Tgħallimt Kemm Hi Prezzjuża l-Ħajja
KIENET L-GĦODWA TAS-16 T’APRIL, 2007. Hekk kif tgeddist f’rokna t’uffiċċju fit-tielet sular f’Norris Hall li tinsab fil-kampus taʼ l-Istitut Politekniku u l-Università taʼ l-Istat taʼ Virġinja, jew il-Virginia Tech, erġajt ġejt imfakkar dwar kemm għandna nkunu grati għal kull ġurnata taʼ ħajja prezzjuża li jkollna.
Kont fl-uffiċċju tiegħi qed illesti ħalli mmur fit-tieni sular biex niġbor il-posta tiegħi. Wieħed professur ġie ħdejja u staqsieni mmur fl-uffiċċju tiegħu ħalli ngħinu bi problema li kellu fuq il-kompjuter. Hekk kif dħalna fl-uffiċċju tiegħu, smajna ħafna sparar fit-tieni sular. Mingħajr ma ntbaħna x’kien qed jiġri, aħna għaġġilna lejn l-uffiċċju tiegħu, sakkarna l-bieb, u stennejna b’ansjetà ħalli naraw x’kien se jiġri fil-minuti li kien imiss taʼ ħajjitna. Jien sibt kenn f’rokna u ftaħt qalbi m’Alla Ġeħova fit-talb, u tlabtu għall-gwida tiegħu ħalli niffaċċja kwalunkwe ħaġa li kienet se tiġri.
Hekk kif konna qed nistennew, ftakart fi ġrajja li kelli 15-il sena qabel. Kont naħdem bħala mekkanik f’ħanut fejn isewwu l-karozzi. Sieħbi tax-xogħol kien qed iżomm f’idu landa żgħira tal-petrol u din ħadet in-nar. Bil-ġenn, hu bla ħsieb tefaʼ l-landa bin-nar jaqbad f’wiċċi! Jien blajt id-dħaħen tan-nar u sofrejt minn ħruq tat-tieni u t-tielet grad fin-naħa taʼ fuq taʼ ġismi. Ittiħidt bil-ħelikopter fi sptar li jispeċjalizza fil-kura tal-ġrieħi minħabba l-ħruq u bqajt hemm fis-sezzjoni tal-kura intensiva għal tliet xhur u nofs, niġġieled għal ħajti. Wara ħames xhur taʼ kura u riabilitazzjoni, stajt immur lura d-dar, sempliċement grat talli għadni ħaj. Din l-esperjenza għallmitni biex inqis kull ġurnata taʼ ħajti bħala waħda prezzjuża. Ukoll saħħitli d-determinazzjoni tiegħi biex nuża ħajti fis-servizz tal-wieħed li tani din il-ħajja, Alla Ġeħova—bħala wieħed mix-Xhieda tiegħu.—Salm 90:12; Isaija 43:10.
Peress li ma stajtx naħdem bħala mekkanik tal-karozzi minħabba l-komplikazzjonijiet tal-ġrieħi li ġarrabt, jien tgħallimt naħdem bil-kompjuters u ġejt impjegat mill-Virginia Tech. Din hija r-raġuni għala kont f’Norris Hall dik l-għodwa.
Hekk kif kompla l-isparar, aħna bilkemm irrealizzajna li l-iktar sparatura qattiela fl-istorja Amerikana kienet biss sular taħtna. Il-qtil spiċċa meta l-wieħed li kien qed jispara qatel lilu nnifsu wara li kien qatel 32 vittma innoċenti. Xi 20 minuta wara li beda dan kollu, aħna smajna l-pulizija fil-kuritur. Għajjatnielhom, u huma ħaduna f’post ħieles mill-periklu.
Din l-esperjenza tant kerha għallmitni kemm il-ħajja tgħaddi malajr u kemm hija inċerta. (Ġakbu 4:14) Kemm huwa importanti għalina li nafdaw fid-Donatur tal-ħajja, Alla Ġeħova, u li nqisu kull jum taʼ ħajjitna bħala rigal prezzjuż mingħandu!—Salm 23:4; 91:2.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 29]
AP Photo/The Roanoke Times, Alan Kim