Kif Ragħajja Kristjani Jaqdu Lilek
F’BOSTA pajjiżi huwa possibbli li tosserva kif ir-ragħajja jieħdu ħsieb taʼ merħla. Huma jiggwidaw, jipproteġu, u jipprovdu għan-ngħaġ. Dan huwa taʼ interess għal anzjani Kristjani, ladarba x-xogħol tagħhom jinkludi attivitajiet pastorali. Tabilħaqq, hija r-responsabbiltà tagħhom ‘li jirgħu l-Knisja [“kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla’ u ‘li jieħdu ħsieb tal-merħla kollha.’—Atti 20:28.
Jekk int membru tal-kongregazzjoni Kristjana, ir-ragħajja spiritwali kif jistgħu jaqdu lilek? U kif għandek tirreaġixxi int għall-isforzi tagħhom għan-nom tiegħek? Il-kongregazzjoni għala teħtieġ l-għajnuna tagħhom?
Protezzjoni Kontra Xiex?
Fl-antik iljuni u annimali salvaġġi oħrajn kienu taʼ periklu għall-imrieħel u l-priża tagħhom kienet tkun ngħaġ individwali. Ir-ragħajja kellhom jipprovdu protezzjoni. (1 Samwel 17:34, 35) Iva, Satana x-Xitan “qisu ljun igħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Hu b’korla kbira jiggwerra mhux biss kontra l-organizzazzjoni taʼ l-art taʼ Jehovah bħala ħaġa sħiħa imma wkoll kontra kull qaddej individwali t’Alla. X’inhi l-mira taʼ Satana? Hu jrid jiskuraġġixxi lin-nies taʼ Jehovah u saħansitra jżommhom lura milli “jħarsu l-preċetti taʼ Alla” u milli jwettqu “ix-xhieda taʼ Ġesù.”—Apokalissi 12:17.
Jehovah akkuża lir-ragħajja governattivi taʼ Israel tal-qedem bi traskuraġni għaliex in-ngħaġ tiegħu kienu saru “l-ikel taʼ kull bhima selvaġġa.” (Eżekjel 34:8) Madankollu, l-anzjani Kristjani minn qalbhom jixtiequ li jipproteġu lil dawk fil-kongregazzjoni sabiex ħadd ma jintilef kaġun taʼ traskuraġni jew minħabba l-influwenza taʼ Satana, tad-dinja, jew taʼ “ilpup” apostati. (Atti 20:29, 30) Ir-ragħajja kif jgħinu lill-membri kollha tal-merħla biex iżommu s-sensi tagħhom u joqogħdu għassa? Mod wieħed huwa billi jagħtu taħditiet Skritturali ppreparati tajjeb minn fuq il-pletform fis-Sala tas-Saltna. Mod ieħor huwa permezz taʼ konversazzjonijiet pożittivi u inkuraġġanti qabel u wara l-laqgħat. Jerġaʼ mod effettiv ieħor huwa billi jżuru lin-“ngħaġ” personalment fid-djar. (Qabbel Salm 95:7.) Imma x’inhi żjara pastorali? Kif għandha ssir żjara bħal din? U lil min għandha ssirlu żjara?
X’Inhi Żjara Pastorali?
Żjara pastorali m’hijiex sempliċi żjara soċjali b’xi konversazzjoni dwar affarijiet taʼ ftit importanza. Wieħed anzjan osserva: “Il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi verament jieħdu gost jaqraw xi skrittura jew jiddiskutu xi karattru Bibliku. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjan m’huwiex l-uniku wieħed li jitkellem. Il-pubblikatur tas-Saltna li lilu qiegħda ssir iż-żjara normalment jieħu gost jesprimi l-ħsibijiet tiegħu dwar il-Bibbja, u li jagħmel dan isaħħaħ il-fidi tiegħu stess. L-anzjan jistaʼ jieħu miegħu xi Torri Taʼ L-Għassa, Watchtower jew Awake! sabiex jiddiskuti xi artiklu edifikanti. Forsi hija din id-diskussjoni spiritwali li tiddistingwi żjara pastorali minn żjara soċjali.”
Anzjan ieħor taʼ l-esperjenza kkummenta: “Qabel iż-żjara, l-anzjan iqattaʼ ftit tal-ħin jaħseb dwar x’għandu bżonn il-pubblikatur li jkun se jżur. X’jistaʼ jkun edifikanti għall-pubblikatur? Tifħir sinċier huwa parti essenzjali taż-żjarat pastorali, għaliex dan isaħħaħ lil dak li jkun biex jissaporti.” Iva, żjara pastorali hija iktar minn sempliċi żjara taʼ ħbiberija li kwalunkwe wieħed mill-kongregazzjoni jistaʼ jagħmel.
Ragħaj Għala Jżurek?
Meta anzjan iżur xi dar, hu jkun ippreparat biex jinkuraġġixxi lil kredenti sħabu u jgħinhom biex ikunu sodi fil-fidi. (Rumani 1:11) Mela meta anzjan jew tnejn jixtiequ jżuruk, int kif tirreaġixxi? Qal wieħed indokratur li jivvjaġġa: “Jekk iż-żjajjar pastorali jsiru biss meta xi ħaġa tmur żmerċ, l-ewwel reazzjoni meta tiġi proposta ż-żjara għandha mnejn tkun, ‘Għamilt xi ħaġa ħażina?’” Ragħajja spiritwali kollhom imħabba jimitaw lil Jehovah, li ħa ħsieb tas-salmista u dejjem ‘ħeja lil ruħu,’ speċjalment fi żminijiet taʼ hemm u taʼ bżonn speċjali.—Salm 23:1-4, KŻ.
L-oġġettiv taʼ żjara pastorali huwa ‘biex tibni, mhux biex tħott.’ (2 Korintin 13:10) Inkuraġġanti tabilħaqq, huwa l-kliem t’apprezzament għas-sabar, għaż-żelu, u għax-xogħol leali taʼ dak li lilu ssir iż-żjara. Wieħed anzjan osserva: “Fuq żjara pastorali, m’huwiex tajjeb li wieħed jagħti l-impressjoni li jkun mar bl-intenzjoni li jiskopri u jiddiskuti l-problemi. M’għandniex xi ngħidu, il-pubblikatur innifsu għandu mnejn ikun irid jitkellem dwar xi diffikultà partikulari. U jekk nagħġa qiegħda zzappap jew tiżola lilha nfisha mill-bqija tal-merħla, l-anzjan jeħtieġ li jagħmel xi ħaġa biex jgħin.”
Ragħajja Kristjani bla dubju se jieħdu ħsieb speċjali taʼ xi wħud li huma bħal dawk deskritti b’dan il-kliem: “Jiena [Jehovah] nfittex il-mitlufa, inreġġaʼ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa u nqawwi l-marida.” (Eżekjel 34:16) Iva, in-ngħaġ għandhom mnejn ikunu jeħtieġu li jiġu mfittxijin, imreġġgħin lura, infaxxati, jew imsaħħin. Ir-ragħajja taʼ Israel ittraskuraw dawn ir-responsabbiltajiet. Li jitwettaq xogħol bħal dan jirrikjedi li ragħaj jersaq qrib taʼ ċerta nagħġa u jaqdi l-bżonnijiet tagħha. Bażikament, din għandha tkun karatteristika li tiddistingwi taʼ kull żjara pastorali llum.
Ngħaġ F’Saħħithom Jeħtieġu Attenzjoni
Għandna aħna nikkonkludu li r-ragħajja spiritwali taʼ llum m’għandhomx għalfejn juru attenzjoni partikulari għan-ngħaġ f’saħħithom? Sewwa, meta nagħġa litterali jiġrilha xi ħaġa, ikun ferm eħfef li tiġi mgħejjuna jekk din ikollha fiduċja fir-ragħaj. Ktieb wieħed taʼ referenza josserva li “n-ngħaġ di natura jżommu ’l bogħod mill-bnedmin, u li wieħed jikseb il-fiduċja tagħhom m’huwiex dejjem faċli.” Fost affarijiet oħrajn, l-istess ktieb jissuġġerixxi din il-gwida bażika biex wieħed jirbaħ il-fiduċja tan-ngħaġ: “Kellem lin-ngħaġ regolarment. Huma jidraw il-leħen, u dan jassigurahom. Żur lin-ngħaġ fil-mergħa spiss.”—Alles für das Schaf. Handbuch für die artgerechte Haltung (Kulma hemm bżonn għan-Ngħaġ. Ktieb Taʼ Referenza Dwar Kif Trabbihom Sewwa).
Kuntatt persunali huwa għalhekk neċessarju jekk relazzjoni taʼ fiduċja se teżisti bejn ir-ragħaj u n-ngħaġ. L-istess japplika fil-kongregazzjoni Kristjana. Anzjan innota: “Li fil-kongregazzjoni tkun magħruf bħala anzjan li regolarment iżur lin-ngħaġ jagħmilha iktar faċli biex iżżur lil xi ħadd li għandu l-problemi.” Għalhekk, ragħajja spiritwali m’għandhomx jipprovaw jitimgħu u jagħtu attenzjoni esklussivament fis-Sala tas-Saltna. Sakemm jippermettu ċ-ċirkostanzi, l-anzjani għandhom isiru jafu lin-ngħaġ billi jagħmlu żjajjar pastorali fi djarhom. Wieħed Kristjan jiftakar li meta kien għadu kif inħatar anzjan, l-indokratur li jippresiedi ċempillu u talbu biex iżur u jfarraġ lil wieħed ħu li kien għadu kif tilef lil bintu f’inċident ikrah tat-traffiku. L-anzjan jammetti: “Kemm ħassejtni ddispjaċut, minħabba li qatt ma kont żort lil dan il-ħu qabel u lanqas biss kont naf fejn kien joqgħod! Ħadt ir-ruħ x’ħin anzjan matur offra li jiġi miegħi.” Iva, l-anzjani jgħinu lil xulxin fuq żjajjar pastorali.
