Kellu Bibbja Ġesù?
LE, Ġesù ma kellux Bibbja. Għala? Minħabba li l-Bibbja kompluta bħalma għandna llum ma kinitx teżisti fi żmien Ġesù. Madankollu, fis-sinagogi kien hemm kollezzjoni taʼ rombli li kien fihom kitbiet li saru parti mill-Bibbja bħalma nafuha llum. Ġesù qara mir-romblu taʼ Isaija fis-sinagoga f’Nazaret. (Luqa 4:16, 17) L-appostlu Pawlu semaʼ “l-qari pubbliku tal-Liġi u tal-Profeti” f’Antjokja fil-Pisidja. (Atti 13:14, 15) U d-dixxiplu Ġakbu qal li l-kitbiet taʼ Mosè kienu “jinqraw b’leħen għoli fis-sinagogi kull Sabat.”—Atti 15:21.
Kien hemm individwi fl-ewwel seklu li kellhom rombli taʼ l-Iskrittura Mqaddsa? Jidher ċar li l-ewnuku Etjopjan li kien qaddej fil-palazz tas-Sultana Kandaċe kellu wieħed, għaliex hu kien “bil-qiegħda fil-karru tiegħu jaqra b’leħen għoli mill-ktieb tal-profeta Isaija” meta d-dixxiplu Filippu ltaqaʼ miegħu fit-triq li tagħti għal Gaża. (Atti 8:26-30) L-appostlu Pawlu talab lil Timotju biex iġib “ir-rombli, speċjalment il-parċmini.” (2 Timotju 4:13) Għalkemm Pawlu ma qalx għal liema rombli kien qed jirreferi, huwa possibbli li dawn kienu porzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka.
Skond Alan Millard, professur tal-lingwi Semitiċi, fost il-Lhud, li wieħed ikollu rombli persunali taʼ l-Iskrittura kien probabbilment biss “għan-nies fil-Palestina li kienu taʼ klassi għolja, għal dawk kollha li kienu jgħidu li ħadu xi edukazzjoni, għal xi wħud mill-Fariżej u għal għalliema bħal Nikodemu.” Parti mir-raġuni kienet li kienu jiswew ħafna flus. Millard jikkalkula “prezz taʼ sitta sa għaxar dinari għal kopja tar-romblu taʼ Isaija” u jgħid li Bibbja bl-Ebrajk kompluta “kienet tokkupa minn 15 sa 20 romblu,” jew li setgħu jiswew madwar nofs sena paga.
Il-Bibbja ma tgħidx jekk Ġesù jew id-dixxipli tiegħu kellhomx xi kopji persunali tar-rombli tal-Bibbja. Madankollu, m’hemm ebda dubju li Ġesù kien familjari sew maʼ l-Iskrittura, billi kien kapaċi jirreferi għall-Iskrittura jew jikkwotaha minn moħħu. (Mattew 4:4, 7, 10; 19:4, 5) M’għandux dan jimmotivana llum biex insiru familjari sew mal-Bibbja, ladarba b’mod ġenerali din ma tiswiex ħafna flus u hija disponibbli faċilment?