Ittra min-Nikaragwa
“Meta Tasal Ħdejn ix-Xmara Coco, Ikser fuq il-Lemin”
“SE JKOLLOK bżonn vettura li tingrana fuq erbaʼ roti, apparat biex joħorġok mit-tajn, u tankijiet żejda tal-fuel. Ħejji ruħek għal toroq b’ħafna tajn fond. Meta tasal ħdejn ix-xmara Coco, ikser fuq il-lemin.”
Ikolli nammetti li dan il-kliem taʼ sieħbi li huwa missjunarju ma tantx tani kuraġġ. Minkejja dan, darba minnhom it-Tlieta fil-għodu, bdejt il-vjaġġ tiegħi biex nattendi assemblea Kristjana f’Wamblán, belt żgħira fin-naħa tat-tramuntana tan-Nikaragwa.
Bdejt nivvjaġġa mas-sebħ, bit-trakk tiegħi antik imma b’saħħtu tul it-triq prinċipali Amerikana li tibda mill-Alaska u twassal saċ-Ċili. F’Jinotega, bdejt insuq fit-triq imħarbta li n-nies tal-lokal isejħulha feo, jew kerha. Qabel tlaqt mill-belt, innotajt żewġ ħwienet, wieħed jismu Miraklu t’Alla u l-ieħor, L-Irxoxt.
It-triq kienet mgħawġa u mserrpa, tinżel u togħla. Soqt bil-mod ħafna fil-widien u l-kanali. Ir-rotta tiegħi għaddietni minn ħdejn xmara twila mkenna f’wied li jinsab fl-għoli fuq muntanja miksija bis-sħab. Minn ġoċ-ċpar, rajt siġar mimlijin orkidej.
F’liwja magħluqa ħafna, għal ftit ma bqajtx dieħel f’tal-linja li kienet għaddejja f’nofs it-triq. Bdiet iddaħħan, u hi u għaddejja t-tajers tagħha bdew itajru l-ġebel. Hawn fin-Nikaragwa tistaʼ tara l-laqam tax-xufier aggressiv miktub ċar fuq il-ħġieġa taʼ quddiem taʼ tal-linja: Konkwistatur, Skorpjun, Piton, jew Kaċċatur.
Sa nofsinhar kont għaddej mill-Pjanura taʼ Pantasma. Hemmhekk, għaddejt minn ħdejn dar taʼ l-injam fuq biċċa art. Ix-xena kienet qisha stampa minn ġo ktieb antik: Kien hemm raġel xiħ bil-qiegħda fuq bank, kelb rieqed taħt siġra, u żewġ gniedes marbutin b’madmad maʼ karettun bir-roti taʼ l-injam. F’belt żgħira waħda, rajt ċorma tfal ħerġin mill-iskola. Bl-uniformi blu skur tagħhom, huma mlew it-triq prinċipali qishom mewġa mal-bajja f’xatt il-baħar.
Ix-xemx kienet tikwi hekk kif wasalt ħdejn Wiwilí u rajt ix-xmara Coco għall-ewwel darba. Fil-belt, ix-xmara kollha qawwa kienet tispikka bl-ilmijiet tagħha dejjem igelglu. Ftakart fl-istruzzjonijiet, ksirt fuq il-lemin u bdejt it-triq perikoluża taʼ 37 kilometru lejn Wamblán.
Waqt li kont qed insuq minn toroq mimlijin tajn u ġebel, it-trakk beda jtajjar l-ilma meta għaddejt minn xi tmienja jew disaʼ xmajjar żgħar. Hekk kif bdejt nipprova nevita l-ħofor fit-tajn niexef, jien bdejt inħalli sħab tat-trab warajja. Iva, “jien kilt it-trab,” kif jgħidu n-nies tal-lokal. Fl-aħħar, it-triq spiċċat, u hemm f’wied mudlam mimli siġar kien hemm Wamblán, id-destinazzjoni tiegħi.
