Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
Għala Għandna Nużaw l-Isem t’Alla Jekk M’Aħniex Ċerti mill-Pronunzja Tiegħu?
Ħadd illum ma jaf eżattament kif l-isem t’Alla kien ippronunzjat bl-Ebrajk tal-qedem. Madankollu, b’mod sinifikanti, l-isem persunali t’Alla jidher xi 7,000 darba fit-test tal-Bibbja. Meta Ġesù kien fuq l-art hu għamel l-isem t’Alla magħruf, u għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu għat-taqdis taʼ dak l-isem. (Mattew 6:9; Ġwanni 17:6) Għalhekk, ħaġa waħda hi ċerta—l-użu taʼ l-isem t’Alla huwa taʼ l-akbar importanza għall-fidi Kristjana. Għala, mela, il-pronunzja oriġinali taʼ dak l-isem hi inċerta llum? Hemm żewġ raġunijiet prinċipali.
L-ewwel, madwar elfejn sena ilu, fost il-Lhud bdiet tradizzjoni superstizzjuża li kienet tgħid li hu ħażin li tippronunzja l-isem t’Alla. Meta qarrej kien jasal għall-isem fit-test tal-Bibbja, hu minflok kien jgħid il-kelma “Mulej.” B’dan il-mod, wara li ma ntużax għal ħafna sekli, in-nies insew kif jippronunzjaw l-isem t’Alla.
It-tieni, l-Ebrajk tal-qedem kien miktub mingħajr vokali, simili ħafna għal kliem imqassar fl-Ingliż u f’lingwi oħra. Meta kien jaqra mit-test miktub, il-qarrej kien jgħid mill-memorja tiegħu l-ħoss tal-vokali neqsin. Maż-żmien, ġiet irranġata sistema biex ma tħallix il-pronunzja tal-kliem Ebrajk tintesa kompletament. Sinjali li juru l-vokali ġew miżjudin maʼ kull kelma fil-Bibbja Ebrajka. Madankollu, għall-isem divin, jew ma kien miżjud xejn, jew inkella ġew miżjudin is-sinjali tal-vokali għall-kelma “Mulej” biex ifakkru lill-qarrej ħalli jippronunzja din il-kelma li tissostitwixxi lill-isem.
B’riżultat taʼ dan, fit-test baqaʼ biss l-erbaʼ konsonanti msejħin it-Tetragrammaton, li dizzjunarju wieħed jispjegahom bħala “l-erbaʼ ittri Ebrajċi li normalment jiġu tradotti letteralment YHWH jew JĦWH u li jifformaw l-isem bibliku proprju t’Alla.” Huwa faċli li tara kif JHVH, bis-sinjal tal-vokali u bil-ħsejjes tal-vokali miżjudin, jiġi tradott “Jehovah,” l-iktar forma bl-Ingliż li hi familjari u aċċettata mad-dinja, u li hija tradotta “Ġeħova” bil-Malti.
Imma, xi studjużi jirrikkmandaw il-pronunzja “Jaħweh.” Hija din il-pronunzja eqreb taʼ l-oriġinal? Ħadd ma jistaʼ jkun ċert. Fil-fatt, studjużi oħrajn taw raġunijiet għala ma jużawx din il-pronunzja. M’għandniex xi ngħidu, ismijiet Bibliċi, meta jiġu mitkellma bil-lingwaġġ taʼ żmienna, probabbilment xejn ma jinstemgħu bħall-Ebrajk oriġinali, u ftit li xejn ikun hemm nies li joġġezzjonaw. Dan hu għaliex dawn l-ismijiet saru parti mil-lingwaġġ tagħna u jintgħarfu malajr. U l-istess huwa l-każ dwar l-isem Ġeħova.
Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu poplu msejjaħ għall-isem t’Alla. Huma ppridkaw dwar dan l-isem lil oħrajn u ħeġġewhom biex isejħulu b’dan l-isem. (Atti 2:21; 15:14; Rumani 10:13-15) B’mod ċar, hu importanti għal Alla li nużaw ismu b’kull lingwa li nitkellmu, nirrikonoxxu s-sinifikat tiegħu, u ngħixu fi qbil maʼ dak li jirrappreżenta.
[Kumment f’paġna 30]
B’mod sinifikanti, l-isem persunali t’Alla jidher xi 7,000 darba fit-test tal-Bibbja