Affarijiet li Għandna Naħarbu Minnhom
“Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif taħarbu mill-korla li ġejja?”—MT. 3:7.
1. Liema eżempji nsibu fil-Bibbja taʼ wħud li ħarbu?
FIEX tiftakar meta tismaʼ l-kelma ‘aħrab’? Xi wħud jistgħu jġibu quddiem għajnejhom liż-żagħżugħ gustuż Ġużeppi jaħrab mill-proposti immorali tal-mara taʼ Putifar. (Ġen. 39:7-12) Oħrajn għandhom mnejn jiftakru fil-Kristjani li ħarbu minn Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. b’ubbidjenza għat-twissija taʼ Ġesù: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad . . . dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha.”—Lq. 21:20, 21.
2, 3. (a) Meta Ġwanni l-Għammied ikkritika lill-mexxejja reliġjużi, fir-realtà x’kien qed jgħid? (b) Ġesù kif saħħaħ it-twissija li kien ta Ġwanni?
2 Fl-eżempji li ssemmew hawn fuq kien hemm ħarba letterali involuta. Illum, hemm bżonn urġenti li l-Kristjani veri fi kważi kull pajjiż madwar id-dinja jaħarbu b’mod figurattiv. Ġwanni l-Għammied uża l-kelma ‘aħrab’ f’dan is-sens. Fost dawk li ġew biex jaraw lil Ġwanni kien hemm il-mexxejja reliġjużi Lhud li kienu ġusti f’għajnejhom stess u li ma kinux iħossu l-bżonn li jindmu. Huma ddisprezzaw lin-nies komuni li kienu qed jitgħammdu b’simbolu taʼ l-indiema tagħhom. Bil-qlubija, Ġwanni kixef lil dawn il-mexxejja ipokriti billi qal: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott li jixraq lill-indiema.”—Mt. 3:7, 8.
3 Ġwanni ma kienx qed jitkellem fuq ħarba letterali. Hu kien qed iwissi dwar ġudizzju li kien riesaq, jum taʼ korla, u kien qed javża lill-mexxejja reliġjużi li jekk riedu jaħarbu matul dak il-jum, huma kien se jkollhom bżonn jipproduċu frott li kien jagħti prova li kienu niedma. Iktar tard, Ġesù bil-qlubija kkundanna lill-mexxejja reliġjużi—l-attitudni qattiela tagħhom uriet li l-missier veru tagħhom kien ix-Xitan. (Ġw. 8:44) Ġesù saħħaħ it-twissija li Ġwanni kien ta qabel billi sejħilhom “nisel il-lifgħat” u staqsa: “Kif se taħarbu mill-ġudizzju taʼ Geħenna?” (Mt. 23:33) Ġesù x’ried ifisser b’“Geħenna”?
4. Ġesù x’ried ifisser b’“Geħenna”?
4 Geħenna kien wied barra l-ħitan taʼ Ġerusalemm fejn kienu jinħarqu l-iskart u l-iġsma mejtin taʼ l-annimali. Ġesù uża Geħenna bħala simbolu taʼ mewt eterna. (Ara paġna 27.) Il-mistoqsija li staqsa dwar jekk jistgħux jaħarbu minn Geħenna wriet li dawn il-mexxejja reliġjużi bħala grupp kien jistħoqqilhom qerda għal dejjem.—Mt. 5:22, 29.
5. L-istorja kif ikkonfermat li t-twissijiet taʼ Ġwanni u Ġesù seħħew?
5 Il-mexxejja Lhud żiedu mad-dnubiet tagħhom billi ppersegwitaw lil Ġesù u lis-segwaċi tiegħu. Iktar tard, bħalma kienu wissew Ġwanni u Ġesù, il-jum taʼ korla t’Alla wasal. F’dan il-każ, il-“korla li ġejja” kienet se teffettwa lokalità partikulari waħda, Ġerusalemm u l-Lhudija, u għalhekk setaʼ kien possibbli li jaħarbu b’mod letterali. Il-korla ġiet meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha nqerdu mill-armati Rumani fis-sena 70 E.K. Din it-“tribulazzjoni” kienet akbar minn kwalunkwe ħaġa li Ġerusalemm qatt kienet esperjenzat. Ħafna nqatlu jew ittieħdu lsiera. Dan kien jiffigura bil-quddiem il-qerda akbar li qed tistenna lil dawk li huma Kristjani taʼ l-isem u dawk li jipprattikaw reliġjonijiet oħrajn.—Mt. 24:21.
Korla li Ġejja fil-Futur u li Għandna Naħarbu Minnha
6. X’beda jiżviluppa fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu?
6 Uħud fost il-Kristjani tal-bidu saru apostati, u xi nies bdew isegwuhom. (Atti 20:29, 30) Sakemm l-appostli taʼ Ġesù kienu għadhom ħajjin, huma ‘żammew lura’ apostasija bħal din, imma wara li mietu żviluppaw ħafna setet Kristjani foloz. Illum, hemm mijiet taʼ reliġjonijiet li ma jaqblux bejniethom fil-qasam tal-Kristjaneżmu. Il-Bibbja bassret li kien se jitfaċċa l-kleru tal-Kristjaneżmu, u ddeskrivietu b’mod kollettiv bħala “l-bniedem bla liġi” u “bin il-qerda . . . li l-Mulej Ġesù jwarrbu . . . u jġibu fix-xejn bil-manifestazzjoni tal-preżenza tiegħu.”—2 Tess. 2:3, 6-8.
7. L-espressjoni “l-bniedem bla liġi” għala tixraq lill-kleru tal-Kristjaneżmu?
7 Il-kleru tal-Kristjaneżmu hu bla liġi għax jiżvija lil miljuni taʼ nies billi jippromwovi tagħlim, festi, u mġiba li jmorru kontra l-Bibbja. Bħall-mexxejja reliġjużi li Ġesù kkundanna, il-kleru taʼ llum li huwa parti minn “bin il-qerda” għandu quddiemu qerda bla tama taʼ rxoxt. (2 Tess. 1:6-9) Imma x’hemm jistenna lil dawk li ġew żvijati mill-kleru tal-Kristjaneżmu u mill-mexxejja reliġjużi taʼ reliġjonijiet foloz oħrajn? Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, ejja nikkunsidraw il-ġrajjiet li seħħew wara l-qerda taʼ Ġerusalemm tal-qedem, fis-sena 607 Q.E.K.
“Aħarbu minn Nofs Babilonja”
8, 9. (a) Ġeremija liema messaġġ profetiku kellu għal-Lhud li kienu fil-jasar f’Babilonja? (b) Wara r-rebħa tal-Medi u l-Persjani fuq Babilonja, liema ħarba saret possibbli?
8 Il-profeta Ġeremija bassar il-qerda taʼ Ġerusalemm li seħħet fis-sena 607 Q.E.K. Hu qal li l-poplu t’Alla kien se jittieħed fil-jasar imma li kien se jmur lura f’pajjiżu wara “sebgħin sena.” (Ġer. 29:4, 10) Ġeremija kellu messaġġ importanti għal-Lhud li kienu fil-jasar f’Babilonja; huma kellhom jibqgħu bla tebgħa mir-reliġjon falza li kienet tiġi prattikata f’Babilonja. Għalhekk, huma kienu se jkunu lesti biex imorru lura Ġerusalemm u jirrestawraw il-qima pura meta jasal iż-żmien imwaqqat. Dan ġara ftit wara li l-Medi u l-Persjani rebħu lil Babilonja fis-sena 539 Q.E.K. Is-sultan Persjan Ċiru II ħareġ digriet għal-Lhud sabiex jirritornaw u jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.—Esd. 1:1-4.
9 Eluf taʼ Lhud ħatfu din l-opportunità u marru lura. (Esd. 2:64-67) Billi għamlu hekk, huma wettqu l-kmand profetiku taʼ Ġeremija li fil-każ tagħhom involva li jaħarbu f’sens wieħed, jiġifieri, li jmorru f’lokalità oħra. (Aqra Ġeremija 51:6, 45, 50.) Iċ-ċirkustanzi ma ppermettewx lil-Lhud kollha jagħmlu l-vjaġġ twil lura lejn Ġerusalemm u Ġuda. Dawk li baqgħu f’Babilonja, bħall-profeta xwejjaħ Danjel, setaʼ jkollhom il-barka t’Alla dment li jappoġġaw b’qalbhom kollha l-qima pura li kienet ċentrata f’Ġerusalemm u jibqgħu separati mill-qima falza taʼ Babilonja.
10. “Babilonja l-Kbira” hija responsabbli għal liema xorta taʼ “qżiżijiet”?
10 Illum, biljuni taʼ nies huma involuti f’diversi forom taʼ reliġjon falza li kellhom il-bidu tagħhom f’Babilonja tal-qedem. (Ġen. 11:6-9) Bħala grupp, dawn ir-reliġjonijiet huma msejħin “Babilonja l-Kbira, omm il-prostituti u l-qżiżijiet taʼ l-art.” (Riv. 17:5) Ir-reliġjon falza ilha żmien twil tappoġġa l-ħakkiema politiċi taʼ din id-dinja. Fost “il-qżiżijiet” li r-reliġjon falza hi responsabbli għalihom hemm il-ħafna gwerer li wasslu biex mijiet taʼ miljuni ‘jinqatlu fuq l-art.’ (Riv. 18:24) “Qżiżijiet” oħrajn jinkludu l-pedofilja u forom oħra taʼ immoralità sesswali li kkommetta l-kleru u li huma tollerati mill-awtoritajiet tal-knisja. Għandna għalfejn nistagħġbu li Alla Ġeħova dalwaqt se jeħles lil din l-art mir-reliġjon falza?—Riv. 18:8.
11. Sakemm tinqered Babilonja l-Kbira, il-Kristjani veri liema obbligu għandhom?
11 Il-Kristjani veri li jafu dan għandhom l-obbligu li jwissu lill-membri taʼ Babilonja l-Kbira. Mod wieħed kif jagħmlu dan huwa billi jqassmu Bibbji u letteratura bbażata fuqha li huma pubblikati mill-“ilsir leali u għaqli,” li Ġesù ħatar biex jipprovdi “ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45) Meta individwi juru interess fil-messaġġ tal-Bibbja, isiru arranġamenti biex huma jiġu megħjunin permezz taʼ studju tal-Bibbja. Nittamaw li jaraw il-bżonn li ‘jaħarbu minn nofs Babilonja’ qabel ikun tard wisq.—Riv. 18:4.
Aħarbu mill-Idolatrija
12. Alla kif iqisha l-qima tax-xbihat u l-idoli?
12 Prattika moqżieża oħra komuni f’Babilonja l-Kbira hija l-qima tax-xbihat u l-idoli. Alla jsejħilhom “xbihat moqżieża u koroh.” (Dt. 29:16 [29:17, NW]) Dawk kollha li jridu jogħġbu lil Alla għandhom jaħarbu mill-idolatrija fi qbil maʼ dak li qal Alla: “Jiena [“Ġeħova,” NW], dan hu ismi; ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi; lanqas lill-idoli t-tifħir tiegħi.”—Is. 42:8.
13. Minn liema forom sottili taʼ idolatrija għandna bżonn naħarbu?
13 Il-Kelma t’Alla tikxef ukoll forom sottili taʼ idolatrija. Per eżempju, ix-xenqa b’għira ssejħilha “idolatrija.” (Kol. 3:5) Ix-xenqa b’għira hija xewqa għal dak li hu projbit, bħal per eżempju dak li għandu ħaddieħor. (Eżo. 20:17) L-anġlu li sar Satana x-Xitan żviluppa xenqa b’għira biex ikun bħall-Iktar Għoli u biex jiġi meqjum. (Lq. 4:5-7) Dan wasslu biex jirribella kontra Ġeħova u biex jisseduċi lil Eva ħalli tixxennaq b’għira għal dak li Alla kien ipprojbixxa. Sa ċertu punt, Adam ukoll ikkommetta l-idolatrija billi ħalla x-xewqa egoistika tiegħu għas-sħubija taʼ martu ssir iktar importanti mill-ubbidjenza lejn Missieru tas-sema, li hu kollu mħabba. B’kuntrast, dawk kollha li jridu jaħarbu l-jum taʼ korla t’Alla għandhom jagħtuh devozzjoni esklużiva u jirreżistu kwalunkwe xenqa b’għira bħal din.
