LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/1 pp. 8-12
  • Tgħallimt Nafda Għalkollox f’Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallimt Nafda Għalkollox f’Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitgħallem Nafda f’Ġeħova
  • Naqdi Bħala Pijunier fil-​Ġungla
  • Nippriedka Permezz taʼ Karozza b’Sistema tas-​Sawnd
  • Il-​Gwerra Ġġib Iktar Sfidi
  • Taħt il-​Ħarsien taʼ Ġeħova
  • Ingaġġat bil-​Lieva
  • Iż-​Żwieġ u Responsabbiltajiet Ġodda
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/1 pp. 8-12

Bijografija

Tgħallimt Nafda Għalkollox f’Ġeħova

Kif rakkontata minn Aubreỵ Baxter

Darba minnhom, is-​Sibt fil-​għaxija fl-​1940, żewġt irġiel attakkawni u xeħtuni maʼ l-​art. Żewġ pulizija kienu qegħdin fil-​qrib, iżda minflok m’għenuni, huma bdew jgħajtu miegħi b’mod abbużiv u jfaħħru lill-​bulijiet. Il-​ġrajjiet f’ħajti li wasslu għal dan it-​trattament krudil bdew madwar ħames snin qabel meta kont impjegat f’minjiera tal-​faħam. Ħalli nispjega.

IT-​TIELET fost erbaʼ aħwa subien, jien twilidt fl-​1913 fi Swansea, belt mal-​kosta fi New South Wales, l-​Awstralja. Meta kelli ħames snin, il-​familja kollha tagħna ġiet infettata bl-​influwenza Spanjola li kulħadd kien jibżaʼ minnha, u li wasslet għall-​mewt taʼ miljuni taʼ nies madwar id-​dinja. B’ferħ, aħna lkoll bqajna ħajjin. Madankollu, fl-​1933 laqtitna traġedja meta ommi mietet fl-​età taʼ 47 sena. Hi kienet mara taʼ devozzjoni lejn Alla, u iktar kmieni kienet kisbet iż-​żewġ volumi tal-​ktieb Light, li kienu għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja mqassmin mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Dak iż-​żmien, jien kont naħdem f’minjiera tal-​faħam. Minħabba li x-​xogħol tiegħi kien jikkonsisti f’perijodi qosra taʼ xogħol iebes segwiti minn perijodi meta ma kienx hemm ħafna attività, kont nieħu l-​kotba x-​xogħol u naqrahom fid-​dawl taʼ lampa mwaħħla maʼ l-​elmu tiegħi. Malajr intbaħt li kont sibt il-​verità. Ukoll, bdejt nismaʼ t-​taħditiet mill-​Bibbja mxandrin fuq ir-​radju mix-​Xhieda. Xi ħaġa li żiditli l-​ferħ kienet il-​fatt li missieri u ħuti kollha bdew jieħdu interess fil-​verità tal-​Bibbja.

Fl-1935 ġarrabna traġedja oħra meta ħija ż-​żgħir, Billy, marad bil-​pulmunite u miet. Hu kellu biss 16-il sena. Madankollu, din id-​darba l-​familja tagħna kienet imfarrġa mit-​tama taʼ l-​irxoxt. (Atti 24:15) Maż-​żmien, missieri u ħuti l-​kbar, Verner u Harold, kif ukoll in-​nisa tagħhom iddedikaw ħajjithom lil Alla. Mill-​familja immedjata tiegħi, jien l-​unika persuna li għadha ħajja. Madankollu, it-​tieni mara taʼ Verner, Marjorie, u l-​mara taʼ Harold, Elizabeth, ukoll għadhom attivi fis-​servizz taʼ Ġeħova.

Nitgħallem Nafda f’Ġeħova

Jien kelli l-​ewwel kuntatt dirett max-​Xhieda taʼ Ġeħova iktar tard fl-​1935 meta mara mill-​Ukraina li kienet riekba rota ġiet iżżurna d-​dar tagħna. Il-​Ħadd taʼ wara, jien attendejt l-​ewwel laqgħa Kristjana tiegħi, u ġimgħa wara ngħaqadt mal-​grupp tal-​ministeru taʼ l-​għalqa. Ix-​Xhud li kien qed jikkonduċi l-​laqgħa għas-​servizz taʼ l-​għalqa tani xi ftit kotba żgħar u, b’sorpriża kbira għalija, bagħatni fil-​ministeru waħdi! Fl-​ewwel bieb, tant kont eċċitat li ridt l-​art tinfetaħ u tiblagħni! Iżda l-​inkwilin kien mintagħna u saħansitra aċċetta l-​letteratura.

Skritturi bħal Koħèlet 12:1 u Mattew 28:​19, 20 ħallew impressjoni qawwija fuqi, u ridt insir pijunier, jew ministru full-time. Missieri appoġġa d-​deċiżjoni tiegħi. Għalkemm kont għadni ma tgħammidx, jien għamilt mira li nibda fil-​15 taʼ Lulju, 1936. Dakinhar, mort l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Sydney, fejn kont mistieden naħdem maʼ grupp taʼ 12-il pijunier f’Dulwich Hill, raħal f’Sydney. Huma għallmuni kif nuża l-​mitħna għat-​tħin tal-​qamħ li kienet tiddawwar bl-​idejn, u li kienu jużaw il-​pijunieri dak iż-​żmien biex jagħmlu d-​dqiq ħalli jnaqqsu l-​ispejjeż taʼ l-​ikel.

Naqdi Bħala Pijunier fil-​Ġungla

Wara l-​magħmudija tiegħi iktar tard dik is-​sena, jien ġejt assenjat fiċ-​ċentru taʼ Queensland flimkien maʼ żewġ pijunieri oħrajn—Aubrey Wills u Clive Shade. It-​tagħmir tagħna kien jikkonsisti fil-​vann t’Aubrey, xi ftit roti, fonografu li setaʼ jinġarr biex jixxandru taħditiet mill-​Bibbja, kamp li sar id-​dar tagħna għat-​tliet snin li kien imiss, tliet sodod, mejda, u borma tal-​ħadid biex insajru. Lejla minnhom meta kien imiss lili biex insajjar, għedt forsi nipprepara ikla “speċjali” taʼ ħaxix u dqiq tal-​qamħ. Iżda ħadd minna ma setaʼ jniżżlu. Inzerta kien hemm żiemel fil-​viċin, u għalhekk tajtu lilu. Hu xammu, xengel rasu, u telaq ’l hemm! Dan temm l-​esperimenti tiegħi fil-​kċina.

Maż-żmien, aħna ddeċidejna li nkopru t-​territorju tagħna iżjed malajr billi naqsmuh fi tliet sezzjonijiet u naħdmu sezzjoni kull wieħed. Fl-​aħħar tal-​ġurnata, jien spiss kont inkun ’il bogħod wisq minfejn konna qegħdin nikkampjaw biex immur lura d-​dar, u għalhekk kultant kont inqattaʼ l-​lejl man-​nies ospitabbli tar-​raħal. Darba minnhom irqadt f’sodda lussuża f’kamra tal-​mistidnin taʼ razzett tal-​baqar, u l-​lejl taʼ wara mteddejt fuq art kollha ħmieġ f’għorfa taʼ wieħed kaċċatur tal-​kangaruijiet, imdawwar minn munzelli taʼ ġlud jintnu pesta. Spiss kont norqod fil-​ġungla. Darba minnhom, xi klieb slavaġ taʼ l-​Awstralja (dingoes) daru miegħi mill-​bogħod, u fid-​dlam stajt nismaʼ kullimkien il-​krib li jwaħħax tagħhom. Wara lejl bla rqad, skoprejt li dawn ma kinux interessati fija iżda f’xi biċċiet tal-​laħam li ntremew fil-​qrib.

Nippriedka Permezz taʼ Karozza b’Sistema tas-​Sawnd

Aħna għamilna użu tajjeb minn karozza armata b’sistema tas-​sawnd biex inħabbru s-​Saltna t’Alla. Fil-​belt taʼ Townsville li tinsab fit-​tramuntana taʼ Queensland, il-​pulizija ppermettewlna narmaw fiċ-​ċentru tal-​belt. Però, it-​taħdita rekordjata rrabjat lil xi membri tas-​Salvation Army, li qalulna biex nitilqu. Meta rrifjutajna, ħamsa minnhom bdew jheżżu l-​vann tagħna bis-​saħħa. Sadanittant, jien kont ġewwa, inħaddem l-​apparat tas-​sawnd! Ma kienx jidher għaqli li ninsistu fuq id-​drittijiet tagħna, u għalhekk meta l-​irġiel waqfu minn dak li kienu qed jagħmlu, aħna tlaqna ’l hemm.

F’Bundaberg, raġel li kien wera interess sellifna dgħajsa sabiex inkunu nistgħu nxandru mix-​Xmara Burnett, li tgħaddi minn ġor-​raħal. Aubrey u Clive rħewlha bid-​dgħajsa bl-​apparat tas-​sawnd waqt li jien bqajt fis-​sala li konna krejna. Dak il-​lejl, il-​leħen qawwi rekordjat taʼ Joseph F. Rutherford, mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, irbombja madwar Bundaberg, u pproklama messaġġ qawwi mill-​Bibbja. Ċertament dawn kienu żminijiet eċċitanti li kienu jirrikjedu l-​qlubija u l-​fidi min-​naħa tal-​poplu t’Alla.

Il-​Gwerra Ġġib Iktar Sfidi

Eżatt wara li bdiet it-​tieni gwerra dinjija f’Settembru taʼ l-​1939, The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Novembru ddiskuta n-​newtralità Kristjana rigward il-​politika u l-​gwerra. Iktar tard, kont se nkun grat li studjajt dan il-​materjal li tant kien f’waqtu. Sadanittant, wara tliet snin flimkien, jien, Aubrey, u Clive rċivejna inkarigi li ħaduna f’postijiet differenti. Jien ġejt maħtur bħala indokratur li jivvjaġġa fit-​tramuntana taʼ Queensland, inkarigu li spiss kien se jġarrab il-​fiduċja tiegħi f’Ġeħova.

F’Awissu taʼ l-​1940, jien kont naqdi fil-​kongregazzjoni taʼ Townsville, fejn kien hemm erbaʼ pijunieri​—Percy u Ilma Iszlauba u l-​aħwa Norman u Beatrice Bellotti. Sitt snin wara, jien u Beatrice żżewwiġna. Darba minnhom, is-​Sibt fil-​għaxija wara li grupp minna kien lesta mill-​għoti taʼ xiehda fit-​toroq, seħħ l-​attakk li semmejt fil-​bidu. Madankollu, din l-​inġustizzja tatni spinta jerġaʼ iktar biex inkompli fis-​servizz taʼ Ġeħova.

Una u Merle Kilpatrick, żewġ aħwa nisa pijunieri, kienu qed jippridkaw biż-​żelu fit-​tramuntana. Jien qattajt ġurnata pjaċevoli magħhom fil-​ministeru, u huma talbuni biex naqdfilhom bid-​dgħajsa san-​naħa l-​oħra tax-​xmara lejn id-​dar taʼ familja li wriet interess fil-​Bibbja. Dan kien ifisser li kelli ngħum sa dgħajsa bl-​imqadef marbuta man-​naħa l-​oħra, naqdef lura biha, u mbagħad nieħu lill-​aħwa nisa n-​naħa l-​oħra. Iżda meta wasalt fuq id-​dgħajsa, l-​imqadef ma kinux hemm! Iktar tard sirna nafu li xi ħadd li jopponi kien ħbiehom. Iżda l-​pjan makakk tiegħu ma qatgħalniex qalbna. Jien kont membru tas-​salvataġġ għal numru taʼ snin u kont għadni għawwiem tajjeb. Għalhekk, irbatt il-​ħabel taʼ l-​ankra madwar qaddi, ġbidt id-​dgħajsa għan-​naħa l-​oħra lejn l-​aħwa nisa, u ġbidthom lura. Ġeħova bierek l-​isforzi tagħna, għax maż-​żmien il-​membri tal-​familja li wriet interess saru Xhieda.

Taħt il-​Ħarsien taʼ Ġeħova

Minħabba raġunijiet taʼ sigurtà, is-​suldati għamlu roadblock eżatt taħt ir-​raħal taʼ Innisfail. Minħabba li kont resident taʼ dawk l-​inħawi, jien stajt nikseb il-​permessi biex nidħol, u dawn kienu taʼ valur li ma bħalu meta r-​rappreżentanti mill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu jiġu jżuru l-​post. Biex ngħaddihom mir-​roadblock, jien kont naħbihom f’kumpartiment moħbi taħt is-​seat taʼ wara tal-​karozza tiegħi.

Il-fuel kien jinxtara bir-​razzjon dak iż-​żmien, u ħafna vetturi kienu mgħammrin b’apparat li jipproduċi l-​fuel. Biex jagħti l-​fuel lill-​magna, dan l-​apparat kien jikseb il-​fuel li jieħu n-​nar mill-​faħam jaħraq. Kont nivvjaġġa bil-​lejl bil-​basktijiet tal-​faħam stivati fil-​kumpartiment fejn ikun qed jinħeba l-​ħu. Meta konna nieqfu f’xi roadblock, lill-​gwardji kont naljenahom billi nżomm il-​magna mixgħula u nagħmel ċert li r-​reċipjent tal-​faħam ikun jaħraq nar. F’lejla minnhom jien għajjat lill-​gwardji: “Jekk nitfi l-​magna nfixkel it-​taħlita taʼ l-​arja u l-​gass, u jkun diffiċli biex nerġaʼ nqabbadha.” Imxebbgħin bis-​sħana, l-​istorbju, u n-​nugrufun, il-​gwardji spezzjonaw il-​karozza taʼ malajr u bagħtuni ’l hemm.

Matul dak iż-​żmien, ġejt assenjat biex norganizza konvenzjoni f’Townsville għax-​Xhieda tal-​lokal. L-​ikel kien jingħata bir-​razzjon, u konna neħtieġu l-​approvazzjoni mill-​maġistrat lokali sabiex niksbu dak li kellna bżonn. F’dak iż-​żmien, ħutna l-​Kristjani kienu qed jintefgħu l-​ħabs minħabba n-​newtralità tagħhom. Għalhekk, meta għamilt appuntament biex nara lill-​maġistrat, jien ħsibt, ‘Qiegħed inkun għaqli, jew qed nipprovoka l-​għadu?’ Minkejja dan, jien bqajt għaddej kif ġejt mogħti istruzzjoni li nagħmel.

Bil-qiegħda wara mejda kbira u impressjonanti, il-​maġistrat talabni npoġġi bil-​qiegħda. Meta għedtlu dwar l-​iskop taż-​żjara tiegħi, hu sserja u ħares lejja biċ-​ċiera. Imbagħad, hu kkalma u qalli, “Kemm trid ikel?” Jien tajtu lista taʼ l-​inqas ammont taʼ dak li kellna bżonn. Eżaminaha u qalli: “Dan ma jidhirx li hu biżżejjed. Aħjar nirdoppjawha.” Jien tlaqt mill-​uffiċċju tiegħu verament grat lejn Ġeħova, li kien għallimni lezzjoni oħra fil-​fiduċja.

F’Jannar taʼ l-​1941 ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġie projbit fl-​Awstralja. Ħafna nies saru suspettużi dwarna u saħansitra akkużawna li konna qed nispijaw għall-​Ġappuniżi! Darba minnhom, żewġ karozzi mimlijin pulizija u suldati daħlu jiġru fil-​Kingdom Farm, biċċa art fuq l-​Atherton Plateau li konna xtrajna biex inkabbru l-​ikel. Huma kienu qed ifittxu dawl li allegatament konna qed nużaw biex nagħmlu sinjali lill-​għadu. Ġejna akkużati wkoll li konna qed niżirgħu l-​qamħirrum b’mod li serva bħala kodiċi li setgħet tinqara mill-​ajru! M’għandniex xi ngħidu, huma sabu li dawn l-​allegazzjonijiet kollha kienu foloz.

Minħabba l-​projbizzjoni, aħna kellna noqogħdu attenti​—u nkunu inġenjużi​—meta nwasslu l-​letteratura. Per eżempju, meta ħareġ il-​ktieb Children, jien ksibt kaxxa minn Brisbane, ivvjaġġajt lejn it-​tramuntana bil-​ferrovija, u ħallejt il-​kotba maʼ kull waqfa fejn kien hemm kongregazzjoni. Sabiex niskuraġġixxi lill-​ispetturi tal-​pulizija u taʼ l-​armata milli jiftħu l-​kaxxa, jien ġibt serrieq tond taʼ l-​elettriku u rbattu mal-​kaxxa qabel ma tlaqt. Għalkemm sempliċi, din it-​tattika qatt ma falliet. B’serħan għall-​poplu taʼ Ġeħova, il-​projbizzjoni​—deskritta minn imħallef tal-​qorti bħala “arbitrarja, kapriċċuża u oppressiva”​—tneħħiet f’Ġunju taʼ l-​1943.

Ingaġġat bil-​Lieva

Matul is-​sena taʼ qabel, Aubrey Wills, Norman Bellotti, u jien ġejna ngaġġati bil-​lieva. Aubrey u Norman issejħu ġimgħa qabli u rċivew sentenzi taʼ sitt xhur ħabs. F’dak iż-​żmien, l-​uffiċċju tal-​posta kien qed jikkonfiska r-​rivisti tal-​Watchtower indirizzati lil Xhieda magħrufin iżda ma kienx qed jikkonfiska r-​rivisti t’abbonati oħrajn. L-​inkarigu tagħna kien li nsibu wieħed minn dawn l-​abbonati, nirdoppjaw ir-​rivisti, u nqassmu l-​kopji lil Xhieda sħabna. B’dan il-​mod, aħna rċivejna ikel spiritwali regolarment.

Meta ngħatajt is-​sentenza tiegħi taʼ sitt xhur li kont qed nistenna li niskonta, jien minnufih appellajtha, kif ġejt mogħti direzzjoni mill-​uffiċċju tal-​fergħa f’Sydney. Il-​mira tagħna kienet li nittardjaw iż-​żmien biex nibda niskonta s-​sentenza sakemm setaʼ jinħatar xi ħadd ieħor ħalli jieħu ħsieb ix-​xogħol. Jien ħadt vantaġġ mil-​libertà tiegħi biex inżur madwar 21 Xhud miżmumin il-​ħabs fit-​tramuntana taʼ Queensland. Ħafna minnhom kienu f’ħabs wieħed, u l-​gwardjan hemmhekk kien jobgħodna. Meta fakkartu li l-​ministri taʼ reliġjonijiet oħrajn setgħu jżuru lin-​nies tagħhom, hu beda jirrabja. “Li kien għalija,” beda jgħajjat hu, “ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kollha jitpoġġew f’ringiela u jiġu sparati tir!” Il-​gwardji ħarġuni ’l barra malajr.

Meta wasal iż-​żmien għas-​smigħ taʼ l-​appell tiegħi, jien irċivejt għajnuna legali kif inhu meħtieġ mil-​liġi. Però, fir-​realtà jien mexxejt il-​każ tiegħi stess, u dan kien ifisser li kelli nistrieħ bil-​kbir fuq Ġeħova. Hu, min-​naħa tiegħu, ma ddiżappuntanix. (Luqa 12:​11, 12; Filippin 4:​6, 7) B’mod taʼ l-​għaġeb, l-​appell kien taʼ suċċess minħabba li nstabu xi żbalji min-​naħa taʼ l-​iskrivan fuq il-​karti taʼ l-​akkużi!

Fl-1944 ġejt assenjat f’circuit kbir li jkopri r-​reġjun tas-​South Australia kollu, it-​tramuntana taʼ Victoria, u l-​belt taʼ Sydney fi New South Wales. Is-​sena taʼ wara, bdiet kampanja dwar li wieħed jitkellem fil-​pubbliku, u kull kelliemi kellu jipprepara t-​taħdita tiegħu stess billi jibbażaha fuq outline taʼ paġna waħda li kien provdut mill-​organizzazzjoni. L-​għoti taʼ taħditiet taʼ siegħa ppreżenta sfida ġdida, iżda aħna bqajna għaddejjin b’fiduċja sħiħa f’Ġeħova, u hu bierek l-​isforzi tagħna.

Iż-​Żwieġ u Responsabbiltajiet Ġodda

F’Lulju taʼ l-​1946, jien u Beatrice Bellotti żżewwiġna, u flimkien qdejna bħala pijunieri. Darna kienet karavan magħmul minn tip taʼ injam irqiq. L-​unika tifla tagħna, Jannyce (Jann), twieldet f’Diċembru taʼ l-​1950. Aħna qdejna bħala pijunieri f’għadd taʼ postijiet, inkluż il-​belt taʼ Kempsey, fi New South Wales, fejn konna l-​uniċi Xhieda. Kull nhar taʼ Ħadd konna mmorru f’sala tal-​komunità lokali, u jien kont inkun preparat biex nagħti taħdita pubblika li nkunu rreklamajna bil-​fuljetti. Għal ftit xhur, fl-​udjenza kelli biss lil Beatrice u lit-​tarbija Jann. Però, ma damux ma bdew ġejjin oħrajn bil-​mod il-​mod. Illum, f’Kempsey hemm żewġ kongregazzjonijiet li qed jiffjorixxu.

Meta Jann kellha sentejn, aħna morna noqogħdu Brisbane. Imbagħad meta hi spiċċat l-​iskola, aħna qdejna fis-​servizz taʼ pijunier bħala familja għal erbaʼ snin fil-​belt taʼ Cessnock fi New South Wales qabel ma morna lura Brisbane biex ngħinu lil omm Beatrice li kienet marida. Bħalissa għandi l-​privileġġ li naqdi bħala anzjan fil-​Kongregazzjoni taʼ Chermside.

Jien u Beatrice nirringrazzjaw lil Ġeħova tal-​barkiet bla għadd tiegħu, inkluż il-​privileġġ li ngħinu 32 ruħ isiru jafuh. Personalment, nirringrazzja lil Ġeħova taʼ l-​għażiża marti li għalkemm hi ġentili u kollha ħlewwa, hija mara li bi qlubija tiġġieled għall-​verità tal-​Bibbja. L-​imħabba tagħha għal Alla, il-​fiduċja tagħha fih, u l-​‘għajn sempliċi’ tagħha għamluha verament mara u omm kapaċi. (Mattew 6:​22, 23; Proverbji 12:4) Flimkien magħha, nistaʼ ngħid b’qalbi kollha: “Mbierek il-​bniedem li jittama fil-​Mulej.”—Ġeremija 17:7.

[Nota taʼ taħt]

a Il-bijografija taʼ Percy Iszlaub dehret fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Mejju, 1981, taʼ din ir-​rivista bl-​Ingliż.

[Stampa f’paġna 9]

Konna nużaw din il-​karozza b’sistema tas-​sawnd fit-​tramuntana taʼ Queensland

[Stampa f’paġna 10]

Ngħinu lill-​aħwa Kilpatrick biex iċaqalqu l-​vettura tagħhom matul l-​istaġun tax-​xita fit-​tramuntana taʼ Queensland

[Stampa f’paġna 12]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja