Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
“Mhux li kien jiżviluppaw lil din qalbhom biex jibżgħu minni u biex iżommu l-kmandamenti kollha tiegħi dejjem.”—DEWTERONOMJU 5:29, NW.
1. Kif nistgħu nkunu ċerti li fil-futur in-nies se jgawdu l-libertà mill-biżaʼ?
IL-BIŻAʼ waħħax lill-umanità għal sekli sħaħ. Il-biżaʼ mill-ġuħ, mill-mard, mill-kriminalità, jew mill-gwerer iżomm lil miljuni taʼ nies f’ansjetà kontinwa. Għal din ir-raġuni l-introduzzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tesprimi x-xewqa li jkun hawn dinja li fiha l-bnedmin kollha jgawdu l-libertà mill-biżaʼ.a B’ferħ, Alla nnifsu jassigurana li se jkun hawn dinja bħal din—għalkemm mhux bis-saħħa tal-bniedem. Permezz tal-profeta tiegħu Mikea, Jehovah iwegħedna li fid-dinja l-ġdida taʼ tjieba tiegħu, “ma jkunx hemm min iwerwirhom” lin-nies tiegħu.—Mikea 4:4.
2. (a) L-Iskrittura kif tħeġġiġna biex nibżgħu minn Alla? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jqumu meta nikkunsidraw id-dmir li għandna li nibżgħu minn Alla?
2 Mill-banda l-oħra, il-biżaʼ jistaʼ jkun ukoll forza pożittiva. Fl-Iskrittura, il-qaddejja t’Alla jiġu mħeġġin ripetutament biex jibżgħu minn Jehovah. Mosè qal lill-Iżraelin biex ‘jibżgħu mill-Mulej, Alla tagħhom, u lilu jservu.’ (Dewteronomju 6:13) Sekli wara, Salamun kiteb: “Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.” (Ekkleżjażti 12:13, Karm Żammit) Permezz tax-xogħol tagħna taʼ għoti taʼ xiehda, li jitwettaq taħt is-superviżjoni taʼ l-anġli, aħna bl-istess mod inħeġġu lin-nies kollha biex ‘jibżgħu minn Alla u jagħtuh glorja.’ (Apokalissi 14:6, 7) Barra milli jibżgħu minn Jehovah, il-Kristjani jridu jħobbuh b’qalbhom kollha. (Mattew 22:37, 38) Kif nistgħu nħobbu lil Alla u fl-istess ħin nibżgħu minnu? Għala għandna bżonn nibżgħu minn Alla li jħobb? Liema benefiċċji nistgħu niksbu jekk nikkultivaw il-biżaʼ minn Alla? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, l-ewwel irridu nifhmu xi jfisser il-biżaʼ minn Alla u kif dan it-tip taʼ biżaʼ jifforma parti fundamentali mir-relazzjoni li għandna maʼ Jehovah.
Stagħġib, Rispett Profond, u Biżaʼ
3. Xi jfisser il-biżaʼ minn Alla?
3 Il-biżaʼ minn Alla huwa sentiment li l-Kristjani għandhom ikollhom lejn Dak li għamilhom. Definizzjoni waħda taʼ dan il-biżaʼ hija “stagħġib u rispett profond lejn il-Ħallieq u twerwir bnin li ma nogħġbuhx.” B’hekk, il-biżaʼ minn Alla jinfluwenza żewġ aspetti importanti minn ħajjitna: l-attitudni tagħna lejn Alla u l-attitudni tagħna lejn kondotta li hu jobgħod. Ovvjament, iż-żewġ aspetti huma kruċjali u jixirqilhom li jitqiesu bir-reqqa. Bħalma jindika l-Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine, għall-Kristjani dan il-biżaʼ mqanqal minn rispett profond huwa ‘motiv li jikkontrolla l-ħajja, fi kwistjonijiet kemm spiritwali kif ukoll morali.’
4. Kif nistgħu niżviluppaw sentimenti taʼ stagħġib u rispett profond lejn il-Ħallieq tagħna?
4 Kif nistgħu niżviluppaw sentimenti taʼ stagħġib u rispett profond lejn il-Ħallieq tagħna? Aħna nibqgħu mistagħġbin meta naraw xi xena sabiħa tal-kampanja, xi kaskata impressjonanti, jew xi nżul ix-xemx spettakolari, u nistagħġbu iktar meta nagħrfu, bl-għajnejn tal-fidi, li hemm l-id t’Alla wara dawn ix-xogħlijiet taʼ ħolqien. Barra minn hekk, bħas-Sultan David, aħna nindunaw kemm m’aħna xejn meta nqabblu ruħna mal-ħolqien meraviljuż taʼ Jehovah. “Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih?” (Salm 8:4, 5 [8:3, 4, NW]) Dan l-istagħġib profond iwassal għal stima kbira li tqanqalna biex niżżu ħajr u nfaħħru lil Jehovah għal dak kollu li jagħmel għalina. David kiteb ukoll: “Infaħħrek; għax tal-biżaʼ u taʼ l-għaġeb jien magħmul: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek; u dan ruħi tafu tajjeb.”—Salm 139:14, KŻ.
5. Għala għandna nibżgħu minn Jehovah, u liema eżempju mill-aħjar għandna f’dan ir-rigward?
5 Sentimenti taʼ stagħġib u rispett profond inisslu biżaʼ bnin mimli stima lejn il-qawwa t’Alla bħala l-Ħallieq u lejn l-awtorità tiegħu bħala l-Ħakkiem bi dritt taʼ l-univers. F’dehra li ra l-appostlu Ġwanni, “dawk li kienu ħarġu rebbieħa fuq il-Bhima u fuq xbihitha”—is-segwaċi midlukin taʼ Kristu fil-pożizzjoni tagħhom fis-sema—jipproklamaw: “Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus. Min, Mulej, ma jibżax minnek u ma jsebbaħx lil ismek?” (Apokalissi 15:2-4) Il-biżaʼ minn Alla, li jitnissel minn rispett profond lejn il-maestà tiegħu, iqanqal lil dawn il-ħakkiema mseħbin maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema biex jonoraw lil Alla bħala l-awtorità suprema. Meta nikkunsidraw dak kollu li wettaq Jehovah u l-mod ġust kif hu jmexxi l-univers, ma jkollniex aħna raġuni suffiċjenti biex nibżgħu minnu?—Salm 2:11; Ġeremija 10:7.
6. Għala għandu jkollna twerwir bnin li ma nogħġbux lil Jehovah?
6 Madankollu, barra l-istagħġib u r-rispett profond, il-biżaʼ minn Alla jrid jinkludi twerwir bnin li ma nogħġbuhx jew li nkunu diżubbidjenti lejh. Għala? Għaliex waqt li Jehovah hu “tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba,” irridu niftakru li “ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen.” (Eżodu 34:6, 7) Għalkemm mimli mħabba u ħniena, Jehovah ma jittollerax in-nuqqas taʼ tjieba u l-għemil ħażin li jsir apposta. (Salm 5:5, 6 [5:4, 5, NW]; Ħabakkuk 1:13) Dawk li apposta u bla ma jindmu jipprattikaw dak li huwa ħażin f’għajnejn Jehovah u jopponuh, ma jistgħux jagħmlu dan mingħajr ma jiġu kastigati. Bħalma qal l-appostlu Pawlu, hija “ħaġa tal-biżaʼ li taqaʼ f’idejn Alla l-ħaj!” Li jkollna twerwir bnin li naqgħu f’din is-sitwazzjoni huwa fl-aħħar mill-aħħar taʼ protezzjoni għalina.—Lhud 10:31.
‘Aqbdu Qabda Soda Miegħu’
7. X’raġunijiet għandna biex nafdaw fil-qawwa li Jehovah għandu biex isalvana?
7 Il-biżaʼ mqanqal minn rispett profond lejn Alla u l-fatt li nkunu konxji sew tal-qawwa maestuża tiegħu jwassluna biex ikollna fiduċja u fidi sħiħa f’Jehovah. Sewwa sew bħalma tifel żgħir iħossu protett meta jkun qrib missieru, aħna nħossuna sodi u fiduċjużi f’id Jehovah li tiggwidana. Innota kif irreaġixxew l-Iżraelin wara li Jehovah ħariġhom mill-Eġittu: “Ra Iżrael kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa taʼ driegħu. U beżaʼ l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej.” (Eżodu 14:31) L-esperjenza t’Eliżew ukoll tixhed għall-fatt li “l-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.” (Salm 34:8 [34:7, NW]; 2 Slaten 6:15-17) L-istorja tal-poplu taʼ Jehovah fi żmienna u x’aktarx l-esperjenza persunali tagħna stess jikkonfermaw li Alla fil-fatt jeżerċita l-qawwa tiegħu għan-nom taʼ dawk li jaqduh. (2 Kronaki 16:9) B’hekk, aħna nibdew napprezzaw li “tama qawwija jkollu min għandu l-biżaʼ tal-Mulej.”—Proverbji 14:26.
8. (a) Il-biżaʼ minn Alla għala jqanqalna biex nimxu fi triqatu? (b) Spjega kif għandna ‘naqbdu qabda soda’ maʼ Jehovah.
8 Il-biżaʼ bnin minn Alla mhux biss inissel fiduċja u fidi fih imma wkoll iqanqalna biex nimxu fi triqatu. Meta inawgura t-tempju, Salamun talab lil Jehovah: “Hekk [l-Iżraelin] jibżgħu minnek u jimxu fi triqatek il-jiem kollha taʼ ħajjithom fuq wiċċ l-art li int tajt lil missirijietna.” (2 Kronaki 6:31) Iktar kmieni, Mosè ħeġġeġ lill-Iżraelin: “Intom għandkom timxu wara l-Mulej, u minnu tibżgħu, u l-kmandamenti tiegħu tħarsu, u leħnu tisimgħu, u lilu taqdu, u miegħu tingħaqdu [“taqbdu qabda soda,” NW].” (Dewteronomju 13:5 [13:4, NW]) Bħalma juru ċar dawn il-versi, ix-xewqa biex nimxu fit-triqat taʼ Jehovah u biex ‘naqbdu qabda soda’ miegħu tiġi mill-fiduċja u l-fidi sħiħa f’Alla. Iva, il-biżaʼ minn Alla jwassalna biex nobdu lil Jehovah, biex naqduh, u biex naqbdu qabda soda miegħu, sewwa sew bħalma tifel żgħir għandu mnejn jaqbad letteralment maʼ missieru li lilu jafda b’għajnejh magħluqa u għandu fiduċja sħiħa fih.—Salm 63:9 (63:8, NW); Isaija 41:13.
Li Tħobb lil Alla Jfisser li Tibżaʼ Minnu
9. X’konnessjoni hemm bejn l-imħabba għal Alla u l-biżaʼ minn Alla?
9 Skond l-Iskrittura, li tibżaʼ minn Alla bl-ebda mod ma jfisser li ma tistax tħobbu. Għall-kuntrarju, l-Iżraelin ġew istruwiti biex ‘jibżgħu mill-Mulej sabiex jimxu fi triqatu kollha u jħobbuh.’ (Dewteronomju 10:12) B’hekk, il-biżaʼ minn Alla u l-imħabba lejh huma marbutin flimkien. Il-biżaʼ minn Alla jqanqalna biex nimxu fi triqatu, u dan imbagħad jagħti prova taʼ l-imħabba li għandna għalih. (1 Ġwann 5:3) Dan huwa loġiku għaliex meta nħobbu lil xi ħadd, nagħmlu tajjeb jekk nibżgħu li nweġġgħuh. L-Iżraelin weġġgħu lil Jehovah bil-mod ribelluż kif aġixxew fid-deżert. Żgur li aħna ma rridux li nagħmlu xi ħaġa li biha nnikktu lil Missierna tas-sema. (Salm 78:40, 41) Mill-banda l-oħra, ladarba “jitgħaxxaq il-Mulej b’min għandu l-biżaʼ tiegħu,” l-ubbidjenza u l-fedeltà tagħna jferrħulu qalbu. (Salm 147:11; Proverbji 27:11) L-imħabba għal Alla tqanqalna biex nogħġbuh, u l-biżaʼ minn Alla jżommna lura milli nweġġgħuh. Dawn huma kwalitajiet li jikkomplimentaw, mhux jikkontradixxu, lil xulxin.
10. Ġesù kif wera li sab l-għaxqa tiegħu f’li jibżaʼ minn Jehovah?
10 Il-ħajja taʼ Ġesù Kristu turina ċar kif nistgħu nħobbu lil Alla u nibżgħu minnu fl-istess ħin. Il-profeta Isaija kiteb hekk dwar Ġesù: “Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu taʼ l-għerf u d-dehen, l-ispirtu taʼ l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu taʼ l-għerf u l-biżaʼ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biżaʼ tal-Mulej.” (Isaija 11:2, 3) Skond din il-profezija, l-ispirtu t’Alla qanqal lil Ġesù biex jibżaʼ minn Missieru tas-sema. Barra minn hekk, ninnotaw li dan il-biżaʼ mhux talli ma kienx taʼ xkiel, imma talli kien sors taʼ sodisfazzjon. Ġesù sab l-għaxqa tiegħu f’li jagħmel ir-rieda t’Alla u f’li jogħġob lilu, saħansitra fl-iktar ċirkustanzi diffiċli. Meta kien wasal biex jinqatel fuq iz-zokk tat-tortura, hu qal lil Jehovah: “Mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.” (Mattew 26:39) Minħabba dan, Jehovah ta widen b’mod favorevoli għat-talb u s-suppliki taʼ Ibnu, saħħu, u salvah mill-mewt.—Lhud 5:7.
Nitgħallmu Nibżgħu minn Jehovah
11, 12. (a) Għala rridu nitgħallmu nibżgħu minn Alla? (b) Ġesù kif jgħallimna nibżgħu minn Jehovah?
11 Kuntrarju għall-istagħġib li nħossu awtomatikament meta naraw il-qawwa u l-maestà tan-natura quddiemna, il-biżaʼ minn Alla ma jiġix waħdu. Huwa għalhekk li Ġesù Kristu, David Akbar, jestendilna b’mod profetiku l-istedina: “Ejjew uliedi, isimgħu lili: jiena l-biżaʼ tal-Mulej ngħallimkom.” (Salm 34:12 [34:11, NW]) Kif nistgħu nitgħallmu mingħand Ġesù biex nibżgħu minn Jehovah?
12 Ġesù jgħallimna nibżgħu minn Jehovah billi jgħinna nifhmu l-personalità meraviljuża taʼ Missierna tas-sema. (Ġwann 1:18) L-eżempju taʼ Ġesù stess jirrivela kif jaħseb Alla u kif jittratta maʼ ħaddieħor, għax Ġesù jirrifletti perfettament il-personalità taʼ Missieru. (Ġwann 14:9, 10) Barra minn hekk, permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, nistgħu nersqu għand Jehovah meta nitolbuh jaħfrilna dnubietna. Din l-espressjoni li tispikka tal-ħniena t’Alla fiha nfisha hija raġuni qawwija biex nibżgħu minnu. Is-salmista kiteb: “Għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżaʼ tiegħek.”—Salm 130:4.
13. Liema passi nsibu fil-ktieb tal-Proverbji li jgħinuna nibżgħu minn Jehovah?
13 Fil-ktieb tal-Proverbji nsibu diversi passi li bis-saħħa tagħhom inkunu nistgħu niżviluppaw il-biżaʼ minn Alla. “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa; jekk issejjaħ l-għerf, u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba; . . . mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:1-5) Għalhekk, biex nibżgħu minn Alla, irridu nistudjaw il-Kelma tiegħu, nistinkaw bil-ħerqa biex nifhmu l-istruzzjonijiet tagħha, u mbagħad noqogħdu attenti ferm għall-pariri tagħha.
14. Kif nistgħu nsegwu l-parir mogħti lis-slaten taʼ Iżrael?
14 Kull sultan taʼ Iżrael tal-qedem kien istruwit biex jagħmel kopja tal-Liġi u ‘jaqraha l-jiem kollha taʼ ħajtu, biex jitgħallem jibżaʼ mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu tal-liġi.’ (Dewteronomju 17:18, 19) Il-qari u l-istudju tal-Bibbja huma daqstant vitali għalina jekk irridu nitgħallmu nibżgħu minn Jehovah. Hekk kif napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjitna, niksbu l-għerf u t-tagħrif mingħand Alla bil-mod il-mod. Insiru ‘nifhmu l-biżaʼ tal-Mulej’ għax naraw ir-riżultati tajbin li dan jipproduċi f’ħajjitna, u nibdew ngħożżu r-relazzjoni li għandna m’Alla. Barra minn hekk, billi jiltaqgħu regolarment maʼ sħabhom fit-twemmin, kemm iż-żgħażagħ u kemm ix-xjuħ jistgħu jisimgħu t-tagħlim divin, jitgħallmu jibżgħu minn Alla, u jimxu fit-triqat tiegħu.—Dewteronomju 31:12.
Hieni Kulmin Jibżaʼ minn Jehovah
15. Il-biżaʼ minn Alla b’liema mod huwa relatat mal-qima tagħna lejh?
15 Minn dak li għedna, nistgħu naraw li l-biżaʼ minn Alla huwa attitudni bnina li lkoll kemm aħna għandna nikkultivaw, ladarba huwa parti fundamentali mill-qima tagħna lejn Jehovah. Dan iwassalna biex nafdaw fih b’għajnejna magħluqa, biex nimxu fit-triqat tiegħu, u biex naqbdu qabda soda miegħu. Bħalma setaʼ jingħad dwar Ġesù Kristu, il-biżaʼ minn Alla jistaʼ jqanqal lilna wkoll biex inwettqu l-wegħda tad-dedikazzjoni tagħna issa u għall-eternità kollha.
16. Jehovah għala jinkuraġġina biex nibżgħu minnu?
16 Il-biżaʼ minn Alla mhux xi ħaġa tal-waħx jew taʼ xkiel. “Hieni kull min jibżaʼ mill-Mulej, kull min jimxi fit-triqat tiegħu,” tassigurana l-Bibbja. (Salm 128:1) Jehovah jinkuraġġina biex nibżgħu minnu għaliex jaf li din il-ħaġa se tipproteġina. Aħna ninnotaw it-tħassib b’imħabba tiegħu fil-kliem li qal lil Mosè: “Mhux li kien jiżviluppaw lil din qalbhom biex jibżgħu minni u biex iżommu l-kmandamenti kollha tiegħi dejjem, sabiex ikun jistaʼ jaħbtilhom tajjeb lilhom u lil uliedhom għal żmien indefinit!”—Dewteronomju 5:29, NW.
17. (a) Liema benefiċċji niksbu jekk nibżgħu minn Alla? (b) Liema aspetti tal-biżaʼ minn Alla se jiġu kunsidrati fl-artiklu li jmiss?
17 Bl-istess mod, jekk niżviluppaw lil qalbna biex tibżaʼ minn Alla, se jaħbtilna tajjeb. B’liema mod? L-ewwelnett, din l-attitudni se togħġob lil Alla u se tressaqna qrib tiegħu. David kien jaf mill-esperjenza persunali li Alla “jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.” (Salm 145:19) It-tieni, il-biżaʼ minn Alla se jkun taʼ benefiċċju għalina għaliex se jeffettwa l-attitudni tagħna lejn dak li hu ħażin. (Proverbji 3:7) L-artiklu li jmiss se jeżamina kif dan il-biżaʼ jħarisna mill-perikli spiritwali, u se jirrivedi xi eżempji Skritturali taʼ individwi li beżgħu minn Alla u warrbu mill-ħażen.
[Nota taʼ taħt]
a L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda adottat id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-10 taʼ Diċembru, 1948.
Tistaʼ Twieġeb Dan li Ġej?
• Xi jfisser il-biżaʼ minn Alla, u kif jeffettwana?
• X’konnessjoni hemm bejn li tibżaʼ minn Alla u li timxi miegħu?
• L-eżempju taʼ Ġesù kif juri li l-biżaʼ minn Alla hu relatat maʼ l-imħabba lejn Alla?
• B’liema modi nistgħu niżviluppaw lil qalbna biex tibżaʼ minn Jehovah?
[Stampa f’paġna 17]
Is-slaten Iżraelin kienu kmandati jagħmlu kopja persunali tal-Liġi u jaqrawha kuljum
[Stampa f’paġna 18]
Il-biżaʼ minn Jehovah iwassalna biex nafdaw fih bħalma iben jafda lil missieru
[Sors tal-Istampa f’paġna 15]
Kwiekeb: Ritratt minn Malin, © IAC/RGO 1991