LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 4/1 pp. 22-27
  • Faħħru lis-Sultan taʼ L-Eternità!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Faħħru lis-Sultan taʼ L-Eternità!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Sultan Għal Dejjem Taʼ Dejjem’
  • Prospett Meraviljuż Taʼ Ħajja
  • L-​Għerf Kreattiv Taʼ Jehovah
  • Il-​Quċċata Tal-​Ħolqien Fuq L-​Art
  • Xogħlijiet Saħansitra Iktar Setgħanin
  • “Faħħru lil Jah!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Nimxu m’Alla—Bl-Eternità Quddiem Għajnejna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Ħallieq Grandjuż Tagħna u x-Xogħlijiet Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • ‘Kemm huwa profond l-għerf t’Alla!’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 4/1 pp. 22-27

Faħħru lis-​Sultan taʼ L-​Eternità!

“Sultan hu l-​Mulej għal dejjem taʼ dejjem.”—SALM 10:16.

1. Liema mistoqsijiet iqumu rigward l-​eternità?

ETERNITÀ—kieku int x’tgħid li tfisser? Taħseb int li ż-​żmien jistaʼ tassew jibqaʼ sejjer għal dejjem? Sewwa, m’hemmx dubju li ż-​żmien jestendi lura għal dejjem fil-​passat. Allura għala ma jistax jestendi għal dejjem fil-​futur? Tabilħaqq, in-​New World Translation tal-​Bibbja tirreferi għal Alla bħala li jiġi mfaħħar “minn żmien indefinit saħansitra sa żmien indefinit.” (Salm 41:13) Xi tfisser din l-​espressjoni? Nistgħu niġu mgħejjunin biex nifhmuha jekk nirreferu għal suġġett relatat​—l-​ispazju.

2, 3. (a) Liema mistoqsijiet jinvolvu l-​ispazju, billi jgħinuna napprezzaw l-​eternità? (b) Għala għandna nkunu rridu nqimu lis-​Sultan taʼ l-​eternità?

2 Kemm huwa estensiv l-​ispazju? Hemm xi limitu għalih? Sa 400 sena ilu, kien maħsub li l-​art tagħna kienet iċ-​ċentru taʼ l-​univers. Imbagħad Galileo żviluppa t-​teleskopju, li pprovda veduta bil-​wisq iżjed imkabbra tas-​smewwiet. Issa Galileo setaʼ jara ħafna iżjed kwiekeb u kien jistaʼ juri li l-​art u l-​pjaneti l-​oħrajn iduru madwar ix-​xemx. Il-​Mogħdija Tal-​Ħalib ma baqgħetx tidher qisha ħalib. Instab li kienet galassa taʼ kwiekeb, madwar mitt biljun fin-​numru. Aħna qatt ma se jirnexxilna ngħoddu dak l-​ammont attwali taʼ kwiekeb, lanqas saħansitra f’għomorna kollu. Iktar tard, astronomi bdew jilmħu biljuni taʼ galassi. Dawn jestendu ’l barra bla limitu fl-​ispazju, sa fejn jistgħu jitkixxfu l-​iktar teleskopji qawwijin. Donnu jidher li m’hemm ebda limiti fl-​ispazju. L-​istess huwa veru dwar l-​eternità​—m’għandha ebda limiti.

3 L-​idea taʼ l-​eternità tidher li hija inkomprensibbli għall-​imħuħ umani limitati tagħna. Madankollu, hemm Wieħed li jifhimha għalkollox. Hu kapaċi jgħodd, iva, u saħansitra jsemmi b’isimhom il-​kwadriljuni bla limiti taʼ kwiekeb fil-​biljuni taʼ galassi tagħhom! Dan il-​Wieħed jgħid: “Erfgħu għajnejkom il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejħilhom b’isimhom wieħed, wieħed. Bis-​saħħa taʼ qawwietu, bil-​qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos. Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-​Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-​ħallieq taʼ truf l-​art?’ Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx, il-​għerf tiegħu ma ssibx tarfu.” (Isaija 40:26, 28) X’Alla meraviljuż! Ċertament, hu dak Alla li għandna nkunu rridu nqimu!

‘Sultan Għal Dejjem Taʼ Dejjem’

4. (a) David kif esprima apprezzament għas-​Sultan taʼ l-​eternità? (b) Wieħed mill-​akbar xjenzati fl-​istorja x’ikkonkluda rigward l-​oriġini taʼ l-​univers?

4 F’Salm 10:16, David jgħid dwar Alla, il-​Ħallieq: “Sultan hu l-​Mulej għal dejjem taʼ dejjem.” U f’Salm 29:10, jirrepeti: “Isaltan il-Mulej għal dejjem.” Iva, Jehovah hu s-​Sultan taʼ l-​eternità! Barra minn hekk, David jixhed li dan is-​Sultan eżaltat hu d-​Disinjatur u l-​Ħallieq taʼ dak kollu li nilmħu fl-​ispazju, billi jgħid f’Salm 19:2 [Salm 19:1, NW]: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, egħmil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.” Madwar 2,700 sena wara, ix-​xjenzat famuż Sir Isaac Newton esprima qbil maʼ David, billi kiteb: “Din l-​iktar sistema eleganti taʼ xmux, pjaneti, u kometi tistaʼ biss toriġina mill-​iskop u s-​sovranità t’esseri mdawwal u setgħan.”

5. Isaija u Pawlu x’kitbu dwar is-​Sors taʼ l-​għerf?

5 Kemm għandu jumiljana li nkunu nafu li l-​Mulej Sovran Jehovah, li saħansitra ‘s-​smewwiet spazjużi, iva, is-​smewwiet tas-​smewwiet, ma jesgħuhx,’ jgħix għall-​eternità! (1 Slaten 8:27) Jehovah, deskritt f’Isaija 45:18 bħala Dak “li ħalaq is-​smewwiet . . . li sawwar l-​art, għamilha u wettaqha,” hu s-​Sors t’għerf ferm iżjed estensiv milli jistgħu jifhmu l-​imħuħ umani mortali. Jehovah qal, kif enfasizzat fl-1 Korintin 1:19: “Neqred il-​għerf tal-​għorrief; inwarrab id-​dehen tad-​dehnin.” Maʼ dan l-​appostlu Pawlu żied f’vers 20: “Fejn hu l-​għaref? Fejn hu l-​iskriba? Fejn hu l-​filosfu taʼ din id-​dinja? Forsi Alla ma bellahx il-​għerf tad-​dinja?” Iva, bħalma Pawlu ssokta jgħid, f’kapitlu 3, vers 19, “il-​għerf taʼ din id-​dinja hu bluha quddiem Alla.”

6. Koħelet 3:11 x’jindika inkwantu għaż-​“żmien indefinit”?

6 Il-​kwiekeb tas-​sema huma parti mill-​ħolqien li s-​Sultan Salamun irrefera għalih: “Kollox [Alla] għamel tajjeb f’waqtu; qiegħed ukoll il-​ħsieb taʼ l-​eternità [“żmien indefinit,” NW] fil-​qalb tal-​bniedem, għalkemm dan ma jifhimx x’qed jagħmel Alla mill-​bidu sat-​tmiem.” (Koħelet 3:11) Verament, hemm imħawwel f’qalb il-​bniedem li jipprova jiskopri t-​tifsir taʼ “żmien indefinit,” jiġifieri, l-​eternità. Imma jistaʼ qatt jikseb għarfien bħal dan?

Prospett Meraviljuż Taʼ Ħajja

7, 8. (a) Liema prospett meraviljuż taʼ ħajja jinsab quddiem l-​umanità, u kif jistaʼ jinkiseb? (b) Għala għandna nithennew li edukazzjoni divina se tibqaʼ għall-​eternità kollha?

7 Ġesù Kristu qal f’talba lil Jehovah: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem: li jagħarfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Kif nistgħu niksbu għarfien bħal dan? Għandna bżonn nistudjaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja Mqaddsa. B’dan il-​mod nistgħu niksbu għarfien eżatt dwar l-​iskopijiet grandjużi t’Alla, inkluż il-​provvediment magħmul permezz taʼ Ibnu għal ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Dik se tkun “il-​ħajja vera” li jirreferi għaliha 1 Timotju 6:19. se tkun fi qbil maʼ dak li Efesin 3:​11 jiddeskrivi bħala “l-​pjan [“l-​iskop,” NW] li [Alla] kien fassal sa minn dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.”

8 Iva, aħna bnedmin imperfetti nistgħu niksbu ħajja taʼ dejjem permezz t’edukazzjoni divina u fidi fis-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. Għal kemm żmien se tibqaʼ sejra din l-​edukazzjoni? Din se tkompli għall-​eternità kollha hekk kif l-​umanità tiġi progressivament istruwita fl-​għerf tal-​Ħallieq tagħna. L-​għerf taʼ Jehovah m’għandu l-​ebda limiti. Billi rrikonoxxa dan, l-​appostlu Pawlu esklama: “Kemm huma kbar il-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-​ġudizzju tiegħu u jifhem it-​triqat tiegħu!” (Rumani 11:33) Bix-​xieraq, tabilħaqq, li l-1 Timotju 1:17 isejjaħ lil Jehovah is-​“Sultan taʼ dejjem”!

L-​Għerf Kreattiv Taʼ Jehovah

9, 10. (a) Jehovah liema xogħlijiet grandjużi wettaq biex iħejji l-​art bħala l-​għotja tiegħu lill-​umanità? (b) L-​għerf li jisboq taʼ Jehovah kif inhu muri fil-​ħolqien tiegħu? (Ara l-​kaxxa.)

9 Ikkunsidra l-​wirt splendidu li s-​Sultan taʼ l-​eternità pprovda għalina l-​bnedmin. Salm 115:16 jgħidilna: “Is-​smewwiet huma s-​smewwiet tal-​Mulej; imma l-​art hu taha lill-​bnedmin.” Ma taħsibx int li dak huwa inkarigu taʼ l-​għaġeb? Ċertament! U kemm napprezzaw id-​dehen li jispikka tal-​Ħallieq f’li jħejji l-​art bħala d-​dar tagħna!—Salm 107:8.

10 Żviluppi meraviljużi seħħew fuq l-​art matul is-​sitt “ijiem” kreattivi taʼ Ġenesi kapitlu 1, fejn kull jum kien ikopri eluf taʼ snin. Dawn l-​affarijiet maħluqin minn Alla kellhom ultimament jiksu l-​art kollha kemm hi b’tapit taʼ ħaxix ħadrani, foresti maestużi, u fjuri kkuluriti. Kellha tkun miżgħuda b’kotriet taʼ ħlejjaq eżotiċi tal-​baħar, qtajjiet t’għasafar sbieħ li jittajru, u għadd kbir t’annimali domestiċi u selvaġġi, kollha jirriproduċu “skond ġenshom.” Wara d-​deskrizzjoni tal-​ħolqien tar-​raġel u l-​mara, Ġenesi 1:31 jirrakkonta: “Ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” X’ambjent pjaċevoli kien jiċċirkonda lil dawk l-​ewwel bnedmin! Ma nilmħux aħna f’dawn l-​affarijiet maħluqin kollha l-​għerf, id-​dehen, u l-​attenzjoni taʼ Ħallieq taʼ mħabba?—Isaija 45:11, 12, 18.

11. Salamun kif eżalta l-​għerf kreattiv taʼ Jehovah?

11 Wieħed li baqaʼ mistgħaġeb bl-​għerf tas-​Sultan taʼ l-​eternità kien Salamun. Hu ripetutament ġibed l-​attenzjoni lejn l-​għerf tal-​Ħallieq. (Proverbji 1:1, 2; 2:1, 6; 3:13-18) Salamun jiżgurana li “l-​art tibqaʼ għal dejjem.” Hu apprezza l-​ħafna għeġubijiet tal-​ħolqien, inkluża l-​parti li s-​sħab tax-​xita jilgħab f’li jirrifreska l-​art. B’hekk, kiteb: “Ix-​xmajjar kollha lejn il-​baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-​baħar bihom; lejn imnejn ikunu bdew il-​mixja tagħhom, hemmhekk mill-​ġdid ix-​xmajjar jerġgħu jmorru.” (Koħelet 1:4, 7) B’hekk jiġri li wara li x-​xita u x-​xmajjar ikunu rrifreskaw l-​art, l-​ilmijiet tagħhom jiġu rriċiklati mill-​oċeani lura għal ġos-​sħab. Kif kienet tkun din l-​art, u fejn konna nkunu aħna mingħajr dan l-​ippurifikar u l-​irriċiklar taʼ l-​ilma?

12, 13. Kif nistgħu nuru apprezzament għall-​ħolqien t’Alla?

12 L-​apprezzament tagħna għall-​bilanċ fil-​ħolqien għandu jkun appoġġjat bl-​azzjoni, bħalma nnota s-​Sultan Salamun fil-​kliem taʼ l-​għeluq taʼ Koħelet: “Hawn hu l-​qofol tad-​diskors wara li nstemaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-​kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-​bniedem kollu.’ Għax Alla jġib għall-​ħaqq tiegħu l-​egħmejjel kollha, sa lanqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.” (Koħelet 12:13, 14) Għandna nibżgħu nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Alla. Minflok, għandna nfittxu li nobduh b’biżaʼ reverenzjali.

13 Ċertament, għandna nkunu rridu nfaħħru lis-​Sultan taʼ l-​eternità għax-​xogħlijiet glorjużi tiegħu taʼ ħolqien! Salm 104:24 jiddikjara: “Kemm huma kotrana l-​egħmejjel tiegħek, Mulej! Kollha bil-​għerf għamilthom; mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” Mimlijin ferħ, ejjew napplikaw l-​aħħar vers taʼ dan is-​salm billi ngħidu lilna nfusna u lil oħrajn: “Bierek, ruħ tiegħi, il-​Mulej. Hallelujah!”

Il-​Quċċata Tal-​Ħolqien Fuq L-​Art

14. Il-​ħolqien uman taʼ Jehovah b’liema modi huwa ferm superjuri għall-​annimali?

14 Il-​ħolqien kollu taʼ Jehovah huwa magħmul b’sengħa kbira. Imma l-​iktar ħolqien rimarkabbli fuq l-​art huwa aħna​—l-​ispeċi umana. Adam u mbagħad Eva inħoqu bħala l-​quċċata tas-​sitt jum kreattiv taʼ Jehovah—​ħolqien ferm superjuri għall-​ħut, l-​għasafar, u l-​annimali! Fil-​waqt li ħafna minn dawn huma għorrief bl-​istint, il-​bniedem hu mżejjen bil-​qawwa tar-​raġuni, kuxjenza li tistaʼ tiddistingwi bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, l-​abbiltà li jippjana għall-​futur, u xewqa biex iqim li titwieled miegħu. Dan kollu minn fejn ġie? Minflok ma evolva minn bhejjem bla raġuni, il-​bniedem kien maħluq fix-​xbiha t’Alla. Għaldqstant, il-​bniedem biss jistaʼ jirrifletti l-​kwalitajiet tal-​Ħallieq tagħna, li identifika lilu nnifsu bħala “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.”—Eżodu 34:6.

15. Għala għandna bl-​umiltà nfaħħru lil Jehovah?

15 Ejjew infaħħru u nirringrazzjaw lil Jehovah għad-​disinn straordinarju taʼ l-​iġsma tagħna. Id-​demm tagħna, essenzjali għall-​ħajja, jiċċirkola maʼ ġisimna kull 60 sekonda. Bħalma jistqarr Dewteronomju 12:23, “id-​demm hu l-​ħajja”​—ħajjitna—​prezzjuża f’għajnejn Alla. Għadam b’saħħtu, muskoli flessibbli, u sistema taʼ nervituri risponsiva huma ddominati minn moħħ ferm superjuri għal dak taʼ kwalunkwe annimal u b’kapaċitajiet li kompjuter id-​daqs taʼ skyscraper lanqas jistaʼ jibda jżommhom fih. Ma jġegħlikx dan tħossok umli? Hekk għandu jkun. (Proverbji 22:4) U kkunsidra dan ukoll: Il-​pulmuni, il-​gerżuma, l-​ilsien, is-​snien, u l-​ħalq tagħna jingħaqdu flimkien biex jipproduċu d-​diskors uman fi kwalunkwe waħda minn eluf taʼ lingwi. David għamel melodija xierqa lil Jehovah, billi qal: “Inroddlok ħajr, għax tal-​għaġeb għamiltni: tal-​għaġeb huma l-​egħmejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.” (Salm 139:14) Ejjew ningħaqdu maʼ David f’li b’ringrazzjament infaħħru lil Jehovah, id-​Disinjatur u dak Alla meraviljuż tagħna!

16. Mużiċist famuż liema melodija għamel b’tifħir lil Jehovah, u għal liema stedina li tqanqal jalla nwieġbu?

16 Il-​librett t’oratorju tas-​seklu 18 minn Joseph Haydn jistqarr b’tifħir lil Jehovah: “Agħtuh ħajr, intom ix-​xogħlijiet Tiegħu tant taʼ l-​għaġeb! Kantaw l-​unur Tiegħu, kantaw il-​glorja Tiegħu, bierku u eżaltaw lill-​Isem Tiegħu! It-​tifħir taʼ Jehovah jibqaʼ għal dejjem taʼ dejjem, Amen, Amen!” Saħansitra isbaħ huma l-​espressjonijiet ispirati u rrepetuti spiss fis-​Salmi, bħalma hija l-​istedina estiża erbaʼ darbiet fis-Salm 107: “Ħa jroddu ħajr [in-nies] lill-​Mulej għal tjubitu, għall-​egħġubijiet tiegħu mal-​bnedmin.” Tingħaqad int f’dak it-​tifħir? Hekk għandek tagħmel, għax kull ħaġa li hija verament sabiħa għandha bħala s-​sors tagħha lil Jehovah, is-​Sultan taʼ l-​eternità.