“Aħarbu miż-Żína”
14-16. (a) Ġużeppi għala kien eżempju tajjeb fejn jidħlu l-morali? (b) X’għandna nagħmlu jekk ikollna xewqa sesswali mhix nadifa? (ċ) Kif jistaʼ jirnexxilna naħarbu miż-żína?
14 Aqra l-1 Korintin 6:18. Meta l-mara taʼ Putifar ipprovat tisseduċi lil Ġużeppi, hu letteralment ħarab minnha. X’eżempju mill-aħjar ta lill-Kristjani, kemm lil dawk li huma miżżewġin u kemm lil dawk li m’humiex! Jidher ċar li l-kuxjenza taʼ Ġużeppi kienet influwenzata minn ġrajjiet fil-passat li wrew kif Alla jqis l-immoralità. Jekk irridu nobdu l-kmand “aħarbu miż-żína,” aħna se nevitaw affarijiet li jistgħu jqanqlu xewqa sesswali għal xi ħadd li m’huwiex is-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ. Jintqalilna: “Mewtu l-membri taʼ ġisimkom . . . fejn tidħol iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li twassal għall-ħsara, u x-xenqa b’għira, li hi idolatrija. Minħabba dawn l-affarijiet ġejja l-korla t’Alla.”—Kol. 3:5, 6.
15 Innota li ‘l-korla t’Alla ġejja.’ Ħafna fid-dinja jiżviluppaw xewqat sesswali mhux xierqa u jċedu għal dawn ix-xewqat. Għalhekk, aħna l-Kristjani għandna bżonn nitolbu għall-għajnuna u l-ispirtu t’Alla sabiex ma niġux kontrollati minn xewqat sesswali mhux nodfa. Barra minn hekk, jekk nistudjaw il-Bibbja, nattendu l-laqgħat Kristjani, u naqsmu l-aħbar tajba mal-ġirien tagħna se niġu megħjunin biex ‘nibqgħu mexjin bl-ispirtu.’ B’hekk, ‘ma nwettqu assolutament l-ebda xewqa tal-laħam.’—Gal. 5:16.
16 Żgur li jekk naraw il-pornografija ma nkunux qed ‘nimxu bl-ispirtu.’ Bl-istess mod, kull Kristjan għandu bżonn jgħasses kontra li jaqra, jara, jew jismaʼ materjal li jqanqal sesswalment. B’mod simili, huwa ħażin għall-“qaddisin” t’Alla li jieħdu gost jiċċajtaw dwar suġġetti bħal dawn jew jiddiskutuhom bejniethom. (Efes. 5:3, 4) B’hekk, inkunu qed nuru lil Missierna kollu mħabba li aħna rridu verament naħarbu l-korla tiegħu li ġejja u ngħixu fid-dinja l-ġdida ġusta tiegħu.
Aħarbu mill-“Imħabba għall-Flus”
17, 18. Għala għandna naħarbu mill-“imħabba għall-flus”?
17 Fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu enfasizza l-prinċipji li għandhom jiggwidaw lill-ilsiera Kristjani, li xi wħud minnhom għandhom mnejn stennew li jkollhom benefiċċji materjali minħabba li kellhom sidien Kristjani. Oħrajn għandhom mnejn ipprovaw jużaw dak li hu qaddis għall-qligħ egoistiku. Pawlu wissiehom kontra li “jaħsbu li d-devozzjoni lejn Alla hi mezz taʼ qligħ” materjali. L-għerq tal-problema setaʼ kien “l-imħabba għall-flus,” li jistaʼ jkollha effett ħażin fuq kwalunkwe individwu, sew jekk sinjur u sew jekk fqir.—1 Tim. 6:1, 2, 5, 9, 10.
18 Tistaʼ taħseb f’xi eżempji fil-Bibbja taʼ wħud li ħassru r-relazzjoni tagħhom m’Alla minħabba “l-imħabba għall-flus” jew l-imħabba għal affarijiet mhux bżonnjużi li jistgħu jinxtraw bil-flus? (Ġoż. 7:11, 21; 2 Slat. 5:20, 25-27) Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Int, O bniedem t’Alla, aħrab minn dawn l-affarijiet. Imma iġri wara s-sewwa, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, it-temperament ġwejjed.” (1 Tim. 6:11) Huwa vitali li dawk kollha li jridu jsalvaw mill-jum taʼ korla li ġej jagħtu kas dan il-parir.
‘Aħarbu mix-Xewqat li Jistaʼ Jkollkom fiż-Żgħożija’
19. X’għandhom bżonn iż-żgħażagħ kollha?
19 Aqra Proverbji 22:15. Il-bluha f’qalb żagħżugħ faċilment tistaʼ tiżvijah. Xi ħaġa li tistaʼ tgħinu jikkumbatti kontra dan hija d-dixxiplina li tiġi mill-Bibbja. Ħafna Kristjani żgħażagħ li l-ġenituri tagħhom m’humiex taʼ l-istess twemmin jagħmlu ħilithom biex isibu u japplikaw il-prinċipji li hemm fil-Bibbja. Oħrajn jibbenefikaw mill-pariri għaqlin taʼ wħud li huma maturi spiritwalment fil-kongregazzjoni. Minkejja min jagħti l-parir ibbażat fuq il-Bibbja, l-ubbidjenza lejn dak il-parir tistaʼ twassal għal ferħ kemm issa u kemm fil-futur.—Ebr. 12:8-11.
20. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jsibu għajnuna biex jaħarbu minn xewqat ħżiena?
20 Aqra t-2 Timotju 2:20-22. Ħafna żgħażagħ li huma neqsin minn dixxiplina siewja sfaw vittmi taʼ bluhat, bħalma huma spirtu kompetittiv, xenqa b’għira, żína, imħabba għall-flus, u ġiri wara l-pjaċiri. Dawn jirriflettu ‘xewqat li jistaʼ jkollna fiż-żgħożija,’ li l-Bibbja tħeġġiġna biex naħarbu minnhom. Sabiex jaħrab, żagħżugħ Kristjan jeħtieġ li jgħasses kontra influwenzi taʼ ħsara, jiġu minfejn jiġu. Il-parir divin huwa t’għajnuna b’mod speċjali sabiex żagħżugħ ikun jistaʼ jiġri wara kwalitajiet divini “flimkien maʼ dawk li b’qalb nadifa jsejħu lill-Mulej.”
21. Liema wegħda meraviljuża għamel Ġesù Kristu dwar is-segwaċi tiegħu bħal nagħaġ?
21 Sew jekk aħna żgħar u sew jekk aħna kbar, jekk nirrifjutaw li nisimgħu lil dawk li jipprovaw jiżvijawna nuru li rridu nkunu fost is-segwaċi bħal nagħaġ taʼ Ġesù li ‘jaħarbu minn leħen il-barranin.’ (Ġw. 10:5) Madankollu, jirrikjedi iktar minna milli sempliċement naħarbu minn affarijiet taʼ ħsara biex insalvaw mill-jum taʼ korla t’Alla. Irridu wkoll niġru wara kwalitajiet li huma pożittivi. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra sebgħa minnhom. Għandna raġuni tajba biex inkomplu neżaminaw dan, għax Ġesù għamel din il-wegħda meraviljuża: “Nagħtihom [lin-nagħaġ tiegħi] il-ħajja taʼ dejjem, u żgur li qatt ma jinqerdu, u ħadd ma jaħtafhomli minn idi.”—Ġw. 10:28.
Int Kif Twieġeb?
• Ġesù liema twissija tahom lill-mexxejja reliġjużi?
• Liema sitwazzjoni perikoluża jiffaċċjaw miljuni taʼ nies illum?
• Minn liema forom sottili taʼ idolatrija għandna naħarbu?
[Stampi f’paġni 8, 9]
Fiex tiftakar meta tismaʼ l-kelma ‘aħrab’?