LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/15 pp. 21-25
  • Ikkultiva Kwalitajiet li Jistgħu Jgħinuk Tagħmel Dixxipli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikkultiva Kwalitajiet li Jistgħu Jgħinuk Tagħmel Dixxipli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uri Mħabba Profonda għal Alla
  • Uri Interess bl-​Imħabba fin-​Nies
  • Uri Spirtu taʼ Sagrifiċċju Persunali
  • Kun Paċenzjuż Mingħajr Ma Taħli l-​Ħin
  • Żviluppa l-​Arti tat-​Tagħlim
  • Ħu Sehem f’li Tagħmel Dixxipli biż-​Żelu
  • “Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom Jien”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Imita lil Ġesù—Għallem bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • ‘Morru agħmlu dixxipli’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Tistaʼ Tgħallem lin-Nies Isiru Dixxipli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/15 pp. 21-25

Ikkultiva Kwalitajiet li Jistgħu Jgħinuk Tagħmel Dixxipli

“Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”​—MATTEW 28:19.

1. Liema abbiltajiet u attitudnijiet kienu meħtiġin minn xi wħud mill-​qaddejja t’Alla fil-​passat?

IL-​QADDEJJA taʼ Ġeħova kultant ikollhom jiżviluppaw xi sengħa jew attitudni li se tgħinhom jagħmlu r-​rieda tiegħu. Per eżempju, fi qbil mal-​kmand t’Alla, Abraham u Sara telqu mill-​belt sinjura t’Ur u maż-​żmien kellhom bżonn il-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet meħtiġin minn uħud li jgħixu fit-​tined. (Ebrej 11:​8, 9, 15) Sabiex imexxi lill-​Iżraelin fl-​Art Imwiegħda Ġożwè kellu bżonn kuraġġ, fiduċja f’Ġeħova, u għarfien tal-​Liġi tiegħu. (Ġożwè 1:​7-9) U minkejja liema abbiltajiet setaʼ diġà kellhom Beżalel u Oħolijab, dawn żgur tjiebu jew żviluppaw iktar permezz taʼ l-​ispirtu t’Alla sabiex dawn l-​irġiel setgħu b’suċċess jieħdu sehem fil-​bini tat-​tabernaklu u xogħol ieħor relatat miegħu u jindokrawh.​—Eżodu 31:​1-11.

2.Liema mistoqsijiet se niddiskutu li huma relatati max-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

2 Sekli wara, Ġesù Kristu ta lis-​segwaċi tiegħu dan l-​inkarigu: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:​19, 20) Ħadd qabel ma ngħata l-​privileġġ li jagħmel xi ħaġa bħal din. Liema kwalitajiet huma bżonnjużi għax-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli? Kif nistgħu nikkultivaw dawn il-​kwalitajiet?

Uri Mħabba Profonda għal Alla

3. Il-​kmand biex nagħmlu dixxipli jagħtina liema opportunità?

3 Jeħtieġ li jkollna mħabba profonda għal Ġeħova sabiex nitkellmu man-​nies u nistinkaw ħalli nikkonvinċuhom iqimu lill-​Alla l-​veru. L-​Iżraelin setgħu jagħtu prova taʼ l-​imħabba tagħhom għal Alla billi b’qalbhom kollha jobdu l-​kmandamenti tiegħu, joffru sagrifiċċji aċċettabbli, u jfaħħruh bl-​għanjiet. (Dewteronomju 10:​12, 13; 30:​19, 20; Salm 21:14 [21:​13, NW]; 96:​1, 2; 138:5) Bħala wħud li nagħmlu dixxipli, aħna wkoll inżommu mal-​liġijiet t’Alla, imma wkoll nesprimu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova billi ngħidu lil oħrajn dwaru u dwar l-​iskopijiet tiegħu. Irridu nitkellmu b’konvinzjoni, billi nagħżlu l-​kliem xieraq biex nesprimu s-​sentimenti sinċieri tagħna dwar it-​tama li tana Alla.​—1 Tessalonikin 1:5; 1 Pietru 3:15.

4. Ġesù għala kien jitgħaxxaq jgħallem lin-​nies dwar Ġeħova?