Xogħlijiet Saħansitra Iktar Setgħanin

17. ‘Il-​kantiku taʼ Mosè u tal-​Ħaruf’ kif jeżalta lil Jehovah?

17 Matul dawn l-​aħħar sitt elef sena, is-​Sultan taʼ l-​eternità ta bidu għal xogħlijiet saħansitra iktar setgħanin. Fil-​ktieb finali tal-​Bibbja, f’Apokalissi 15:3, 4, naqraw dwar dawk fis-​sema li ttrijonfaw fuq għedewwa demoniċi: “Huma jgħannu l-​kantiku taʼ Mosè l-​qaddej taʼ Alla u l-​kantiku tal-​Ħaruf u jgħidu: ‘Kbar u tal-​għaġeb l-​egħmejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-​triqat tiegħek, Sultan tal-​ġnus [“taʼ l-​eternità,” NW]. Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis; il-​ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek iqimuk, għax il-​ġudizzji tiegħek intwerew.’” Dan għala jissejjaħ ‘il-​kantiku taʼ Mosè u l-​kantiku tal-​Ħaruf’? Ejjew naraw.

18. Liema xogħol setgħan huwa mmemorjalizzat bil-​kant f’Eżodu kapitlu 15?

18 Madwar 3,500 sena ilu, meta l-​armata setgħana taʼ Farawni nqerdet fil-​Baħar l-​Aħmar, l-​Israeliti b’radd il-​ħajr faħħru lil Jehovah bil-​kant. Naqraw f’Eżodu 15:1, 18: “[I]mbagħad Mosè, flimkien maʼ wlied Israel, għanna din il-​għanja lill-​Mulej, u qalu: ‘Ngħanni lill-​Mulej, għax tkabbar bi sħiħ. Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-​baħar. Il-​Mulej isaltan għal dejjem taʼ dejjem.’” Digrieti taʼ tjieba taʼ dan is-​Sultan taʼ l-​eternità ntwerew fl-​iġġudikar u fl-​esekuzzjoni tiegħu t’għedewwa li sfidaw is-​sovranità tiegħu.

19, 20. (a) Jehovah għala fforma l-​ġens taʼ Israel? (b) Il-​Ħaruf u oħrajn kif wieġbu għall-​isfida taʼ Satana?

19 Dan għala kien sar neċessarju? Kien fil-​ġnien taʼ Għeden li s-​Serpent makakk wassal lill-​ewwel ġenituri tagħna għad-​dnub. Dan irriżulta f’li imperfezzjoni midinba tiġi trasmessa lill-​umanità kollha. Madankollu, is-​Sultan taʼ l-​eternità immedjatament ħa passi fi qbil maʼ l-​iskop oriġinali tiegħu, li kellu jwassal għat-​tfigħ ’il barra taʼ l-​għedewwa kollha tiegħu mid-​dominju taʼ l-​art u għar-​restawr taʼ kundizzjonijiet taʼ ġenna. Is-​Sultan taʼ l-​eternità fforma l-​ġens taʼ Israel u pprovda l-​Liġi tiegħu biex jagħti stampa bil-​quddiem taʼ kif kellu jwettaq dan.—Galatin 3:24.

20 Maż-​żmien, iżda, Israel innifsu waqaʼ fl-​infedeltà, u dan l-​istat taʼ niket laħaq il-​quċċata tiegħu meta l-​mexxejja tiegħu taw lill-​Iben uniġenitu t’Alla f’idejn ir-​Rumani biex jiġi ttorturat u maqtul b’mod krudil. (Atti 10:39; Filippin 2:8) Madankollu, l-​integrità taʼ Ġesù sal-​mewt, bħala l-​“Ħaruf [sagrifikali] taʼ Alla,” ikkonfutat b’mod li jispikka l-​isfida magħmula mill-​Avversarju antik t’Alla, Satana​—li ebda bniedem fuq l-​art ma setaʼ jibqaʼ leali lejn Alla taħt prova ħarxa. (Ġwann 1:29, 36; Ġob 1:9-12; 27:5) Għalkemm wirtu l-​imperfezzjoni minn Adam, miljuni taʼ bnedmin oħrajn li kellhom il-​biżaʼ t’Alla segwew il-​passi taʼ Ġesù billi żammew l-​integrità meta ġew iffaċċjati minn attakki sataniċi.—1 Pietru 1:18, 19; 2:19, 21.

21. Fi qbil m’Atti 17:29-31, x’se jiġi diskuss wara dan?

21 Issa wasal il-​jum biex Jehovah jippremja lil dawk l-​uħud leali u biex jiġġudika lill-​għedewwa kollha tal-​verità u t-​tjieba. (Atti 17:29-31) Dan kif se jseħħ? L-​artiklu li jmiss se jgħidilna. (w96 4/1)

Kaxxa Għal Reviżjoni

◻ Jehovah għala jissejjaħ b’mod xieraq “is-​Sultan taʼ l-​eternità”?

◻ L-​għerf taʼ Jehovah kif inhu muri fil-​ħolqien tiegħu?

◻ L-​ispeċi umana b’liema modi hija kapolavur tal-​ħolqien?

◻ Liema xogħlijiet jixirqilhom ‘il-​kantiku taʼ Mosè u tal-​Ħaruf’?

[Kaxxa f’paġna 24]

L-​Għerf li Jisboq taʼ Jehovah

L-​għerf tas-​Sultan taʼ l-​eternità huwa rifless f’tant u tant modi fil-​produzzjonijiet tiegħu fuq l-​art. Innota l-​kliem t’Agur: “Kull kelma taʼ Alla għaddiet mill-​prova; hu tarka għal kull min jistkenn fih.” (Proverbji 30:5) Imbagħad Agur jirreferi għal ħafna mill-​ħlejjaq ħajjin t’Alla, il-​kbar u ż-​żgħar. Per eżempju, f’versi 24 sa 28, hu jiddeskrivi “erbaʼ ħwejjeġ [li] huma l-​iżgħar fl-​art, iżda huma wkoll għorrief [bl-istint].” Dawn huma n-​nemla, il-​fenek salvaġġ, il-​ġurat, u l-​gremxula.

“Għorrief [bl-istint]”​—iva, l-​annimali hekk magħmulin. Huma ma jirraġunawx b’moħħhom bħalma jagħmlu l-​bnedmin imma jistrieħu fuq għerf imnissel ġewwa fihom. Qatt immeraviljajt ruħek int b’dan? X’ħolqien t’ordni huma! Per eżempju, in-​nemel huma organizzati f’kolonji, li jinkludu r-​reġina, il-​ħaddiema, u l-​irġiel. F’xi speċi, in-​nemel ħaddiema saħansitra jiġbru insetti żgħar ġewwa rziezet żgħar li jkunu bnew. Hemmhekk huma jaħilbu lill-​insetti fil-​waqt li n-​nemel suldati jkeċċu lil xi għedewwa li jinvadu. It-​twissija tingħata fi Proverbji 6:6: “Mur għand in-​nemla, ja għażżien, ara kif tgħix, u tgħallem minnha.” M’għandhomx eżempji bħal dawn iqanqlu lilna l-​bnedmin biex “[in]ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej”?—1 Korintin 15:58.

Il-​bniedem bena ajruplani kbar. Imma kemm huma bil-​wisq iżjed versatili l-​għasafar, inkluż il-​hummingbird, li jiżen inqas minn uqija! Boeing 747 irid iġorr 47,000 gallun petrol, jiġi mħaddem minn kru mħarreġ, u jħaddem sistemi komplessi taʼ navigazzjoni biex jaqsam l-​oċeani. Madankollu, hummingbird ċkejken jiddependi fuq wieħed minn tletin t’uqija taʼ xaħam li jaħarqu biex iġorru t-​triq kollha mill-​Amerka taʼ Fuq, minn tarf sa tarf il-​Golf tal-​Messiku, u għal ġo l-​Amerka t’Isfel. Ebda tagħbija tqila taʼ petrol, ebda taħriġ fin-​navigazzjoni, ebda mapep ikkomplikati jew kompjuters! Irriżultat din l-​abbiltà minn xi proċess b’kumbinazzjoni taʼ l-​evoluzzjoni? Ċertament li le! Dan l-​għasfur ċkejken huwa għaref bl-​istint, billi ġie pprogrammat hekk mill-​Ħallieq tiegħu, Alla Jehovah.

[Stampa f’paġna 22]

Il-​ħolqien iddiversifikat tas-​“Sultan taʼ l-​eternità” jeżalta l-​glorja tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja