LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 1/15 pp. 4-7
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • In-​Nisa Jgawdu Privileġġi mill-​Aqwa
  • Id-​Diversi Inkarigi tar-​Raġel
  • Ferħanin fl-​Irwoli Tagħhom
  • Nisa, Għala Għandkom Tkunu Sottomessi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 1/15 pp. 4-7

Ir-​Raġel u l-​Mara—Irwol Dinjituż għat-​Tnejn li Huma

ALLA ĠEĦOVA l-​ewwel ħalaq lil Adam, imbagħad lil Eva. Qabel ma nħolqot Eva, Adam kien diġà kiseb esperjenza fil-​ħajja. Matul dan iż-​żmien, Ġeħova tah xi istruzzjonijiet. (Ġenesi 2:​15-​20) Billi qeda bħala l-​kelliem t’Alla, Adam kellu jgħaddihom lil martu. Imbagħad, b’mod loġiku, hu kellu jieħu t-​tmexxija f’kull kwistjoni li tinvolvi l-​qima.

Fil-kongregazzjoni Kristjana jeżisti arranġament simili, u nistgħu nibbenefikaw jekk neżaminawh dan l-​arranġament. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma nippermettix li mara . . . teżerċita awtorità fuq raġel, imma li toqgħod siekta. Għax Adam intgħamel l-​ewwel, imbagħad Eva.” (1 Timotju 2:​12, 13) Dan ma jfissirx li l-​mara trid toqgħod kompletament siekta f’laqgħa tal-​kongregazzjoni Kristjana. Hi għandha tkun siekta fis-​sens li m’għandhiex tieħu sehem f’dibattiti maʼ raġel. Hi m’għandhiex iċċekken il-​pożizzjoni maħtura tiegħu, jew tistinka biex tgħallem fil-​kongregazzjoni. L-​irġiel ngħataw l-​inkarigu li jippresiedu fuq il-​kongregazzjoni u jgħallmuha, imma n-​nisa jżidu ħafna mal-​laqgħat Kristjani billi jipparteċipaw fihom b’diversi modi.

Sabiex jagħtina iktar dehen dwar l-​irwoli rispettivi taʼ l-​irġiel u n-​nisa fl-​arranġament t’Alla, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Ir-​raġel mhux ġej mill-​mara, imma l-​mara mir-​raġel . . . Minbarra dan, fil-​Mulej, la l-​mara m’hi mingħajr ir-​raġel u lanqas ir-​raġel m’hu mingħajr il-​mara [ħadd minnhom m’hu indipendenti mill-​ieħor]. Għax bħalma l-​mara ġejja mir-​raġel, hekk ukoll ir-​raġel ġej permezz tal-​mara; imma kollox ġej minn Alla.”​—1 Korintin 11:​8-​12.

In-​Nisa Jgawdu Privileġġi mill-​Aqwa

Fil-​Liġi li Alla ta lil Iżrael, in-​nisa kellhom ħafna privileġġi u kienu liberi li jieħdu l-​inizjattiva. Per eżempju, Proverbji 31:​10-​31 jitkellem dwar “mara taʼ ħila” li tixtri drapp mill-​aqwa u tagħmel ilbiesi mill-​aħjar għall-​familja tagħha. Saħansitra kienet “tinseġ drapp taʼ l-​għażel u tbigħu”! (Versi 13, 21-​24) “Bħal ġifen tal-​merkanti,” din il-​mara mill-​aqwa tfittex l-​aħjar ikel, anki jekk dan ikun jirrikjedi li tmur f’post ’il bogħod biex tiksbu. (Vers 14) ‘Tefgħet għajnejha fuq għalqa, u xtratha,’ u ‘ħawlitha dwieli.’ (Vers 16) Ladarba “n-​negozju tagħha hu tajjeb,” l-​attivitajiet tagħha ġabu l-​qligħ. (Vers 18) Minbarra li “ħsiebha fit-​tmexxija taʼ darha,” din il-​mara bieżla li tibżaʼ minn Ġeħova, mingħajr egoiżmu taʼ xejn, tgħin lil oħrajn. (Versi 20, 27) Mhux taʼ b’xejn li tiġi mfaħħra!—Vers 31.

Il-liġi li pprovda Ġeħova permezz taʼ Mosè tat lin-​nisa opportunità biżżejjed biex jikbru spiritwalment. Per eżempju, f’Ġożwè 8:35 naqraw: “Ma kienx hemm kelma minn kull ma kien ordna Mosè li ma qrahiex Ġożwè quddiem il-​ġemgħa kollha taʼ Iżrael, nisa, tfal u l-​barranin li kienu jgħammru f’nofshom.” Dwar il-​qassis Esdra, il-​Bibbja tgħid: “[Hu] ġieb il-​Liġi quddiem il-​ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-​sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-​irġiel, in-​nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-​misraħ li hemm quddiem Bieb l-​Ilma. U l-​poplu kollu kien attent jismaʼ l-​qari tal-​Ktieb tal-​Liġi.” (Neħemija 8:​2, 3) In-​nisa bbenefikaw minn qari bħal dan tal-​Liġi. Huma osservaw ukoll il-​festi reliġjużi. (Dewteronomju 12:​12, 18; 16:​11, 14) L-​iktar importanti, in-​nisa taʼ Iżrael tal-​qedem setaʼ jkollhom relazzjoni persunali m’Alla Ġeħova u setgħu jitolbu lilu individwalment.​—1 Samwel 1:​10.

Fl-ewwel seklu E.K., nisa li kienu jibżgħu minn Alla kellhom il-​privileġġ li jaqdu lil Ġesù. (Luqa 8:​1-3) Waqt ikla taʼ fil-​għaxija f’Betanja, waħda mara dilkitlu rasu u saqajh. (Mattew 26:​6-​13; Ġwanni 12:​1-7) Xi nisa kienu fost dawk li dehrilhom Ġesù wara li ġie rxoxtat. (Mattew 28:​1-​10; Ġwanni 20:​1-​18) Wara li Ġesù telaʼ s-​sema, il-​grupp taʼ madwar 120 dixxiplu li ltaqgħu flimkien inkluda ‘xi nisa u [lil] Marija omm Ġesù.’ (Atti 1:​3-​15) Ħafna minn dawn in-​nisa jekk mhux kollha żgur li kienu preżenti fil-​kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta ntbagħat l-​ispirtu qaddis u d-​dixxipli taʼ Ġesù b’mod mirakoluż bdew jitkellmu b’għadd taʼ lingwi differenti.​—Atti 2:​1-​12.

Kemm l-​irġiel u kemm in-​nisa kienu fost dawk li esperjenzaw it-​twettiq taʼ Ġoel 3:​1, 2 (2:​28, 29, NW) li kkwota l-​appostlu Pietru fil-​ġurnata taʼ Pentekoste: “[Jien, Ġeħova] inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw . . . U anki fuq l-​ilsiera tiegħi, irġiel u nisa, inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem.” (Atti 2:​13-​18) Għal xi żmien wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K. in-​nisa Kristjani ġew premjati bid-​doni taʼ l-​ispirtu. Huma tkellmu b’lingwi barranin u pprofetizzaw, u għalkemm mhux neċessarjament bassru dak li kien se jiġri huma tkellmu dwar il-​veritajiet Skritturali.

Fl-ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma, l-​appostlu Pawlu tkellem bi mħabba dwar “oħtna Febe,” u rrikkmandahielhom. Hu rrefera wkoll għal Trifena u Trifosa, u sejħilhom “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej.” (Rumani 16:​1, 2, 12) Għalkemm dawn in-​nisa ma ġewx maħturin għal xi pożizzjoni fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu, huma u ħafna nisa oħrajn kellhom il-​barka li jkunu magħżulin minn Alla sabiex ikunu assoċjati maʼ Ibnu, Ġesù Kristu, fis-​Saltna tas-​sema.​—Rumani 8:​16, 17; Galatin 3:​28, 29.

Xi privileġġ grandjuż għandhom in-​nisa li jibżgħu minn Alla llum! “Il-​Mulej Sidi jagħti ordni, u ħafna huma n-​nisa li jagħtu l-​bxara,” jgħid Salm 68:12 (68:​11, NW). Nisa bħal dawn ħaqqhom it-​tifħir. Per eżempju, it-​tagħlim tagħhom bis-​sengħa fuq l-​istudji tal-​Bibbja qed iwassal lil ħafna biex jaċċettaw it-​tagħlim veru li jogħġob lil Alla. Nisa Kristjani miżżewġin li jgħinu lil uliedhom isiru wħud li jemmnu u li jappoġġaw lill-​irġiel tagħhom li għandhom ħafna xogħol fil-​kongregazzjoni wkoll jistħoqqilhom it-​tifħir. (Proverbji 31:​10-​12, 28) Nisa li m’humiex miżżewġin ukoll għandhom post dinjituż fl-​arranġament t’Alla, u l-​irġiel Kristjani huma mwissijin biex ‘iwissu lil nisa xjuħ bħala ommijiet, nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-​safa kollu.’​—1 Timotju 5:​1, 2.

Id-​Diversi Inkarigi tar-​Raġel

Raġel Kristjan għandu rwol li ngħatalu b’mod divin u huwa mistenni li jwettqu. Pawlu qal: “Irridkom tkunu tafu li l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Ir-​raġel ukoll għandu kap​—il-​Kristu. Tabilħaqq, ir-​raġel huwa mistenni li jagħti kont lill-​Kristu u fl-​aħħar mill-​aħħar lil Alla. U Alla jistenna li r-​raġel jeżerċita l-​istat tiegħu taʼ kap bi mħabba. (Efesin 5:​25) Dan kien hekk minn meta nħolqu l-​bnedmin.

Il-Bibbja turi li Alla ta lir-​raġel inkarigu fi qbil maʼ l-​istat tiegħu bħala l-​kap. Per eżempju, Ġeħova qal lir-​raġel Noè biex jibni arka sabiex jippreserva l-​ħajja matul id-​Dilluvju. (Ġenesi 6:9–​7:​24) Ir-​raġel Abraham ġie mwiegħed li permezz tan-​nisel tiegħu, il-​familji u l-​ġnus kollha taʼ l-​art kienu se jitbierku. Ġesù Kristu hu l-​parti primarja taʼ dak in-​nisel. (Ġenesi 12:​3, 4 [12:​3, NW]; 22:18; Galatin 3:​8-​16) Alla ħatar lir-​raġel Mosè sabiex imexxi lill-​Iżraelin ’il barra mill-​Eġittu. (Eżodu 3:​9, 10, 12, 18) Kien permezz taʼ Mosè li Ġeħova ta l-​kodiċi tal-​liġi li hi magħrufa bħala l-​patt tal-​Liġi, jew il-​Liġi Mosajka. (Eżodu 24:​1-​18) Il-​kittieba tal-​Bibbja huma kollha rġiel.

Bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù “ta rġiel bħala għotjiet.” (Efesin 1:​22; 4:​7-​13) Meta ta lista tal-​kwalifiki għall-​indokraturi, Pawlu rrefera għall-​irġiel. (1 Timotju 3:​1-7; Titu 1:​5-9) Għalhekk, il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova huma moqdijin minn indokraturi, jew anzjani, irġiel u minn irġiel li huma maħturin bħala qaddejja ministerjali. (Filippin 1:​1, 2; 1 Timotju 3:​8-​10, 12) L-​irġiel biss jistgħu jaqdu bħala rgħajja fil-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Pietru 5:​1-4) Madankollu, bħalma ssemma diġà, Alla ta lin-​nisa privileġġi mill-​aqwa.