4 Minħabba li kellu mħabba profonda għal Ġeħova, Ġesù kien jitgħaxxaq jitkellem dwar l-​iskopijiet t’Alla, is-​Saltna, u l-​qima vera. (Luqa 8:1; Ġwanni 4:​23, 24, 31) Fil-​fatt, Ġesù qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:34) Dan il-​kliem tas-​salmista japplika għal Ġesù: “Li nagħmel ir-​rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-​liġi tiegħek ġewwa qalbi. Xandart il-​ġustizzja f’ġemgħa kbira; xufftejja ma żammejthomx magħluqa. Mulej, dan inti tafu.”​—Salm 40:​9, 10 [40:​8, 9, NW]; Ebrej 10:​7-10.

5, 6. Liema hi l-​kwalità prinċipali li għandhom bżonn dawk li jagħmlu dixxipli?

5 Imqanqlin mill-​imħabba għal Alla, kultant uħud ġodda li jkunu għadhom kif tgħallmu l-​verità tal-​Bibbja tant jitkellmu b’konvinzjoni dwar Ġeħova u s-​Saltna li huma effettivi ħafna f’li jikkonvinċu lil oħrajn biex jeżaminaw l-​Iskrittura. (Ġwanni 1:41) L-​imħabba għal Alla hija l-​kwalità prinċipali li timmotivana biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Għalhekk, ejja nżommu din l-​imħabba ħajja billi regolarment naqraw u nimmeditaw fuq il-​Kelma tiegħu.​—1 Timotju 4:​6, 15; Rivelazzjoni 2:4.

6 L-​imħabba għal Ġeħova bla dubju għenet lil Ġesù Kristu biex ikun għalliem żeluż. Imma din ma kinitx l-​unika raġuni għala kien effettiv bħala proklamatur tas-​Saltna. Allura, liema hi kwalità oħra li għenet lil Ġesù jkollu suċċess f’li jagħmel dixxipli?

Uri Interess bl-​Imħabba fin-​Nies

7, 8. Ġesù kif kien iqishom lin-​nies?

7 Ġesù kien jimpurtah min-​nies u wera interess sinċier fihom. Anki fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla, hu kien jgħożż l-​affarijiet li kellhom x’jaqsmu maʼ l-​umanità. (Proverbji 8:​30, 31, NW) Bħala raġel fuq l-​art, Ġesù kellu mogħdrija għan-​nies, billi kien iġib serħan lil dawk li jmorru għandu. (Mattew 11:​28-30) Ġesù rrifletta l-​imħabba u l-​mogħdrija taʼ Ġeħova nnifsu, u dan ġibed lin-​nies lejn il-​qima taʼ l-​uniku Alla veru. Bnedmin taʼ kull xorta kienu jagħtuh widen lil Ġesù għaliex hu kien juri interess bl-​imħabba fihom u fiċ-​ċirkustanzi tagħhom.​—Luqa 7:​36-50; 18:​15-17; 19:​1-10.

8 Meta wieħed raġel staqsa x’kellu bżonn jagħmel biex jiret il-​ħajja taʼ dejjem, “Ġesù ħares lejh [u] ħass imħabba għalih.” (Marku 10:​17-21) Rigward ċerti individwi mgħallmin minn Ġesù fil-​Betanja, naqraw: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” (Ġwanni 11:​1, 5) Ġesù tant kien iħoss għan-​nies li, sabiex jgħallimhom, kien jissagrifika l-​mistrieħ li kien ikollu bżonn. (Marku 6:​30-34) Interess profond u kollu mħabba bħal dan għal bnedmin oħrajn għamel lil Ġesù iktar effettiv minn kwalunkwe persuna oħra f’li jiġbed lil individwi lejn il-​qima vera.

9. Pawlu liema attitudni kellu bħala wieħed li jagħmel dixxipli?

9 L-​appostlu Pawlu wkoll kellu interess profond fin-​nies li kien jippridkalhom. Per eżempju, hu qal lil dawk li kienu saru Kristjani fit-​Tessalonika: “Peress li għandna affezzjoni tenera lejkom, konna kuntenti ħafna li mhux biss nagħtukom l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħna stess, għax sirtu għeżież għalina.” Minħabba l-​isforzi kollhom imħabba taʼ Pawlu, xi wħud fit-​Tessalonika ‘daru mill-​idoli tagħhom biex jitjassru għall-​Alla l-​ħaj.’ (1 Tessalonikin 1:9; 2:8) Jekk ikollna interess ġenwin fin-​nies, bħalma kellhom Ġesù u Pawlu, aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw il-​ferħ taʼ li naraw l-​aħbar tajba tmiss il-​qalb taʼ dawk ‘li għandhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.’​—Atti 13:48.

