Il-Meravilja Tal-Ħolqien Taʼ Ġeħova
“Kemm Huma Kotrana l-Għemejjel Tiegħek, Mulej!”
NGĦIXU fejn ngħixu, sew jekk fil-kampanja u sew jekk f’xi belt, inkella fl-għoli fuq xi muntanja jew ’l isfel ħdejn il-baħar, aħna mdawrin bil-meravilja tal-ħolqien li jqanqal fina sens taʼ stagħġib. Bix-xieraq, it-2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses jippreżenta diversi xeni li juru l-għemejjel taʼ l-għaġeb li għamel Alla Ġeħova.
Il-bnedmin li jafu japprezzaw dejjem urew interess fl-għemejjel t’Alla. Per eżempju, ikkunsidra lil Salamun, li l-għerf tiegħu “kien akbar mill-għerf tan-nies kollha tal-Lvant.” Il-Bibbja tgħid: “Kien jaf jitkellem fuq is-siġar: miċ-ċedri li hemm fil-Libanu saż-żuf li jikber mal-ħajt; kien jitkellem fuq il-bhejjem u fuq it-tajr, u fuq il-ħniex u fuq il-ħut.” (1 Slaten 5:10, 13 [4:30, 33, NW]) Missier Salamun, is-Sultan David, taʼ spiss immedita fuq il-kapulavuri t’Alla. Hu kien imqanqal jesklama lill-Ħallieq tiegħu: “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-għerf għamilthom; mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.”—Salm 104:24.a
Aħna wkoll nagħmlu tajjeb jekk nosservaw il-ħolqien u nimmeditaw dwaru. Per eżempju, nistgħu ‘nerfgħu għajnejna ’l fuq’ u nistaqsu: “Min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha?” Huwa Alla Ġeħova, li għandu abbundanza t’enerġija dinamika u huwa tassew vigoruż fil-qawwa!—Isaija 40:26.
Kif għandha teffettwana l-meditazzjoni fuq l-għemejjel kreattivi taʼ Ġeħova? Minn taʼ l-inqas bi tliet modi. Tistaʼ (1) tfakkarna biex ngħożżu ħajjitna, (2) tqanqalna biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu mill-ħolqien, u (3) iġġagħalna nkunu rridu nsiru nafu lill-Ħallieq tagħna u napprezzawh iktar bis-sħiħ.
Il-ħajja tagħna bħala bnedmin, li hija bil-wisq iżjed superjuri minn dik taʼ l-“annimali bla raġuni,” tagħtina ċ-ċans li nosservaw u napprezzaw il-meravilja tal-ħolqien. (2 Pietru 2:12) Għajnejna jistgħu jaraw pajsaġġi mill-isbaħ. Widnejna jistgħu jisimgħu l-għana melodjuż taʼ l-għasafar. U s-sens taż-żmien u l-post jagħtina tfakkiriet li jsiru memorji għeżież għalina. Avolja l-ħajja tagħna taʼ issa m’hijiex perfetta, żgur li hi taʼ min jgħixha!
Hija xi ħaġa naturali li t-tfal jaffaxxinaw ruħhom bil-ħolqien, u l-ġenituri jieħdu pjaċir josservaw lil uliedhom. Kemm jieħdu gost it-tfal jiġru fuq xatt il-baħar biex isibu l-arzell, inkella jmellsu xi annimal, jew jitilgħu fuq xi siġra! Il-ġenituri se jkunu jixtiequ jgħinu liċ-ċkejknin tagħhom jaraw il-konnessjoni li hemm bejn il-ħolqien u l-Ħallieq. Il-biżaʼ u r-rispett li t-tfal jiżviluppaw għall-ħolqien taʼ Ġeħova jistgħu jibqgħu fihom tul ħajjithom kollha.—Salm 111:2, 10.
Inkunu verament qed naraw sa mneħirna jekk nitpaxxew bil-ħolqien imma nonqsu li nagħtu l-kredtu lill-Ħallieq. Il-profezija taʼ Isaija tgħinna nirriflettu fuq dan il-punt meta tgħid: “Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-ħallieq taʼ truf l-art?’ Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx, l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.”—Isaija 40:28.
Iva, l-għemejjel taʼ Ġeħova jagħtu evidenza taʼ l-għerf u l-qawwa tiegħu li m’hawnx bħalhom, u taʼ l-imħabba profonda li għandu għalina. Jalla meta naraw is-sbuħija taʼ madwarna u nifhmu l-kwalitajiet taʼ Dak li għamel dan kollu nitqanqlu biex ngħidu bħalma qal David: “Ħadd m’hu bħalek . . , Mulej, u xejn bħall-għemil tiegħek.”—Salm 86:8.
Nistgħu nibqgħu ċerti li l-bnedmin ubbidjenti se jibqgħu jaffaxxinaw ruħhom bl-għemejjel kreattivi taʼ Ġeħova. Matul l-eternità m’aħniex se nkunu neqsin mill-opportunitajiet biex nitgħallmu iktar dwar Ġeħova. (Koħèlet 3:11) U iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se nsiru nħobbu lill-Ħallieq tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Novembru/Diċembru.
[Kaxxa f’paġna 9]
Tifħir għall-Ħallieq
Ħafna xjenzati jaraw l-id t’Alla fil-ħolqien u juru l-apprezzament tagħhom. Dawn li ġejjin huma xi ftit eżempji:
“L-iktar mumenti sinifikanti u taʼ ferħ fil-qasam tiegħi tax-xjenza huma dawk id-drabi meta niskopri xi ħaġa ġdida u ngħid lili nnifsi, ‘Mela hekk għamilha Alla.’ Il-mira tiegħi hi li nifhem nitfa mill-pjan t’Alla.”—Henry Schaefer, professur tal-kimika.
“Rigward kif ġie l-Univers, dwar l-espansjoni tiegħu, inħallu f’idejn il-qarrej biex jasal għall-konklużjoni tiegħu, imma ma jistax ikollna stampa sħiħa mingħajr [Alla].”—Edward Milne, kosmologu Britanniku.
“Aħna nafu li n-natura hija deskritta bl-aqwa matematika possibbli għax hu Alla li ħalaqha.”—Alexander Polyakov, studjuż tal-matematika Russu.
“Meta nkunu qed nistudjaw oġġetti naturali nkunu qed nikkunsidraw il-ħsibijiet tal-Ħallieq, insiru midħla taʼ l-ideat tiegħu, u ninterpretaw sistema li m’hijiex tagħna imma Tiegħu.”—Louis Agassiz, bijologu Amerikan.
[Stampa f’paġna 8, 9]
Il-pingwini Gentoo, fil-Peniżola Antartika
[Stampa f’paġna 9]
Il-Park Nazzjonali taʼ Grand Teton, f’Wyoming, l-Istati Uniti
[Sors]
Jack Hoehn/Index Stock Photography