Napprezzaw il-Għotja Prezzjuża tal-Ħajja
IL-ĦAJJA—x’pussess prezzjuż! Mingħajrha ma nistgħu nagħmlu xejn. Ladarba tintilef, ma tistax tinkiseb lura b’xi mezz uman. Jekk ħajjitna tkun fil-periklu, nagħmlu minn kollox li nistgħu biex nippreservawha. Tabilħaqq, xi wħud saħansitra jfittxu għajnuna superumana meta jkunu fl-inkwiet!
Niġu mfakkrin fir-rakkont Bibliku dwar vapur li nqabad f’tempesta qawwija f’nofs taʼ baħar. Meta kien wasal biex jiġġarraf, “[i]l-baħrin bdew jibżgħu u jgħajtu għall-għajnuna, kull wieħed lill-alla tiegħu.” Iktar tard, ilkoll kemm huma sejħu lill-veru Alla: “O, issa, O Jehovah, jalla aħna, jekk jogħġbok, ma ngħibux.” Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid ukoll: “Baqgħu jixħtu ’l barra l-oġġetti li kienu fil-vapur ġol-baħar, sabiex iħaffuh minnhom.”—Ġona 1:4-6, 14; qabbel Atti 27:18, 19.
Dawk il-baħħara kienu saħansitra lesti li jissagrifikaw il-ġid materjali li tant kienu jgħożżu fi sforz biex jippreservaw il-ħajjiet tagħhom. Il-ġid materjali nistgħu niksbuh lura—imma l-ħajja le. U peress li b’mod istintiv ingħozzu l-ħajjiet tagħna, aħna ninġibdu lura mill-periklu. Nitimgħu, inlibbsu, u nieħdu ħsieb lil ġisimna. Infittxu kura medika meta nimirdu.
Madankollu, id-Donatur tal-ħajja jeħtieġ iktar minna milli sempliċement insegwu l-istinti tagħna biex nipproteġu lilna nfusna. Wara kollox, il-ħajja hi għotja imprezzabbli, u tiġi mingħand l-iktar Persunaġġ importanti fl-univers kollu kemm hu. Sforz l-apprezzament sinċier tagħna kemm għad-Donatur u kemm għall-għotja, m’għandniex aħna ngħożżuha l-ħajja? U ma jinkludix dak li jkollna rispett lejn il-ħajjiet taʼ oħrajn?
Ma għandux jissorprendina, allura, li l-Liġi li Alla Jehovah ta lill-ġens taʼ Iżrael inkludiet kmandamenti intiżi biex jipproteġu l-ħajjiet u s-saħħa taʼ oħrajn. (Eżodu 21:29; Dewteronomju 22:8) Il-Kristjani llum għandhom bli-stess mod ikunu konxji tas-sigurtà. Per eżempju, jekk għandek tfal żgħar f’darek, tħalli int bi traskuraġni żibeġ, labar, jew oġġetti li jaqtgħu f’post li jintlaħqu u li jistgħu jweġġgħu serjament lil tfajjel li b’mod innoċenti jilgħab bihom jew jiblagħhom? Kimiċi perikolużi u mediċini jinħażnu f’post li ma jintlaħaqx mit-tfal? Jekk jixxerred l-ilma fl-art, tgħaġgel int biex timsħu sabiex tevita xi inċident? Tieħu ħsieb immedjatament biex is-sewwi kull apparat elettriku li jkollu xi difett? Lill-karozza tiegħek tieħu ħsiebha regolarment? Issuq int bil-galbu? Jekk int verament tapprezza kemm hi prezzjuża l-ħajja, se tkun imqanqal biex tieħu prekawzjonijiet raġonevoli f’dawn l-oqsma u f’oqsma. simili.
Jiddispjaċina ngħidu, iżda, li xi wħud saħansitra jagħmlu lil ħajjithom stess bħala fatta. Per eżempju, min illum ma jafx li t-tipjip huwa ħażin għal saħħtek? Madankollu, miljuni huma mjassrin bil-vizzju, waqt li saħħithom teħżien kull darba li jibilgħu d-duħħan velenuż. Oħrajn jabbużaw mid-drogi, u jerġaʼ oħrajn mill-alkoħol, u dawn kollha għad-detriment tagħhom. L-AIDS hija marda qattiela li minnha s’issa m’hemmx fejqan. Imma ħafna setgħu evitaw li jieħdu l-marda kieku stmerrew l-immoralità sesswali, ċerti tipi taʼ abbuż mid-drogi, u trasfużjonijiet tad-demm. X’nuqqas traġiku taʼ apprezzament għall-ħajja!—Rumani 1:26, 27; 2 Korintin 7:1.
Il-Bidla Hija Possibbli!
Dawk li japprezzaw lill-Ħallieq Grandjuż tagħhom, Jehovah, għandhom raġuni qawwija biex iħarsu lejn il-ħajja bħala prezzjuża. Il-ħajja hija għotja sagra. Huma għalhekk lesti li jagħmlu kwalunkwe bidla li hemm bżonn biex iqisuha bħala għotja divina. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Kwaku, għalliem fil-Għana. Bħala wieħed li kien jixrob bla rażan, hu kien qiegħed jaħli ħajtu.
Kwaku jiftakar: “Ipprovajt inġiegħel lil marti tirrispettani, u dan spiss wassal għal argumenti sħan u ġlied, partikolarment meta kont inkun xurban. Peress li kont nixrob iżżejjed, spiss kont inkun xott mill-flus, u taʼ spiss kont nonqos li nipprovdi flus biex ingħajjex il-familja. Bħalma wieħed jistaʼ jifhem, dan irritaha ferm lil marti. Kull meta jispiċċawli l-fondi (u dan kien jiġri spiss ferm), kont nagħmel minn kollox biex insostni l-vizzju tiegħi. Darba minnhom saħansitra għamilt użu persunali minn xi flus li kont ġbart mingħand l-istudenti tiegħi biex nirreġistrahom għal ezami pubbliku. Tajtha għall-ħala fix-xorb u ħallast ukoll għal sħabi li kienu jixorbu miegħi. Jum il-kontijiet malajr laħaqni. Kieku ma kienx għall-intervent f’waqtu tas-surmast tiegħi, kont nitlef l-impjieg li kelli.
“Ħajti kienet tgħaffiġa kbira. Ħassejtni mbarazzat, imma malajr għaddieli. Imbagħad bdejt niżżviluppa ħsibijiet taʼ suwiċidju għaliex ħassejtni li fallejt fil-ħajja. Xorta waħda, ma stajtx neħles mill-viŻzju tax-xorb. Imma meta darba minnhom f’ħanut tax-xorb sibt rnhi involut fi ġlieda fis-sakra u qlajt daqqa taʼ sikkina, intbaħt b’mod taʼ wġigħ li mħabbti għax-xorb kienet xi darba se tiswieli ħajti.
“Sadanittant, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu perjodikament iżuruna d-dar, biex jipprovaw jinteressawna fil-Bibbja. Jien u marti dejjem evitajniehom għaliex konna narawhom fitti. F’okkażjoni minnhom, iżda, iddeċidejt li nismagħhom għax ħassejt għalihom. Studju tal-Bibbja malajr fetaħli għajnejja għall-prospett tal-għaġeb li ngħix għal dejjem fis-sistema l-ġdida t’Alla. Iktar ma bdejt nistudja l-Bibbja bil-għajnuna tax-Xhieda taʼ Jehovah, iktar kiber l-apprezzament tiegħi lejn Jehovah bħala d-Donatur tal-Ħajja tagħna u lejn il-għotja tiegħu tal-ħajja, u iktar bdejt nibqaʼ impressjonat b’kemm hu prattiku l-parir tal-Bibbja. Dan kompla jinkuraġġini biex innaddaf ħajti. Ma kienx faċli, għax kelli l-ħin kollu nirreżisti l-qatra [ix-xorb] kif ukoll lil sħabi tal-antik. Jehovah, Semmiegħ it-talb, ra d-determinazzjoni taʼ qalbi u semagħni.a
“Marti, għalkemm mhix waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, għandha issa stima kbira lejja u lejn ir-reliġjon tiegħi minħabba din il-bidla kbira li osservat f’ħajti u fir-relazzjoni tagħna bħala tnejn miżżewġin. Ma għandhomx iktar għalfejn il-ġirien tagħna jintervjenu fil-ġlidiet bejni u bejn marti. Jiena ngħożż il-paċi tal-moħħ li ngawdi issa. Żgur illi li wieħed japprezza lil Alla Jehovah bħala d-Donatur tal-Ħajja tagħna, li wieħed jaddotta l-ħarsa tiegħu rigward kemm hi prezzjuża l-ħajja, u li wieħed jobdi l-istruzzjonijiet tiegħu dwar kif wieħed igħix huwa l-uniku mod xieraq taʼ hajja.”
L-Offerta t’Alla taʼ Ħajja Eterna
Eluf, bħal Kwaku, ġew imgħejjunin mix-Xhieda taʼ Jehovah biex ‘jilbsu l-personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fit-tjieba vera u l-lealtà.’ (Efesin 4:24) Ġew li japprezzaw mħux biss il-ħajja preżenti tagħhom imma wkoll it-tama taʼ ħajja eterna f’ġenna tal-art. Il-Bibbja twiegħed li f’dik il-Ġenna li se jagħmel Alla, ebda abitant tal-art ma se jerġaʼ jġarrab il-weġgħat li jnawru tal-ġuħ, għax “Jehovah tal-armati ċertament li se jagħmel għall-popli kollha . . . bankett taʼ dixxijiet imħawrin tajjeb biż-żejt.—Isaija 25:6.
Fil-preżent, il-ħajja, għalkemm hi għotja tal-għaġeb, hija biss temporanja. Kulħadd jiffaċċja l-mewt, u x’daqqa taʼ niket kbir hija l-mewt! Li tara lil xi ħadd li inti tħobb igħib minn fost il-ħajjin ġewwa s-skiet taʼ qabar hija haġa verament taʼ għali. Imma taħt is-Saltna t’Alla, maħkuma minn Kristu, se titwettaq il-wegħda taʼ Jehovah: ”[I]l-mewt mhix se tkun iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-ugigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.”−Rivelazzjoni 21:4.
F’dak iż-żmien il-għotja tal-ħajja se tiġi estiża b’mod meraviljuż. Dawk li se jibqgħu ħajjin matul it-tribulazzjoni finali fuq din l-art se jkollhom l-opportunità li jidħlu fil-milja tal-ħajja. U mbagħad, permezz tal-irxoxt, b’qawmien mill-imwiet lura għall-ħajja, Alla Jehovah se jagħti lura l-għotja imprezzabbli tiegħu lil dawk li huma reqdin fil-mewt. (Ġwann 5:24, 28, 29) Dan se jfisser ir-ritorn tal-maħbubin tagħna u taʼ rġiel tal-qedem li kellhom il-biżaʼ t’Alla!
Huwa dan kollu sabiħ wisq biex temmnu? Le, għax “maʼ Alla ebda dikjarazzjoni ma se tkun ħaġa impossibbli.”−Luqa 1:37; qabbel Ġob 42:2.
Iktar minn hekk, Alla Jehovah innifsu ta garanzija lill-bniedem li dan kollu se jiġri. Kif? Billi ssagrifika lill-iktar wieħed għal qalbu, lil Ibnu l-maħbub, Ġesù Kristu, biex jifdina mid-dnub u mill-mewt. Rumani 8:32 jassigurana: “Hu [Alla Jehovah] li ma ħelishiex saħansitra lil Ibnu stess imma kkunsinnah għalina lkoll, għala mhux se jagħtina wkoll miegħu b’qalb tajba l-affarijiet l-oħra kollha?” Il-Bibbja tgħidilna li dan se jinkludi t-tindif tal-bniedem mill-waqgħa morali u l-eliminar taʼ kull forma taʼ inġustizzja, kriminalità, u vjolenza. (Isaija 11:9) Il-ħajja qatt iktar ma se titqies bħala rħisa.
Saħanistra issa, taħt kundizzjonijiet imperfetti, il-ħajja tistaʼ tkun pjaċevoli ferm. Min ma jiħux pjaċir bir-rieħa li tħajrek tal-ikel, b’li jħoss xi buffura ħelwa f’jum sħun, bid-dehra taʼ muntanja maestuża, b’inżul ix-xemx mill-isbaħ, bi xmara tgelbeb bil-kwiet, bl-ilwien tal-fjuri li jaqtgħulek nifsek, bil-ħoss taʼ mużika ħelwa, jew bil-għana tal-għasafar? Ieqaf għal mument. Aħseb, kif tħossok kieku kellek tgawdi affarijiet bħal dawn għall-eternita?
Jagħmel sens, allura, li twarrab ’il barra l-privileġġ prezzjuż taʼ li tgħix għal dejjem minħabba xi pjaċir temporanju li korsa tal-ħajja bla sens u bla rażan tistaʼ toffri? (Qabbel Ebrej 11:25.) Bil-għerf, il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘ingħixu l-bqija taʼ ħajjietna, mhux iktar għax-xewqat tal-bnedmin, imma għar-rieda t’Alla.’ (1 Pietru 4:2) Ninkuraġġuk bil-qalb, iva, inħeġguk, li tagħmel hekk billi tistudja l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u billi tpoġġi fil-prattika l-affarijiet li titgħallem. (Ġwann 13:17) B’hekk int se tidħol f’relazzjoni tajba maʼ Jehovah, dak Alla li qed ifur bit-tjubija u bil-ħniena, li jistaʼ jippremjak b’ħajja eterna!
[Nota taʼ taħt]
a Li wieħed ifiq mill-vizzju tax-xorb hija biċċa xogħol formidabbli, li spiss tinħtieġ għajnuna professjonali. Ara r-rivista msieħba tagħna, Awake! tat-22 taʼ Mejju 1992, għal tagħrif taʼ għajnuna fuq dan is-suġġett.