Uri Spirtu taʼ Sagrifiċċju Persunali

10, 11. Għala għandna bżonn spirtu taʼ sagrifiċċju persunali meta nkunu qed nipprovaw nagħmlu dixxipli?

10 Uħud effettivi f’li jagħmlu dixxipli għandhom spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. Huma żgur li ma jqisux il-​ksib taʼ l-​għana bħala l-​iktar ħaġa importanti. Fil-​fatt, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-​flus biex jidħlu fis-​saltna t’Alla!” Id-​dixxipli nħasdu x’ħin semgħu dan, imma Ġesù żied: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-​saltna t’Alla! Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-​saltna t’Alla.” (Marku 10:​23-25) Ġesù ta l-​parir lis-​segwaċi tiegħu biex jgħixu ħajja sempliċi ħalli jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq li jagħmlu dixxipli. (Mattew 6:​22-24, 33) Spirtu taʼ sagrifiċċju persunali għala jgħinna biex nagħmlu dixxipli?

11 Sabiex ngħallmu l-​affarijiet kollha li Ġesù kkmanda jirrikjedi sforz. Wieħed li jagħmel dixxipli ġeneralment jistinka biex jikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ persuna interessata kull ġimgħa. Sabiex iżidu l-​opportunitajiet li jsibu wħud sinċieri, xi proklamaturi tas-​Saltna bdew jaħdmu part-time minflok full-time. Eluf taʼ Kristjani tgħallmu lingwa oħra sabiex jippridkaw lil ċerti gruppi etniċi fl-​inħawi tagħhom. Oħrajn li jagħmlu dixxipli telqu mid-​djar tagħhom u marru jgħixu fi nħawi oħrajn jew f’pajjiż ieħor biex ikollhom sehem akbar fil-​ħsad. (Mattew 9:​37, 38) Dan kollu jirrikjedi spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. Imma hemm iktar involut f’li nkunu effettivi meta nagħmlu dixxipli.

Kun Paċenzjuż Mingħajr Ma Taħli l-​Ħin

12, 13. Il-​paċenzja għala hija daqstant importanti biex nagħmlu dixxipli?

12 Il-​paċenzja hija kwalità oħra li tgħinna nagħmlu dixxipli. Il-​messaġġ Kristjan tagħna jeħtieġ azzjoni urġenti, imma li nagħmlu dixxipli spiss jinvolvi ħin konsiderevoli u jirrikjedi paċenzja. (1 Korintin 7:29) Ġesù wera l-​paċenzja maʼ Ġakbu, ħuh mill-​omm. Għalkemm Ġakbu milli jidher kien midħla sew taʼ l-​attivitajiet taʼ ppridkar taʼ Ġesù, għal xi żmien xi ħaġa żammitu lura milli jsir dixxiplu. (Ġwanni 7:5) Madankollu, fil-​perijodu qasir bejn il-​mewt taʼ Kristu u Pentekoste tas-​sena 33 E.K., milli jidher Ġakbu sar dixxiplu, għax l-​Iskrittura tissuġġerixxi li hu ltaqaʼ flimkien m’ommu, ħutu, u l-​appostli biex jitolbu. (Atti 1:​13, 14) Ġakbu għamel progress spiritwali mill-​aqwa, tant li iktar tard kellu responsabbiltajiet kbar fil-​kongregazzjoni Kristjana.​—Atti 15:13; 1 Korintin 15:7.

13 Bħal bdiewa, il-​Kristjani qed jikkultivaw affarijiet li spiss jikbru bil-​mod​—fehma tal-​Kelma t’Alla, imħabba għal Ġeħova, u spirtu bħal taʼ Kristu. Dan jirrikjedi l-​paċenzja. Ġakbu kiteb: “Ħuti, kunu paċenzjużi sal-​preżenza tal-​Mulej. Ara! Il-​bidwi jibqaʼ jistenna l-​frott prezzjuż taʼ l-​art, u jistennieh bil-​paċenzja sakemm ikollu l-​ewwel u l-​aħħar xita. Intom ukoll kunu paċenzjużi; issodaw lil qlubkom, għax il-​preżenza tal-​Mulej qorbot.” (Ġakbu 5:​7, 8) Ġakbu kien qed iħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ‘ikunu paċenzjużi sal-​preżenza tal-​Mulej.’ Jekk id-​dixxipli ma kinux jifhmu xi ħaġa, Ġesù bil-​paċenzja kien jispjega l-​kwistjoni bil-​kliem jew b’xi tixbiha. (Mattew 13:​10-23; Luqa 19:11; 21:7; Atti 1:​6-8) B’mod simili, issa li l-​Mulej hu preżenti hemm bżonn tal-​paċenzja hekk kif nistinkaw biex nagħmlu dixxipli. Dawk li jsiru s-​segwaċi taʼ Ġesù fi żmienna għandhom bżonn istruzzjoni bil-​paċenzja.​—Ġwanni 14:9.

14. Għalkemm nuru l-​paċenzja, kif nistgħu nużaw il-​ħin tagħna b’mod għaqli bħala wħud li nagħmlu dixxipli?

14 Avolja nuru l-​paċenzja, il-​kelma ma tagħmilx frott fil-​maġġuranza tan-​nies li nibdew studju tal-​Bibbja magħhom. (Mattew 13:​18-23) Għalhekk, wara li nagħmlu sforzi raġunevoli biex ngħinuhom, b’mod għaqli nieqfu nqattgħu ħin maʼ dawn l-​individwi u nfittxu lil dawk li x’aktarx iktar se japprezzaw il-​verità tal-​Bibbja. (Koħèlet 3:​1, 6) M’għandniex xi ngħidu, anki wħud li japprezzaw forsi għandhom bżonn iktar għajnuna biex ibiddlu l-​opinjonijiet, l-​attitudnijiet, u l-​prijoritajiet tagħhom fil-​ħajja. Għalhekk, aħna nuru l-​paċenzja sewwasew bħalma Ġesù wera l-​paċenzja mad-​dixxipli li kellhom diffikultà f’li jiżviluppaw attitudni xierqa.​—Marku 9:​33-37; 10:​35-45.

Żviluppa l-​Arti tat-​Tagħlim

15, 16. Għala għandna bżonn is-​sempliċità u l-​preparazzjoni tajba meta nagħmlu dixxipli?

15 L-​imħabba għal Alla, l-​interess fin-​nies, l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali, u l-​paċenzja huma aspetti importanti biex ikollna s-​suċċess f’li nagħmlu dixxipli. Għandna bżonn ukoll niżviluppaw is-​sengħa tat-​tagħlim, għax din tgħinna nispjegaw l-​affarijiet b’mod ċar u sempliċi. Per eżempju, ħafna stqarrijiet taʼ l-​Għalliem il-​Kbir, Ġesù Kristu, kienu effettivi ħafna minħabba li kienu sempliċi. X’aktarx li int tiftakar ċerti stqarrijiet taʼ Ġesù bħal dawn: “Aħżnu teżori fis-​sema.” “Tagħtux lill-​klieb dak li hu qaddis.” “L-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Mattew 6:20; 7:6; 11:19; 22:21) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù m’għamilx biss stqarrijiet qosra. Hu għallem b’mod ċar u spjega l-​affarijiet meta kien xieraq li jagħmel dan. Kif tistaʼ timita l-​mod taʼ kif għallem Ġesù?

16 Preparazzjoni bir-​reqqa hija ċ-​ċavetta għas-​sempliċità u ċ-​ċarezza. Pubblikatur mhux preparat ġeneralment jitkellem iżżejjed. Għandu mnejn iċajpar il-​punti prinċipali minħabba li jitkellem iżżejjed, billi jgħid dak kollu li jaf fuq xi suġġett. B’kuntrast, pubblikatur preparat sew jaħseb dwar il-​persuna li jkun qed jgħallem, jimmedita fuq is-​suġġett, u jippreżenta b’mod ċar dak biss li hu bżonnjuż. (Proverbji 15:28; 1 Korintin 2:​1, 2) Hu jżomm f’moħħu x’jaf diġà l-​istudent u liema punti għandhom jiġu enfasizzati matul l-​istudju. Il-​pubblikatur għandu mnejn jaf ħafna dettalji interessanti dwar is-​suġġett, imma ċ-​ċarezza tiġi billi jelimina informazzjoni żejda.

17. Kif nistgħu ngħinu lin-​nies jirraġunaw fuq l-​Iskrittura?

17 Ukoll, Ġesù għen lin-​nies biex jirraġunaw, minflok ma sempliċement tahom il-​fatti. Per eżempju, f’okkażjoni minnhom hu staqsa: “X’taħseb Xmun? Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” (Mattew 17:25) Nistgħu tant nieħdu pjaċir nispjegaw il-​Bibbja li jkollna neżerċitaw ir-​rażna sabiex inħallu lill-​istudent jesprimi lilu nnifsu jew jispjega xi kwistjoni li tkun qed tiġi kunsidrata waqt xi studju tal-​Bibbja fid-​dar. Naturalment, m’għandniex nibbombardjaw in-​nies bil-​mistoqsijiet. Minflok, b’tattika, b’tixbihat tajbin, u b’mistoqsijiet maħsubin sew, nistgħu ngħinuhom japprezzaw il-​punti Skritturali preżentati fil-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja.

18. X’jinvolvi li wieħed jiżviluppa “l-​arti tat-​tagħlim”?

18 L-​Iskrittura titkellem dwar “l-​arti tat-​tagħlim.” (2 Timotju 4:2; Titu 1:9) Din l-​abbiltà fit-​tagħlim tinvolvi ħafna iktar milli sempliċement ngħinu lil xi ħadd jiftakar il-​fatti bl-​amment. Għandna nipprovaw ngħinu lill-​istudent tal-​Bibbja jifhem id-​differenza bejn il-​verità u l-​gidba, it-​tajjeb u l-​ħażin, l-​għerf u l-​bluha. Hekk kif nagħmlu dan u nistinkaw biex nikkultivaw l-​imħabba għal Ġeħova fil-​qalb taʼ l-​individwu, hu jkun jistaʼ jara għala għandu jobdi Lilu.

Ħu Sehem f’li Tagħmel Dixxipli biż-​Żelu

19. Kif inhu li l-​Kristjani kollha jgħinu fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

19 Il-​kongregazzjoni Kristjana hija organizzazzjoni li tagħmel dixxipli. Meta xi ħadd ġdid isir dixxiplu, ix-​Xhud taʼ Ġeħova li jkun sabu u għenu jitgħallem dak li tgħid il-​Bibbja m’huwiex l-​uniku wieħed b’raġuni biex jifraħ. Meta jiġi organizzat grupp taʼ nies biex imur ifittex tifel mitluf, jistaʼ jkun li membru wieħed biss mill-​grupp isib lit-​tifel. Imma meta t-​tifel jerġaʼ jingħaqad mal-​ġenituri tiegħu, kulmin kien involut fit-​tfittxija jifraħ. (Luqa 15:​6, 7) B’mod simili, il-​kongregazzjoni kollha hija involuta fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Il-​Kristjani kollha jieħdu sehem fit-​tfittxija għal dawk li jistgħu jsiru dixxipli taʼ Ġesù. U meta xi ħadd ġdid jibda jattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, kull Kristjan preżenti jgħin biex ikabbar l-​apprezzament tiegħu għall-​qima vera. (1 Korintin 14:​24, 25) B’hekk, il-​Kristjani kollha jistgħu jifirħu li kull sena jkollna mijiet t’eluf taʼ dixxipli ġodda.

20. X’għandek tagħmel jekk trid tgħallem il-​verità tal-​Bibbja lil oħrajn?

20 Ħafna Kristjani leali verament jixtiequ jgħallmu lil xi ħadd dwar Ġeħova u l-​qima vera. Però, minkejja li jagħmlu l-​almu tagħhom forsi ma rnexxilhomx jagħmlu dan. Jekk din hi s-​sitwazzjoni tiegħek, kompli saħħaħ l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova, uri interess fin-​nies, agħmel sagrifiċċju persunali, eżerċita l-​paċenzja, u pprova tejjeb l-​abbiltà tiegħek fit-​tagħlim. Fuq kollox, itlob dwar ix-​xewqa tiegħek biex tgħallem il-​verità. (Koħèlet 11:1) Sib faraġ fl-​għarfien li kull ħaġa li tagħmel fis-​servizz taʼ Ġeħova tikkontribwixxi għax-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli li jigglorifika lil Alla.

Tistaʼ Tispjega?

• Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli għala jġarrab l-​imħabba tagħna għal Alla?

• Liema kwalitajiet għandhom bżonn dawk li jagħmlu dixxipli?

• X’hemm involut fl-​“arti tat-​tagħlim”?

[Stampa f’paġna 21]

Billi jagħmlu dixxipli, il-​Kristjani juru l-​imħabba profonda tagħhom għal Alla

[Stampa f’paġna 23]

Uħud li jagħmlu dixxipli għala għandhom juru interess f’oħrajn?

[Stampa f’paġna 24]

X’inhuma ftit mill-​kwalitajiet meħtiġin minn uħud li jagħmlu dixxipli?

[Stampa f’paġna 25]

Il-​Kristjani kollha jieħdu gost jaraw ir-​riżultati sbieħ mix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja