tgħallmu li l-istess regoli japplikaw għal kulħadd. Meta ffaċċjaw kwistjonijiet tal-kuxjenza fl-iskola, huma żammew sod mal-prinċipji Bibliċi u appoġġaw lil xulxin, waqt li Cindy saret il-kelliema tagħhom. In-nies malajr indunaw li grupp t’erbgħa ma tistax tegħlbu malajr!
Jien u Mary kellna l-isfidi tas-soltu biex ngħinu lit-tfal jibqgħu leali lejn Ġeħova matul l-adoloxxenza tagħhom. Nistgħu ngħidu biss li kien ikun ħafna iktar diffiċli kieku ma kellniex l-appoġġ kollu mħabba tal-kongregazzjoni u l-abbundanza taʼ ikel spiritwali li rċivejna mill-parti viżibbli taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art. Aħna stinkajna biex ikollna studju tal-Bibbja regulari mal-familja u biex inżommu komunikazzjoni tajba, għalkemm mhux dejjem kien faċli. Xorta waħda, l-isforz kien taʼ min jagħmlu għaliex it-tmint itfal kollha għażlu li jaqdu lil Ġeħova.
Inkampa maʼ l-Età Avanzata
Tul is-snin, jien gawdejt privileġġi spiritwali: anzjan tal-kongregazzjoni, indokratur tal-belt, u sostitut għall-indokratur tas-circuit. Qdejt ukoll bħala membru tal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet, li qiegħed biex jgħin lit-tobba jikkooperaw mal-pazjenti li jkunu Xhieda jekk tinqalaʼ l-kwistjoni tat-trasfużjoni tad-demm. Għal 34 sena kelli wkoll il-privileġġ li nkun reġistrat biex inżewweġ. Għamilt 350 ċerimonja taż-żwieġ, inkluż dawk tas-sitt ibniet tiegħi.
Dejjem nirringrazzja lil Ġeħova għall-appoġġ leali li rċivejt tul is-snin, l-ewwel minn Judy u issa minn Mary. (Proverbji 31:10, 30) Waqt li appoġġawni fix-xogħol tiegħi bħala anzjan tal-kongregazzjoni, huma ħallew ukoll eżempju mill-aqwa fil-ministeru u għenu biex it-tfal jikkultivaw kwalitajiet spiritwali.
Fl-1996 sirt naf li għandi marda f’moħħi li ġġagħalni nitriegħed f’idejja u ttellifni l-bilanċ. Għalhekk, ma stajtx nibqaʼ niddisinja t-tabelli. Però, għadni nsib ħafna ferħ fis-servizz taʼ Ġeħova, avolja naqqast il-pass. Il-vantaġġ li għandi hu li sirt nagħder iktar lil min hu mdaħħal fiż-żmien bħali.
Hekk kif naħseb dwar ħajti, nirringrazzja lil Ġeħova talli dejjem kien disponibbli biex jgħin lili u lill-familja tiegħi biex niffaċċjaw l-isfidi tagħna bil-ferħ. (Isaija 41:10) Jien u Mary, flimkien mat-tmint itfal tagħna, inħossuna grati wkoll għall-familja meraviljuża taʼ ħutna spiritwali li tant jappoġġawna. Ilkoll kemm huma wrewna mħabbithom b’ħafna iktar modi milli qatt nistgħu nsemmu.—Ġwanni 13:34, 35.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.
b Ara l-Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1972, paġni 174-80.
[Stampa f’paġna 12]
M’ommi, ħija l-kbir Garth, u oħti l-kbira Dawn, lesti biex nivvjaġġaw lejn il-konvenzjoni fl-1941 f’Sydney
[Stampa f’paġna 13]
Maʼ Judy u Kim meta kienet tarbija, fuq ix-xogħol tas-“circuit” fi Queensland
[Stampa f’paġna 15]
Wara li twieldu l-erbaʼ trabi, l-erbat ibniet il-kbar tagħna u l-kongregazzjoni kienu lesti biex jgħinuna