L-għada, kulħadd donnu kien imqajjem fl-4.30 a.m. Iktar kmieni ġejt imqajjem mis-sriedaq li bdew jiddnu bla waqfien, u għalhekk qomt u mort nimxi fit-triq prinċipali. L-arja tal-muntanja kienet mimlija bir-riħa tat-tortillas li kienu qed jinħmew fil-fran tal-ġebel.
Stajt tara xeni kuluriti tal-ġenna taʼ l-art impinġijin minn pittur lokali fuq ħitan ’l hawn u ’l hinn. Sinjali fuq il-pulperías, jew il-ħwienet tal-lokal fil-kantunieri, kienu jirreklamaw diversi xarbiet. Kien hemm kartelluni li kienu jfakkru lin-nies dwar il-wegħdi li għamlu l-aħħar tliet gvernijiet. Kien hemm latrini magħmulin mil-landa tleqq fuq biċċa art tal-konkrit.
Jien tkellimt l-ewwel, billi użajt it-tislija “Adios” li fin-Nikaragwa tgħidha meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd. In-nies tbissmu u kellmuni b’qalb tajba. Aħna bdejna nitkellmu b’leħen ogħla mill-ħoss tat-traffiku—il-ħsejjes tal-passi taż-żwiemel u l-ħmir.
Sal-Ġimgħa fil-għaxija, il-familji waslu għall-assemblea taʼ jumejn. Huma ġew bil-mixi, biż-żwiemel, u bit-trakkijiet. Xi tfal żgħar imxew għal sitt sigħat b’sandli tal-plastik f’saqajhom. Huma għaddew b’riskju minn ħdejn mini splussivi meta kellhom jaqsmu x-xmajjar u bil-kuraġġ imxew fl-ilmijiet kalmi minkejja s-sangisugi li kien fihom. Xi wħud minn komunitajiet imbegħdin ġabu magħhom ftit ikel biss—ross bit-togħma tax-xaħam tal-majjal. Għal liema raġuni ġew dawn kollha?
Huma ġew biex isaħħu t-tama tagħhom għal futur aħjar. Ġew biex jisimgħu lil min jispjegalhom il-Bibbja. Huma ġew biex jogħġbu lil Alla.
Is-Sibt wasal. Taħt saqaf tal-landa, l-udjenza taʼ iktar minn 300 ruħ qagħdet bil-qiegħda fuq banek taʼ l-injam u siġġijiet tal-plastik. L-ommijiet temgħu lit-trabi tagħhom. Il-ħnieżer bdew iqażqżu u s-sriedaq żgħar bdew jiddnu mir-razzett fil-qrib.
It-temperatura telgħet m’ogħla s-sema, u s-sħana malajr saret kważi insapportabbli. Però, dawk fl-udjenza taw widen b’attenzjoni kbira għall-pariri u l-gwida li ngħataw. Hekk kif il-kelliema qraw mill-Bibbja huma segwew fil-Bibbji tagħhom, kantaw għanjiet ibbażati fuq temi mill-Bibbja, u taw widen b’rispett għat-talb li ġie offrut għan-nom tagħhom.
Wara l-programm, jien ngħaqadt maʼ xi oħrajn u lgħabt mat-tfal. Imbagħad irrivedejna n-noti li kienu ħadu ż-żgħażagħ. Jien urejthom stampi taʼ stilel u galassji fuq il-kompjuter tiegħi. It-tfal bdew jitbissmu, u l-ġenituri tagħhom ħadu pjaċir.
L-assemblea ntemmet malajr wisq u kulħadd kellu jmur id-dar. Jien tlaqt l-għada fil-għodu, b’moħħi mimli memorji sbieħ u b’qalb mimlija mħabba għall-ħbieb ġodda tiegħi. Jien determinat li nimitahom u nitgħallem kif inkun kuntent u kif nistrieħ fuq Alla.
[Stampi f’paġna 32]
Familji vvjaġġaw ħafna kilometri biex jattendu l-assemblea f’Wamblán