Tistaʼ Tevita Attakk tal-Qalb Spiritwali
Atleta taʼ l-ogħla kalibru fid-dinja, b’kontroll sħiħ fuq il-kapaċitajiet tiegħu u jekk tarah, f’kundizzjoni fiżika eċċellenti, f’daqqa waħda waqaʼ maʼ l-art waqt sessjoni taʼ taħriġ u miet. Dan l-atleta kien Sergei Grinkov, li rebaħ darbtejn il-midalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku għall-iskejzjar fuq is-silġ. Il-karriera tiegħu spiċċat ħesrem hekk kif kienet bdiet tiffjorixxi—meta kellu biss 28 sena. Xi traġedja! X’kienet il-kawża? Attakk tal-qalb. Intqal li l-mewt tiegħu żgur li ħadd ma kien qed jistennieha għaliex ma kien hemm ebda għamla taʼ sinjal biex jindika li kien ibati minn mard tal-qalb. Madankollu, dawk li eżaminawh sabu li qalbu kienet akbar min-normal u li l-arterji tagħha kienu misdudin għall-aħħar.
GĦALKEMM forsi jidher li ħafna attakki tal-qalb jiġu għal għarrieda, it-tobba jgħidu li dan rari jseħħ. Il-verità hi li sinjali taʼ twissija u fatturi li jikkontribwixxu għal dan, bħalma huma l-qtugħ taʼ nifs, il-piż żejjed, u l-uġigħ fil-qafas tas-sider, spiss jiġu injorati. B’riżultat taʼ dan, anki jekk ma jmutux meta jagħtihom l-attakk tal-qalb, ħafna jibqgħu jsofru effetti ħżiena għall-bqija taʼ ħajjithom.
Il-biċċa l-kbira mit-tobba llum jaqblu li biex wieħed jevita attakk tal-qalb irid joqgħod attent il-ħin kollu għad-dieta u l-istil taʼ ħajja tiegħu u jagħmel eżamijiet mediċi regolarment.a Dawn il-miżuri, flimkien maʼ rieda ġenwina biex jagħmel bidliet meta jkun hemm bżonn, se jgħinu ħafna lil dak li jkun biex jevita l-effetti traġiċi t’attakk tal-qalb.
Madankollu, hemm aspett ieħor dwar il-qalb li jixraqlu saħansitra iktar attenzjoni. “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha,” twissina l-Bibbja, “għax minnha ġejja l-ħajja.” (Proverbji 4:23) M’għandniex xi ngħidu, din l-iskrittura qed tirreferi prinċipalment għall-qalb figurattiva. Irridu noqogħdu dejjem attenti biex inħarsu l-qalb fiżika tagħna, imma huwa saħansitra iktar importanti li nibqgħu għassa jekk irridu nipproteġu l-qalb figurattiva tagħna minn mard li jistaʼ jwassal għall-mewt spiritwali.
Analisi t’Attakk tal-Qalb Figurattiva
Bħalma jiġri fil-każ tal-mard tal-qalb fiżika, wieħed mill-modi l-iktar ċerti biex ma jkollokx attakk tal-qalb spiritwali huwa li ssir taf x’inhu li jistaʼ jikkaġunah u mbagħad li tieħu passi biex tevitah. Mela ejja nikkunsidraw xi ftit mill-fatturi bażiċi li jikkontribwixxu għall-problemi tal-qalb—letterali u figurattiva.
Id-dieta. Kważi kulħadd jaċċetta li l-ikel bi ftit nutriment li jissejjaħ junk food, għalkemm tajjeb fit-togħma, ftit li xejn hu taʼ ġid għas-saħħa. Bl-istess mod, il-junk food mentali tistaʼ ssibu faċilment u hu attraenti għas-sensi, imma hu taʼ ħsara għas-saħħa spiritwali tiegħek. Fuq il-mezzi tax-xandir tiġi reklamata b’sengħa kbira kwantità enormi taʼ materjal li fih sess illeċitu u drogi, vjolenza, u l-okkult. Huwa fatali għall-qalb figurattiva li tmantni lil moħħok b’dan it-tip taʼ ikel. Il-Kelma t’Alla twissi: “Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:16, 17.
L-ikel li hu tajjeb għas-saħħa, bħall-frott u l-ħaxix, ma tantx jogħġbu lil min hu mdorri jiekol il-junk food. Bl-istess mod, l-ikel spiritwali li hu bnin u solidu ma tantx jogħġbu lil min sar imdorri jitmaʼ lil moħħu u lil qalbu b’materjal dinji. Għal xi żmien, hu għandu mnejn jgħaddi bil-“ħalib” tal-Kelma t’Alla biss. (Lhud 5:13) Imma fl-aħħar mill-aħħar, hu ma jiżviluppax il-maturità spiritwali meħtieġa biex jerfaʼ fuq spallejh ir-responsabbiltajiet spiritwali bażiċi tiegħu fil-kongregazzjoni u fil-ministeru Kristjan. (Mattew 24:14; 28:19; Lhud 10:24, 25) Xi wħud li jinsabu f’din is-sitwazzjoni ħallew is-saħħa spiritwali tagħhom tonqos sal-punt li jsiru Xhieda inattivi, jew taʼ l-isem!
Periklu ieħor huwa li d-dehra taʼ barra tistaʼ tkun qarrieqa. It-twettiq superfiċjali tad-dmirijiet Kristjani jistaʼ jaħbi l-mard li dejjem jiggrava taʼ qalb figurattiva li tiddgħajjef meta fis-sigriet wieħed jieħu pjaċir b’filosofiji materjalistiċi jew divertiment li jkun fih l-immoralità, il-vjolenza, jew l-okkult. Dan it-tip taʼ ikel spiritwali difettuż jistaʼ jidher li ma tantx għandu effett fuq l-ispiritwalità taʼ dak li jkun, imma dan jistaʼ jipparalizza l-qalb figurattiva bħalma l-junk food jistaʼ jwebbes l-arterji u jagħmel ħsara lill-qalb letterali. Ġesù wissa kontra li wieħed iħalli xewqat mhux xierqa jidħlulu f’qalbu. Hu qal: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Iva, ikel spiritwali ħażin jistaʼ jwassal għal attakk tal-qalb spiritwali. Madankollu, hemm iktar x’nikkunsidraw.
L-eżerċizzju. Huwa magħruf tajjeb illi li tqattaʼ ħafna ħin bil-qiegħda jistaʼ jwassal għal attakki tal-qalb fiżika. Bl-istess mod, li tqattaʼ ħafna ħin inattiv spiritwalment jistaʼ jkollu konsegwenzi serji. Per eżempju, individwu forsi jieħu sehem fil-ministeru Kristjan imma għandu mnejn iwettqu biss meta jkun komdu għalih, u ftit li xejn jagħmel sforz biex isir “ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) Jew wieħed jistaʼ jattendi xi laqgħat Kristjani imma ma jiħux interess biex jipprepara għalihom u jipparteċipa fihom. Għandu mnejn ma jkun hemm ebda mira spiritwali jew xenqa jew entużjażmu għal affarijiet spiritwali. In-nuqqas taʼ eżerċizzju spiritwali maż-żmien idgħajjef, saħansitra jmewwet, il-fidi li forsi kellu darba. (Ġakbu 2:26) L-appostlu Pawlu semma dan il-periklu meta kiteb lill-Kristjani Lhud, li ftit minnhom mid-dehra kienu waqgħu f’dan l-istat, li jagħmlu xi żmien inattivi spiritwalment. Innota kif hu wissa dwar l-effett ħażin li dan jistaʼ jkollu fuq l-ispiritwalità tagħhom. “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj. Imma agħmlu l-qalb lil xulxin kull jum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu ‘illum’, biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu.”—Lhud 3:12, 13.
L-istress. Jerġaʼ kaġun ewlieni ieħor taʼ l-attakki tal-qalb fiżika huwa l-istress eċċessiv. Bl-istess mod, l-istress, jew “ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja,” jistaʼ faċilment ikun fatali għall-qalb figurattiva, u saħansitra jġiegħel lil min jaqaʼ vittma tiegħu jieqaf għalkollox milli jaqdi lil Alla. F’waqtha hija t-twissija taʼ Ġesù f’dan ir-rigward: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda . . . bħal nassa.” (Luqa 21:34, 35) L-istress jistaʼ jeffettwa ħażin ukoll il-qalb figurattiva tagħna jekk intertqu qalbna fuq xi dnub sigriet għal perijodu twil taʼ żmien. Is-Sultan David tgħallem mill-esperjenza l-uġigħ assoċjat maʼ dan l-istress taʼ ħsara meta qal: “M’hemmx saħħa f’għadmi minħabba ħtijieti. Għax dnubieti telgħu ’l fuq minn rasi, bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.”—Salm 38:4, 5 (38:3, 4, NW).
Il-fiduċja żejda fina nfusna. Ħafna vittmi taʼ l-attakk tal-qalb kienu kunfidenti ferm dwar l-istat taʼ saħħithom preċiż qabel ma kellhom l-attakk tal-qalb. Spiss, l-eżamijiet mediċi jew il-viżti għand it-tabib kienu jiġu injorati jew jittieħdu biċ-ċajt bħala li m’humiex bżonnjużi assolutament. B’mod simili, xi wħud jistgħu jħossu li peress li ilhom Kristjani għal tul taʼ żmien mhux ħażin, xejn ma jistaʼ jiġrilhom. Huma għandhom mnejn jittraskuraw u ma jagħmlux eżami spiritwali tagħhom infushom qabel jintlaqtu minn xi diżastru. Huwa vitali li nżommu f’moħħna l-parir tajjeb kontra l-fiduċja żejda fina nfusna mogħti lilna mill-appostlu Pawlu: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” Ikun għaqli li nirrikonoxxu n-natura imperfetta tagħna u li minn żmien għal żmien neżaminaw lilna nfusna spiritwalment.—1 Korintin 10:12; Proverbji 28:14.
Tinjorax is-Sinjali taʼ Twissija
Għandha raġun l-Iskrittura li tagħti importanza kbira lill-kundizzjoni tal-qalb figurattiva. F’Ġeremija 17:9, 10 naqraw: “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni, biex nagħti ’l kull wieħed skond imġibtu, skond ma jkun jistħoqq għemilu.” Imma minbarra li jeżaminalna qalbna, Jehovah jipprovdi wkoll arranġament taʼ mħabba biex jgħinna nagħmlu l-eżami tagħna nfusna li huwa meħtieġ.
Permezz taʼ “l-ilsir leali u diskret,” ningħataw tfakkiriet f’waqthom. (Mattew 24:45, NW) Per eżempju, wieħed mill-modi ewlenin kif il-qalb figurattiva tistaʼ tqarraq bina huwa billi ġġagħalna nċedu għal fantasiji dinjin. Dan nagħmluh billi nimmaġinaw affarijiet mhux realistiċi, noħolmu bil-fantasija taʼ moħħna jew inħalluh jiġri bina. Dawn jistgħu jirriżultaw fi ħsara kbira, speċjalment jekk iqanqlu fina ħsibijiet li ma jkunux nodfa. Għalhekk, irridu niċħduhom kompletament. Jekk nobogħdu l-ħażen bħalma kien jagħmel Ġesù, se ngħassu lil qalbna u ma nħalluhiex iċċedi għal fantasiji dinjin.—Lhud 1:8, 9.
Iżjed minn hekk, għandna l-għajnuna t’anzjani kollhom imħabba fil-kongregazzjoni Kristjana. Waqt li napprezzaw ħafna meta oħrajn jieħdu interess fina, ir-responsabbiltà li nieħdu ħsieb il-qalb figurattiva tagħna fl-aħħar mill-aħħar qiegħda fuq kull wieħed u waħda minna personalment. Jiddependi minna individwalment li ‘nkunu żguri mill-affarijiet kollha’ u li ‘ngħarblu lilna nfusna jekk aħniex fil-fidi.’—1 Tessalonikin 5:21, NW; 2 Korintin 13:5.
Ħares lil Qalbek
Il-prinċipju Bibliku li “dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad” japplika wkoll għas-saħħa tal-qalb figurattiva tagħna. (Galatin 6:7) Spiss, dak li jidher li hu diżastru spiritwali li seħħ bħal sajjetta fil-bnazzi jirriżulta li jkun ġie mill-fatt li fis-sigriet l-individwu kien ilu jċedi għal aspetti li huma taʼ ħsara spiritwalment bħal li qagħad jara l-pornografija, jew tħasseb b’mod eċċessiv dwar l-affarijiet materjali, jew stinka għall-prominenza jew il-poter.
Għalhekk, biex tipproteġi lil qalbek, huwa essenzjali li toqgħod attent għall-ikel spiritwali tiegħek. Sostni lil moħħok u lil qalbek billi tieħu ikel spiritwali mill-Kelma t’Alla. Aħrab il-junk food mentali li tant hu faċli biex issibu u li tant jappella għall-ġisem imma li jwassal biss biex iwebbes il-qalb figurattiva tiegħek. Is-salmista jwissina b’similarità xierqa u medikament korretta: “Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom.”—Salm 119:70.
Jekk għandek ħtijiet li ilek tostorhom għal żmien twil, ipprova b’ħiltek kollha biex taqlagħhom mill-għeruq li ma jmorrux isoddulek l-arterji figurattivi. Jekk id-dinja tibda tidher attraenti u li donnha għandha x’toffrilek ħafna f’dak li hu xalar u divertiment, immedita fuq il-parir għaqli mogħti mill-appostlu Pawlu, li kiteb: “Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, . . . dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex: għax is-sura taʼ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Korintin 7:29-31) U, jekk tibda tinġibed lejn l-għana materjali, daħħal f’qalbek il-kliem taʼ Ġob: “Qatt għedt lid-deheb: ‘Inti t-tama tiegħi,’ jew lid-deheb fin: ‘Bik mistrieħa rasi’? M’huwiex delitt li jiġġudikawh l-imħallfin, talli nkun ċħadt ’l Alla li jsaltan fl-għoli?”—Ġob 31:24, 28; Salm 62:11 (62:10, NW); 1 Timotju 6:9, 10.
Waqt li tiġbed l-attenzjoni lejn is-serjetà taʼ li wieħed jinjora kontinwament il-pariri bbażati fuqha, il-Bibbja twissi: “Min ikun imwiddeb u jibqaʼ jwebbes rasu, malajr jiġġarraf u ma jkollux fejqan.” (Proverbji 29:1) Għall-kuntrarju, billi nieħdu ħsieb il-qalb figurattiva tagħna, nistgħu nesperjenzaw il-gost u l-paċi tal-moħħ li jiġu milli ngħixu ħajja sempliċi, bla ħafna xkiel. Din dejjem kienet it-triq rikkmandata mill-Kristjanità vera. L-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb: “It-tjieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b’dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.”—1 Timotju 6:6-8.
Iva, li nitħarrġu u neżerċitaw ruħna fid-devozzjoni lejn Alla se jassigurana li jkollna qalb figurattiva b’saħħitha u soda. Billi noqogħdu attenti għall-ikel spiritwali tagħna, m’aħniex se nagħtu wisaʼ lill-ħsieb u lit-triqat qerrieda taʼ din id-dinja biex jikkaġunaw dannu jew ħsara lill-ispiritwalità tagħna. Fuq kollox, billi naċċettaw il-provvedimenti taʼ Jehovah permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, jalla nissottomettu ruħna regolarment għal eżami tal-qalb figurattiva. Il-fatt li nagħmlu dan bil-għaqal se jgħinna ħafna biex nevitaw il-konsegwenzi koroh t’attakk tal-qalb spiritwali.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara s-serje “Heart Attack—What Can Be Done?” (L-Attakk tal-Qalb—X’Jistaʼ Jsir?) fil-ħarġa tat-8 taʼ Diċembru, 1996, taʼ l-Awake!, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kumment f’paġna 10]
TIP TAʼ IKEL SPIRITWALI DIFETTUŻ JISTAʼ JIPPARALIZZA L-QALB FIGURATTIVA BĦALMA L-JUNK FOOD JISTAʼ JWEBBES L-ARTERJI U JAGĦMEL ĦSARA LILL-QALB LETTERALI
[Kumment f’paġna 10]
LI TQATTAʼ ĦAFNA ĦIN INATTIV SPIRITWALMENT JISTAʼ JKOLLU KONSEGWENZI SERJI
[Kumment f’paġna 11]
IL-“ĦAFNA TĦASSIB GĦALL-ĦTIĠIET TAL-ĦAJJA” JISTAʼ FAĊILMENT IKUN FATALI GĦALL-QALB FIGURATTIVA
[Stampa f’paġna 11]
Li nittraskuraw is-saħħa spiritwali tagħna jistaʼ jwassalna għal uġigħ kbir
[Stampi f’paġna 13]
Li nikkultivaw drawwiet spiritwali tajbin iħarsilna l-qalb figurattiva
[Sors tal-Istampa f’paġna 9]
AP Photo/David Longstreath