Ferħanin fl-​Irwoli Tagħhom

Jekk l-​irġiel u n-​nisa jwettqu l-​irwoli tagħhom se jkunu ferħanin. Meta l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin jimitaw l-​eżempju taʼ Kristu u l-​kongregazzjoni tiegħu, huma jkollhom żwiġijiet henjin. Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha . . . Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” (Efesin 5:​25-​33) Għalhekk, l-​irġiel miżżewġin jeħtieġu li jeżerċitaw l-​istat tagħhom taʼ kap bi mħabba u mhux b’egoiżmu. Il-​kongregazzjoni taʼ Kristu m’hijiex magħmula minn bnedmin perfetti. Madankollu, Ġesù jħobbha u jieħu ħsiebha. B’mod simili, raġel Kristjan għandu jħobb lil martu u jieħu ħsiebha.

Mara Kristjana “għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:​33) Biex tagħmel dan hi tistaʼ tħares lejn il-​kongregazzjoni bħala eżempju. Efesin 5:​21-​24 jgħid: “Kunu sottomessi lejn xulxin fil-​biżaʼ taʼ Kristu. In-​nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-​Mulej, għax ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, billi hu s-​salvatur taʼ dan il-​ġisem. Fil-​fatt, bħalma l-​kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-​Kristu, hekk ukoll in-​nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom f’kollox.” Għalkemm kultant mara miżżewġa se ssibha taʼ sfida jew diffiċli biex tissottometti ruħha lejn żewġha, dan “jixraq [huwa sewwa] fil-​Mulej.” (Kolossin 3:​18) Se jkun iktar faċli għaliha li tissottometti ruħha lejn żewġha jekk iżżomm f’moħħha li dan jogħġob lil Sidna Ġesù Kristu.

Anki jekk ir-​raġel tagħha ma jkunx taʼ l-​istess twemmin, mara Kristjana għandha tissottometti ruħha lejn l-​istat tiegħu taʼ kap. L-​appostlu Pietru jgħid: “Intom in-​nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.” (1 Pietru 3:​1, 2) Sara, li rrispettat lil żewġha Abraham, kellha l-​privileġġ li tiled lil Iżakk u ssir antenata taʼ Ġesù Kristu. (Ebrej 11:​11, 12; 1 Pietru 3:​5, 6) In-​nisa miżżewġin li jġibu ruħhom bħal Sara jistgħu jibqgħu ċerti li se jiġu premjati minn Alla.

Meta l-​irġiel u n-​nisa jwettqu l-​irwoli li tahom Alla jkollhom paċi u armonija. Dan se jwassal biex ikollhom sodisfazzjon u hena. Iktar minn hekk, meta t-​tnejn isegwu l-​ħtiġijiet Skritturali huma se jiġu mżejnin bid-​dinjità li hi relatata mal-​post privileġġat li għandhom fl-​arranġament t’Alla.

[Kaxxa f’paġna 7]

Kif Iħossuhom dwar l-​Irwol li Tahom Alla

“Ir-​raġel tiegħi jeżerċita l-​istat tiegħu taʼ kap bi mħabba u b’qalb tajba,” tgħid Susan. “Ġeneralment aħna niddiskutu d-​deċiżjonijiet flimkien, u meta jiddeċiedi dak li għandu jsir jew dak li m’għandux isir, naf li se jkun għall-​benefiċċju tagħna. L-​arranġament taʼ Ġeħova għan-​nisa Kristjani miżżewġin verament jagħmilni ferħana u jsaħħaħ iż-​żwieġ tagħna. Għandna relazzjoni verament b’saħħitha u naħdmu flimkien ħalli nilħqu l-​miri spiritwali.”

Mara jisimha Mindy tgħid: “L-​irwol li Ġeħova ta lill-​qaddejja nisa tiegħu huwa rassiguranza taʼ l-​imħabba li għandu għalina. Inħoss li meta nonora u nirrispetta lil żewġi u nappoġġah fl-​inkarigi tiegħu fil-​kongregazzjoni nkun qed nuri apprezzament lejn Ġeħova għal dan l-​arranġament.”

[Stampi f’paġna 5]

Alla ta lil Noè, Abraham, u Mosè diversi inkarigi fi qbil mal-​pożizzjoni taʼ raġel bħala kap

[Stampa f’paġna 7]

“Ħafna huma n-​nisa li jagħtu l-​bxara”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja