LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 4/1 pp. 8-11
  • Fidi fil-Profeziji tal-Bibbja Tippreserva l-Ħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fidi fil-Profeziji tal-Bibbja Tippreserva l-Ħajja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irvell Kontra Ruma
  • Jispiċċaw f’Anarkija
  • Arkata li tagħti xhieda li l-profezija twettqet bl-eżatt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • “Dan Jeħtieġ li Jiġri”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Se Tkun Int Salvat Meta Alla Jaġixxi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Salvaw Ħajjithom Billi Qagħdu Attenti
    Ibqaʼ Għassa!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 4/1 pp. 8-11

Fidi fil-​Profeziji tal-​Bibbja Tippreserva l-​Ħajja

ĠESÙ kien sejjer mit-​tempju f’Ġerusalemm għall-​aħħar darba meta wieħed mid-​dixxipli tiegħu stqarr: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!” Il-​ġens Lhudi kien kburi ħafna bit-​tempju u kien iqisu bħala teżor. Madankollu, Ġesù wieġeb: “Qed tarah dan il-​bini kbir? Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx.”​—Marku 13:​1, 2.

Il-ħsieb biss ukoll huwa inkredibbli! Xi wħud mill-​ġebel tat-​tempju hu enormi. Barra minn hekk, dak li Ġesù jgħid dwar it-​tempju jirreferi għall-​qerda taʼ Ġerusalemm u forsi anki tal-​ġens Lhudi kollu kemm hu, li t-​tempju hu ċ-​ċentru tal-​qima tiegħu. Għalhekk, id-​dixxipli taʼ Ġesù jkomplu biex jistaqsuh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal taʼ meta dan kollu għandu jintemm?”​—Marku 13:​3, 4.

Ġesù wissa: ‘Għadu mhux it-​tmiem.’ L-​ewwelnett, id-​dixxipli kellhom jisimgħu dwar gwerer, terremoti, ġuħ, u mard li jittieħed f’post wara l-​ieħor. Imbagħad, ġrajjiet drammatiċi kellhom jixħtu lill-​ġens Lhudi f’diżastru kbir immens, iva, “tribulazzjoni kbira.” Però, Alla kellu jintervieni biex isalva “l-​magħżulin,” jiġifieri, il-​Kristjani leali. Kif?​—Marku 13:​7; Mattew 24:​7, 21, 22; Luqa 21:​10, 11.

Irvell Kontra Ruma

Għaddew tmienja u għoxrin sena, u l-​Kristjani f’Ġerusalemm kienu għadhom qed jistennew it-​tmiem. L-​Imperu Ruman kien mifni bi gwerer, terremoti, ġuħ, u mard li jittieħed. (Ara l-​kaxxa f’paġna 9.) Il-​Lhudija kienet il-​qalba taʼ taqbid ċivili u etniku. Madankollu, fis-​sigurtà tas-​swar taʼ Ġerusalemm, kien hemm xi ftit paċi. In-​nies kienu jieklu, jaħdmu, jiżżewġu, u jkollhom it-​tfal, bħalma dejjem kienu għamlu. Il-​preżenza tat-​tempju enormi ġagħlet lin-​nies iħossuhom li l-​belt kienet stabbli u dejjiema.

Madwar is-​sena 61 E.K., il-​Kristjani f’Ġerusalemm irċivew ittra mill-​appostlu Pawlu. Hu faħħarhom għas-​sabar tagħhom imma kien konċernat li xi wħud fil-​kongregazzjoni taw l-​impressjoni li s-​sens t’urġenza tagħhom naqas. Uħud mill-​Kristjani kienu qed jiżvijaw spiritwalment jew jonqsu mill-​maturità Kristjana. (Ebrej 2:1; 5:​11, 12) Pawlu ħeġġiġhom: “Għalhekk, tarmux il-​libertà tal-​kelma li għandkom . . . Għax ‘ftit ferm’ baqaʼ, u ‘dak li ġej jasal u ma jiddawwarx.’ ‘Imma l-​ġust tiegħi jgħix minħabba l-​fidi,’ u, ‘jekk jerġaʼ lura, ruħi ma tiħux pjaċir bih.’” (Ebrej 10:​35-​38) Parir f’waqtu tabilħaqq! Imma kienu l-​Kristjani se jeżerċitaw fidi u jibqgħu għassa għat-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù? Kien it-​tmiem taʼ Ġerusalemm verament fil-​qrib?

Matul il-​ħames snin taʼ wara, il-​kundizzjonijiet f’Ġerusalemm bil-​mod il-​mod marru għall-​agħar. Fl-​aħħar, fis-​sena 66 E.K., il-​Gvernatur Ruman korrott Floru ħataf 17-il talent bħala “taxxa midjuna” mit-​teżor tat-​tempju sagru. Il-​Lhud irrabjaw ħafna u rribellaw. Ribelli Lhud marru Ġerusalemm u qatlu l-​forzi Rumani t’hemmhekk. Imbagħad bla biżaʼ ddikjaraw li l-​Lhudija kienet indipendenti minn Ruma. Il-​Lhudija u Ruma issa kienu fi gwerra!

Fi żmien tliet xhur, il-​gvernatur Ruman tas-​Sirja, Ċestju Gallu, immarċja lejn in-​nofsinhar bi 30,000 suldat biex jegħleb ir-​ribelljoni Lhudija. L-​armata tiegħu waslet Ġerusalemm waqt il-​Festa taʼ l-​Għerejjex u ma damitx ma ppenetrat l-​inħawi taʼ madwar il-​belt. Ir-​ribelli, li kienu inqas fin-​numru, fittxew il-​kenn ġewwa l-​fortizza tat-​tempju. Is-​suldati Rumani ma damux ma dgħajfu l-​ħajt tat-​tempju. Il-​Lhud ħassewhom ixxokkjati. Is-​suldati pagani issa kienu qed ikasbru l-​iktar post qaddis tal-​Ġudaiżmu! Però, il-​Kristjani fil-​belt ftakru fil-​kliem taʼ Ġesù: ‘Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-​ħaġa moqżieża, imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji.’ (Mattew 24:​15, 16) Kienu se juru fidi fil-​kliem profetiku taʼ Ġesù u jiġu mqanqlin biex jaġixxu fi qbil miegħu? Minħabba l-​mod kif żvolġew l-​affarijiet, ħajjithom iddependiet milli jagħmlu dan. Imma kif?

F’daqqa waħda u mingħajr ebda raġuni, Ċestju Gallu ħareġ lit-​truppi tiegħu u rtira lejn il-​kosta bir-​ribelli jsegwuhom mill-​qrib. B’mod taʼ l-​għaġeb, it-​tribulazzjoni fuq il-​belt spiċċat għal għarrieda! Billi wrew il-​fidi tagħhom fit-​twissija profetika taʼ Ġesù, il-​Kristjani ħarbu minn Ġerusalemm lejn Pella, belt newtrali viċin il-​muntanji n-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan. Il-​ħarba tagħhom kienet f’waqtha. Ir-​ribelli ma damux ma rritornaw Ġerusalemm u sforzaw lill-​abitanti li kienu għadhom hemm biex jingħaqdu magħhom fir-​ribelljoni.a Sadanittant, waqt li kienu fis-​sigurtà f’Pella, il-​Kristjani stennew żviluppi oħrajn.

Jispiċċaw f’Anarkija

Fi żmien ftit xhur, armata Rumana ġdida avanzat lejn Ġerusalemm. Matul is-​sena 67 E.K., il-​Ġeneral Vespasjanu u ibnu Titu ġabru forza kbira taʼ 60,000 suldat. Għas-​sentejn li ġew wara, din il-​forza distruttiva avanzat lejn Ġerusalemm, billi eliminat kull reżistenza li ltaqgħet magħha. Sadanittant, ġewwa Ġerusalemm, gruppi rivali Lhud kienu involuti f’taqbid aħrax. L-​imħażen tal-​qamħ tal-​belt inqerdu, l-​inħawi taʼ madwar it-​tempju ġġarrfu, u iktar minn 20,000 Lhudi nqatlu. Vespasjanu ma jmurx mill-​ewwel lejn Ġerusalemm, billi ddikjara: ‘Alla jaġixxi bħala ġeneral Ruman aħjar minni; l-​għedewwa tagħna qed jeqirdu lil xulxin b’idejhom stess.’

Meta miet l-​Imperatur Ruman Neruni, Vespasjanu telaq lejn Ruma biex jassigura t-​tron, u ħalla lil Titu biex itemm il-​kampanja tagħhom fil-​Lhudija. Titu avanza fuq Ġerusalemm fi żmien il-​Qbiż tas-​sena 70 E.K., u għalaq lir-​residenti u l-​pellegrini fil-​belt. Il-​forzi tiegħu neżżgħu l-​kampanja tal-​Lhudija mis-​siġar biex jibnu ħajt twil xi 7 kilometri bi zkuk ippontati madwar il-​belt assedjata. Dan hu eżatt kif ipprofetizza Ġesù: “L-​għedewwa tiegħek jibnu madwarek ħajt bi zkuk ippontati u jdawruk u jnikktuk minn kull naħa.”​—Luqa 19:43.

Il-ġuħ ma damx ma fena l-​belt. Gruppi armati serqu lid-​djar tal-​mejtin u taʼ dawk li kienu qed imutu. Minn taʼ l-​inqas mara waħda ddisprata qatlet u kielet lit-​tarbija tagħha, u b’hekk wettqet il-​profezija: “Int tiekol il-​frott taʼ ġufek, laħam is-​subjien u l-​bniet tiegħek . . . minħabba d-​diqa u l-​għeluq li jġibek fihom l-​għadu meta jassedjak.”​—Dewteronomju 28:​53-​57.

Fl-aħħar, wara assedju taʼ ħames xhur, Ġerusalemm waqgħet. Il-​belt u t-​tempju grandjuż tagħha nsterqu u nħarqu u mbagħad ġew imġarrfin ġebla ġebla. (Danjel 9:​26) Kien hemm total taʼ 1,100,000 mejjet, u 97,000 ruħ oħra ntbagħtu fl-​eżilju.b (Dewteronomju 28:68) Il-​Lhudija kważi tbattlet mil-​Lhud. Tassew kien diżastru nazzjonali mingħajr paragun, bidla kbira fil-​ħajja politika, reliġjuża, u kulturali tal-​Lhud.c

Sadanittant, il-​Kristjani f’Pella taw radd il-​ħajr lil Alla għall-​ħelsien tagħhom. Il-​fidi tagħhom fil-​profezija Biblika ppreservat lil ħajjithom stess!

Meta nħarsu lura lejn dawk il-​ġrajjiet, kull wieħed u waħda minna llum jagħmel tajjeb jekk jistaqsi: ‘Għandi jien il-​fidi li se tippreserva lil ħajti waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa? Jien “it-​tip li għandi l-​fidi biex inżomm ruħi ħajja”?’​—Ebrej 10:39; Rivelazzjoni 7:​14.

[Noti taʼ taħt]

a L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jirrapporta li r-​ribelli ġrew wara r-​Rumani għal sebat ijiem qabel ma rritornaw Ġerusalemm.

b Skond stima waħda, iktar minn wieħed minn kull sebaʼ Lhud fl-​Imperu Ruman inqatlu.

c Alfred Edersheim, studjuż Lhudi tal-​Bibbja, kiteb: “[Din] it-​tribulazzjoni fuq Iżrael [kienet] bla paragun fil-​passat terribbli taʼ l-​istorja tagħha, u bla paragun saħansitra fil-​futur imdemmi tagħha.”

[Tabella f’paġna 9]

Aspetti mis-​Sinjal Imwettqin fl-​Ewwel Seklu

GWERER:

Gallja (39-​40 E.K.)

Afrika taʼ Fuq (41 E.K.)

Britannja (43, 60 E.K.)

Armenja (58-​62 E.K.)

Konflitti ċivili u etniċi

fil-Lhudija (50-​66 E.K.)

TERREMOTI:

Ruma (54 E.K.)

Pompej (62 E.K.)

Asja Minuri (53, 62 E.K.)

Kreta (62 E.K.)

ĠUĦ:

Ruma, Greċja, Eġittu (ċ. 42 E.K.)

Lhudija (ċ. 46 E.K.)

MARD LI JITTIEĦED:

Babilonja (40 E.K.)

Ruma (60, 65 E.K.)

PROFETI FOLOZ:

Lhudija (ċ. 56 E.K.)

[Mappa/Stampa f’paġna 10]

Il-​Kampanja Rumana fil-​Palestina, 67-​70 E.K.

Ptolemajs

Il-​Baħar tal-​Galilija

Pella

PERIJA

SAMARIJA

Ġerusalemm

Il-​Baħar il-​Mielaħ

LHUDIJA

Ċesarija

[Sors]

Il-​mappa biss: Based on maps copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel

[Stampa f’paġna 11]

‘L-​għedewwa tagħna qed jeqirdu lil xulxin b’idejhom stess.’​—Vespasjanu

[Stampi f’paġna 11]

Fis-​sena 70 E.K., il-​forzi Rumani qerdu lil Ġerusalemm

[Sors tal-Istampa f’paġna 11]

Skultura: Soprintendenza Archeologica di Roma; Vespasjanu: Bildarchiv Preussischer Kulturbesitz/Art Resource, NY

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja