LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/15 pp. 4-7
  • Trid Tgħix għal Dejjem?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Trid Tgħix għal Dejjem?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħajja taʼ Dejjem—Monotona?
  • Il-​Ħajja—Qasira u Prezzjuża
  • Xi Ngħidu għall-​Maħbubin Tiegħek?
  • Ħajja Eterna—Prospett taʼ Ferħ
  • Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Nistgħu Ngħixu għal Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Hija l-Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Li Tgħix Għal Dejjem M’huwiex Biss Ħolma
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/15 pp. 4-7

Trid Tgħix għal Dejjem?

“MA NIBŻAX mill-​mewt,” qalet mara anzjana fil-​Ġappun. “Imma nagħmel qalbi sewda meta naħseb li jkolli ninfired minn dawn il-​fjuri.” Waħda Kristjana li kienet qed iżżurha f’darha setgħet tifhimha, għax il-​mara kellha ġnien sabiħ. Ħafna li jgħidu li ma jibżgħux mill-​mewt japprezzaw tassew il-​meravilji tal-​ħolqien u fil-​fatt għandhom mnejn jixxennqu li jgħixu għal dejjem.

Jgħixu għal dejjem? Ħafna ma jirnexxilhomx iniżżluha idea bħal din. Xi wħud saħansitra jgħidu li ma jinteressahomx li jgħixu għal dejjem. Wieħed għala jistaʼ jħossu hekk?

Ħajja taʼ Dejjem—Monotona?

Xi wħud jaħsbu illi kieku kellhom jgħixu għal dejjem kienu jixbgħu. Dawn jirreferu għall-​ħajja monotona taʼ ħafna nies li jirtiraw mix-​xogħol u li ftit li xejn ikollhom x’jagħmlu ħlief li joqogħdu bil-​qiegħda u jiċċassaw lejn it-​televixin. Jekk tħossok hekk, ikkunsidra dak li qal l-​astronomu Robert Jastrow meta staqsewh jekk il-​ħajja taʼ dejjem hix barka jew saħta. Jastrow weġibhom: “Tkun barka għal dawk li għandhom moħħ kurjuż u xewqa kontinwa li jitgħallmu. Il-​ħsieb li jkollhom l-​eternità biex jitgħallmu ikun taʼ faraġ kbir għalihom. Imma għal oħrajn li jħossu li tgħallmu kulma kellhom jitgħallmu u li għandhom moħħhom magħluq, l-​eternità tkun saħta terribbli. Ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu fil-​ħin li jkollhom.”

Jekk tqisx il-​ħajja taʼ dejjem bħala monotona jew le, jiddependi ħafna mill-​attitudni tiegħek. Jekk għandek ‘moħħ kurjuż u xewqa kontinwa li titgħallem,’ aħseb ftit x’tistaʼ tagħmel f’dik li hi arti, mużika, arkitettura, ġardinaġġ, u kull attività siewja li tinteressak. Il-​ħajja eterna fuq l-​art tistaʼ tagħtik opportunitajiet taʼ l-​għaġeb biex tagħmel kulma tistaʼ f’diversi attivitajiet li tixtieq.

Minħabba li nkunu nistgħu nuru u nintwerew imħabba għal dejjem, il-​ħajja eterna se tkun sodisfaċenti tassew. Aħna maħluqin bil-​kapaċità li nuru mħabba, u niffjorixxu meta nħossuna maħbubin. L-​imħabba vera li tesperjenza m’oħrajn iġġib sodisfazzjon kbir li ma jitlaqx maż-​żmien. Il-​ħajja taʼ dejjem toffri opportunità bla tmiem biex tikkultiva l-​imħabba għal bnedmin oħra u speċjalment għal Alla. “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla,” qal l-​appostlu Pawlu, “Alla jkun jafu lil dan.” (1 Korintin 8:3) Xi prospett taʼ l-​għaġeb—li tkun taf lis-​Sovran taʼ l-​univers u li hu jkun jaf lilek! Iktar minn hekk, qatt ma nistgħu nieqfu nitgħallmu dwar il-​Ħallieq tagħna kollu mħabba. Allura, kif tistaʼ l-​ħajja eterna tkun monotona u bla siwi?

Il-​Ħajja—Qasira u Prezzjuża

Xi wħud iħossu li huwa l-​fatt li l-​ħajja hi qasira illi jagħmilha daqshekk prezzjuża. Dawn forsi jqabbluha mad-​deheb, li jeżisti biss f’ammonti limitati. Kieku d-​deheb kellek issibu kullimkien, jgħidu huma, ma kienx ikun jiswa daqshekk. Madankollu, id-​deheb kieku xorta jibqaʼ sabiħ. Żgur li dan japplika wkoll għall-​ħajja.

Nistgħu nqabblu t-​tgawdija taʼ ħajja eterna maʼ li jkollok abbundanza t’arja. Għall-​baħħara li jkunu f’sottomarin bil-​ħsara, l-​arja tkun prezzjuża b’mod speċjali. Wara li jiġu salvati, taħseb li jibdew igergru b’nuqqas t’apprezzament għax ikunu qed igawdu abbundanza t’arja? U żgur li le!

Bħal dawn il-​baħħara, aħna nistgħu niġu salvati imma bi prospett ħafna akbar taʼ ħajja taʼ dejjem. “Il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, Alla se jneħħi l-​imperfezzjoni umana u l-​mewt u se jagħti lill-​bnedmin ubbidjenti r-​rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. Kemm għandna nkunu grati għal dan l-​arranġament imqanqal mill-​imħabba!

Xi Ngħidu għall-​Maħbubin Tiegħek?

Xi wħud jistgħu forsi jaħsbu: ‘U l-​maħbubin tiegħi? Il-​ħajja eterna ma tantx tkun tiswa jekk ma jkunux miegħi.’ Forsi ħadt għarfien mill-​Bibbja u tgħallimt li tistaʼ tgawdi ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-​art. (Luqa 23:43; Ġwanni 3:16; 17:3) Naturalment, int trid li l-​membri tal-​familja tiegħek, maħbubin oħra, u ħbieb għeżież oħrajn ikunu hemmhekk, iħossu l-​istess ferħ li tittama li tħoss int fid-​dinja l-​ġdida taʼ ġustizzja mwiegħda minn Alla.—2 Pietru 3:13.

Imma x’jiġri jekk il-​ħbieb u l-​maħbubin tiegħek m’humiex qed juru interess fil-​ħajja taʼ dejjem fil-​ġenna taʼ l-​art? Tiskuraġġix ruħek b’dan. Ibqaʼ ħu għarfien eżatt mill-​Iskrittura, u aġixxi fi qbil miegħu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Għax, mara, kif taf jekk issalvax lil żewġek? Jew, raġel, kif taf jekk issalvax lil martek?” (1 Korintin 7:16) In-​nies jistgħu jinbidlu. Per eżempju, wieħed raġel li darba kien kontra l-​Kristjanità nbidel u iktar tard sar anzjan fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu jgħid: “Ninsab grat ferm li l-​familja għażiża tiegħi żammet lealment mal-​prinċipji tagħha tal-​Bibbja minkejja l-​oppożizzjoni kollha li għamiltilha.”

Alla jimpurtah ħafna minn ħajtek u mill-​ħajja tal-​maħbubin tiegħek. Tabilħaqq, “Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Alla Ġeħova jrid li int u l-​maħbubin tiegħek tgħixu għal dejjem. Imħabbtu hija akbar minn dik tal-​bnedmin imperfetti. (Isaija 49:15) Għalhekk, għala ma tikkultivax relazzjoni tajba m’Alla? Imbagħad tkun tistaʼ tgħin lill-​maħbubin tiegħek jagħmlu l-​istess. Anki jekk issa m’għandhomx it-​tama li jgħixu għal dejjem, l-​attitudni tagħhom tistaʼ tinbidel meta jarawk taġixxi fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt tal-​Bibbja.

Xi ngħidu għal dawk l-​uħud għeżież li forsi tlift fil-​mewt? Għall-​miljuni taʼ nies li mietu, il-​Bibbja tipprovdi tama meraviljuża taʼ rxoxt—li jqumu mill-​mewt u jgħixu fil-​Ġenna fuq l-​art. Ġesù Kristu wiegħed: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira . . . joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Anki dawk li mietu bla ma kienu jafu lil Alla se jerġgħu jingħataw il-​ħajja, għax il-​Bibbja tgħid: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Kemm se jkun sabiħ li nilqgħu lil dawn l-​uħud lura għall-​ħajja!

Ħajja Eterna—Prospett taʼ Ferħ

Jekk tistaʼ ssib il-​ferħ u l-​kuntentizza issa minkejja l-​inkwiet kollu li hawn fid-​dinja, żgur li se tkun tistaʼ tgawdi ħajja eterna f’ġenna taʼ l-​art. Madankollu, meta waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova semmiet il-​barkiet li se ġġib il-​ħajja eterna, waħda mara qalet: “Ma rridx ngħix għal dejjem. Din il-​ħajja taʼ 70 jew 80 sena biżżejjed għalija.” Anzjan Kristjan li inzerta kien preżenti staqsieha: “Qatt ħsibt dwar kif iħossuhom uliedek jekk tmut?” Id-​dmugħ beda jġelben maʼ ħaddejha meta bdiet taħseb dwar in-​niket li kienu se jħossu jekk jitilfu lil ommhom. “Għall-​ewwel darba rrealizzajt kemm kont egoista,” tammetti hi, “u stajt nifhem kif il-​ħajja taʼ dejjem m’hijiex tama egoista imma tinvolvi li tgħix għal ħaddieħor.”

Xi wħud iħossu li ħadd ma jimpurtah jekk jgħixux jew imutux. Madankollu, id-​Donatur tal-​Ħajja jimpurtah. Hu jgħid: “Daqs kemm jien ħaj, . . . ma nitgħaxxaqx b’mewt il-​midneb, imma bir-​reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.” (Eżekjel 33:11) Jekk Alla jinteressah ukoll mill-​ħajja tal-​ħżiena, żgur li jimpurtah ferm minn dawk li jħobbuh.

Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kellu fiduċja fl-​interess bi mħabba taʼ Ġeħova. David darba qal: “Għalkemm [“jitilquni,” Saydon] missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) X’aktarx li David kien ċert li l-​ġenituri tiegħu kienu jħobbuh. Imma anki jekk il-​ġenituri—l-​iktar bnedmin qrib tiegħu—kellhom jitilquh, hu kien jaf li Alla ma kienx se jabbandunah. Minħabba l-​interess u l-​imħabba li għandu, Ġeħova joffrilna ħajja taʼ dejjem u ħbiberija miegħu bla tmiem. (Ġakbu 2:23) M’għandniex aħna naċċettaw bi gratitudni dawn l-​għotjiet taʼ l-​għaġeb?

[Stampa f’paġna 7]

Jekk inħobbu lil Alla u lill-​proxxmu, il-​ħajja taʼ dejjem se tkun sodisfaċenti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja