Jifraħ Minħabba r-“Rebħa mal-Ħaruf”
F’ITTRA li kiteb fl-1971, Carey W. Barber irrifletta fuq l-ewwel 50 sena tiegħu taʼ servizz lil Alla l-veru: “Is-snin li qattajt fis-servizz taʼ Ġeħova kienu tassew tajbin, iktar milli stajt nistenna. Is-sħubija mal-poplu tiegħu; il-protezzjoni mill-ħżiena fid-dinja taʼ Satana; il-prospett tar-rebħa mal-Ħaruf, Ġesù Kristu; u l-evidenza taʼ l-imħabba taʼ Ġeħova kollha flimkien iġibuli paċi ħelwa u sodisfazzjon ġewwieni li jgħassu l-qalb u jagħtu tama ċerta taʼ trijonf finali.”
Sitt snin wara, Ħuna Barber, Kristjan midluk bl-ispirtu, beda jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fit-30 sena li dam jaqdi f’dan il-privileġġ hu baqaʼ jħares ’il quddiem lejn ir-“rebħa mal-Ħaruf.” Dan wettqu billi baqaʼ leali sa mewtu nhar il-Ħadd, 8 t’April, 2007, fl-età taʼ 101.—1 Korintin 15:57.
Carey Barber, li twieled fl-Ingilterra fl-1905, tgħammed f’Winnipeg, il-Kanada, fl-1921. Sentejn wara, hu u ħuh it-tewmi, Norman, marru joqogħdu Brooklyn, New York, sabiex jgħinu fuq proġett ġdid. Dak iż-żmien, il-poplu taʼ Ġeħova kien se jibda jipproduċi l-kotba tiegħu stess biex ikun jistaʼ jxerred l-aħbar tajba tas-Saltna “fl-art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Wieħed mill-ewwel inkarigi taʼ Ħuna Barber kien li jħaddem stamperija żgħira. Fost l-affarijiet li kienu jiġu stampati kien hemm dokumenti għal każijiet legali li kienu jitressqu quddiem il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti. Maż-żmien, Ħuna Barber beda jaħdem fid-Dipartiment tas-Servizz, li kien jiffoka fuq il-kwistjonijiet tal-kongregazzjonijiet u x-xogħol taʼ l-ippridkar madwar il-pajjiż.
Minħabba li kellu din l-esperjenza, Ħuna Barber kien kwalifikat sew għall-inkarigu li ngħata fl-1948 biex jaqdi bħala ministru li jivvjaġġa, filwaqt li kien iżur assembleat u kongregazzjonijiet madwar il-punent kollu taʼ l-Istati Uniti. Hu qal li kien jieħu pjaċir partikolarment meta kien ikun barra fl-arja friska fl-attività taʼ l-ippridkar pubbliku. Dan l-inkarigu ġab lil ħafna aħwa f’kuntatt maʼ Ħuna Barber. Il-ħeffa tal-moħħ u ż-żelu tiegħu għall-ministeru kienu utli ħafna meta iktar tard attenda s-26 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Matul il-kors, hu ltaqaʼ maʼ studenta mill-Kanada, Sydney Lee Brewer. Wara li ggradwaw huma żżewġu u qattgħu qamar il-għasel fil-vjaġġ qasir li kellhom biex jaqdu l-kongregazzjonijiet fl-inħawi taʼ Chicago, Illinois. Oħtna Barber tat prova li kienet sieħba imprezzabbli u sors t’appoġġ kostanti għal żewġha matul l-għoxrin sena li qattgħu flimkien fil-ministeru taʼ l-ivvjaġġar.
Dawk li kellhom l-opportunità jiltaqgħu maʼ Ħuna Barber u jsiru jafuh matul l-għaxriet taʼ snin li qeda bħala indokratur tad-distrett jew tas-circuit jew matul it-30 sena li qattaʼ jaħdem bħala membru li jivvjaġġa tal-Ġemgħa li Tiggverna se jibqgħu jiftakru għal żmien twil it-taħditiet u l-kummenti vivaċi tiegħu. Għandna kull raġuni biex nifirħu minħabba li hu kellu “rebħa mal-Ħaruf.”