Tibżaʼ Int mill-Futur?
IL-BIŻAʼ għandu ħafna wċuħ. Per eżempju, xi nies jibżgħu dwar il-futur taʼ l-ambjent naturali tad-dinja. “Minn mewġ taʼ sħana kbira għal maltempati għal għargħar għal nirien għal glaċieri enormi li jinħallu, il-klima globali madwarna donnha qed tisfaxxa,” qalet ir-rivista Time, fil-ħarġa tat-3 t’April, 2006.
F’Mejju taʼ l-2002, il-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Ambjent ħareġ rapport bl-isem “Ħarsa Lejn l-Ambjent Globali-3.” Dan ġie mħejji bil-kooperazzjoni taʼ iktar minn 1,000 ruħ. Skond rapport fl-aħbarijiet, dan kien jgħid: “Il-pjaneta tinsab f’punt fejn trid tittieħed deċiżjoni għaliex l-għażliet li se jsiru llum qed jeffettwaw serjament il-foresti, l-oċeani, ix-xmajjar, il-muntanji, l-annimali salvaġġi, u sistemi ekoloġiċi oħrajn li minnhom jiddependu l-ġenerazzjonijiet t’issa u tal-futur.”
Il-kundizzjoni preżenti taʼ l-ambjent globali hija biss kaġun wieħed taʼ l-ansjetà. In-nies madwar id-dinja issa jgħixu f’biżaʼ minn attakki terroristiċi. Id-direttur deputat tax-xogħlijiet għall-aġenzija primarja taʼ l-ispiji fil-Kanada qal: “Aħna nibqgħu mqajmin il-lejl kollu ninkwetaw dwar theddid li ma nafux bih.” Fil-fatt, anki min jara l-aħbarijiet taʼ fil-għaxija fuq it-televixin jistaʼ jħossu ansjuż!
Ħafna adulti ħabrieka jibżgħu li jitilfu l-impjieg tagħhom. Il-telf taʼ l-impjieg, fabbriki li jagħlqu, il-kompetizzjoni fuq il-post tax-xogħol, u domandi eċċessivi oħrajn mill-imgħallmin joħolqu atmosfera taʼ nuqqas taʼ sigurtà fuq ix-xogħol. L-adoloxxenti jiffaċċjaw il-biżaʼ li jiġu mwarrbin minn dawk taʼ mparhom. It-tfal żgħar għandhom mnejn jibżgħu li l-ġenituri tagħhom ma jħobbuhomx verament. Imma xi ngħidu dwar il-kundizzjonijiet fid-dinja taʼ madwarhom? “Għaż-żgħar u l-innoċenti, id-dinja barra darhom bilfors li kultant tidher bħala post kbir u tal-biżaʼ,” tgħid waħda omm inkwetata. U ħafna ġenituri jinsabu ansjużi li dawk li jħobbu, speċjalment uliedhom, qed jiġu effettwati mill-morali tad-dinja li qed jiddeterjoraw.
L-anzjani spiss jibżgħu li se jaqgħu xi taraġ jew li jiġu attakkati fit-triq. Iva, għalihom “kull telgħa tbażża’, u t-triq issir tkexkix.” (Koħèlet 12:5) Hemm il-biżaʼ minn mard serju. Rapporti dwar viruses taʼ influwenza qattiela, mard tal-kanċer, u mard li jittieħed jistaʼ jqabbadna l-biżaʼ li taqbadna xi marda ġdida u stramba li tistaʼ timmankana jew toqtol lilna u lill-familja tagħna. Tabilħaqq, meta naraw nies vivaċi li jbigħu s-saħħa jimirdu u jsiru fraġli, ikun diffiċli li ma ninkwetawx dwar il-fatt li l-istess ħaġa tistaʼ tiġri lilna jew lill-maħbubin tagħna. U kemm iqabbdek dwejjaq li tħares f’għajnejn individwu marid u tara li m’għandu ebda tama!
Ladarba aħna effettwati mill-ħafna aspetti tal-biżaʼ, għandna aħna raġuni valida biex inkunu ottimisti dwar il-futur? Hemm xi ħaġa li tistaʼ tgħinna nżommu ħarsa pożittiva? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
© Jeroen Oerlemans/Panos Pictures