F’li jipprepara għal u jagħmel ċerti żjajjar pastorali, anzjan jistaʼ jiġi akkumpanjat minn qaddej ministerjali li qiegħed jirsisti għax-“xogħol sabiħ” taʼ indokratur. (1 Timotju 3:1, 13) Kemm japprezza qaddej ministerjali li jara kif anzjan jaqdi lin-ngħaġ fuq żjajjar pastorali! Anzjani u qaddejja ministerjali b’hekk isiru iktar qrib taʼ kulħadd fil-kongregazzjoni, billi jsaħħu r-rabtiet taʼ l-imħabba u l-unità Kristjani.—Kolossin 3:14.
Ippjana Ħin Għal Żjajjar Pastorali
Meta ġemgħa waħda t’anzjani ħalliet iż-żjajjar pastorali għall-inizjattiva taʼ dawk li jikkonduċu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, il-pubblikaturi kollha f’xi gruppi saritilhom żjara fi żmien sitt xhur, fil-waqt li ħadd ma saritlu żjara fi gruppi oħrajn. Dan qanqal lil wieħed anzjan biex jgħid: “Jidher li xi anzjani jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu ħafna xogħol pastorali, imma oħrajn għandhom bżonn l-inkuraġġiment taʼ sħabhom l-anzjani biex jagħmluh dan.” Għalhekk xi ġemgħat t’anzjani jagħmlu arranġamenti biex il-pubblikaturi kollha ssirilhom żjara minn ragħajja f’perijodu definit taʼ żmien.
M’għandniex xi ngħidu, anzjan jew kwalunkwe pubblikatur ieħor jistaʼ jagħmel żjara lil xi ħadd fil-kongregazzjoni mingħajr ma jistenna li jsiru arranġamenti speċjali. Qabel ma jagħmel żjara pastorali, wieħed anzjan iċempel u jgħid, “Jien inżur familja waħda kull xahar. Nistaʼ nagħmlilkom żjara taʼ xi siegħa jew ftit iktar xi darba x-xahar id-dieħel? Meta jkun konvenjenti għalikom?”
Il-Barkiet Taʼ Żjajjar Pastorali
Hekk kif il-pressjonijiet minn din is-sistema mill-agħar ikomplu jiżdiedu, żjajjar inkuraġġanti mingħand ragħajja komprensivi jsiru iktar u iktar taʼ benefiċċju. Meta dawk kollha fil-merħla jiġu mogħtijin inkuraġġiment u għajnuna permezz taʼ żjajjar pastorali, kull nagħġa tħossha protetta u fis-sigurtà.
Rigward kongregazzjoni li fiha l-pubblikaturi kollha tas-Saltna saritilhom żjara regolarment mir-ragħajja, ġie rrapportat: “Il-pubblikaturi saru pożittivi ferm dwar iż-żjajjar pastorali. Kienet ħaġa komuni li pubblikatur javviċina lil xi wieħed mill-anzjani biex jistaqsih meta kien se jagħmillu żjara oħra, billi l-pubblikatur kien ħa gost bid-diskussjoni edifikanti matul iż-żjara taʼ qabel. Żjajjar pastorali kienu fattur wieħed li għen biex jitjieb l-ispirtu tal-kongregazzjoni.” Rapporti oħrajn jindikaw li meta ragħajja b’imħabba jamministraw b’dan il-mod, il-kongregazzjoni tistaʼ tikber fl-imħabba, fl-unità, u fil-kordjalità. X’barka!
Ir-ragħajja Kristjani jżuru biex itejbu l-benesseri spiritwali tan-ngħaġ. L-anzjani jridu jinkuraġġixxu u jsaħħu l-kredenti sħabhom. Jekk titfaċċa problema serja li teħtieġ parir matul żjara, għandu mnejn ikun aħjar li jsiru arranġamenti għal diskussjoni f’ħin ieħor, speċjalment jekk l-anzjan ikun akkumpanjat minn qaddej ministerjali. Hu x’inhu l-każ, talba biex tikkonkludi ż-żjara pastorali tkun xierqa.
Hemm xi ragħaj spiritwali li jrid iżur id-dar tiegħek fil-futur qarib? Jekk inhu hekk, kun f’antiċipazzjoni hienja għall-inkuraġġiment li hemm jistenniek. Hu ġej biex jaqdik u biex isaħħek fid-determinazzjoni biex tibqaʼ fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Mattew 7:13, 14. (w96 3/15)
[Kaxxa f’paġna 20]
Suġġerimenti Għal Żjajjar Pastorali
◻ Agħmel appuntament: Ġeneralment ikun tajjeb li jsir appuntament. Jekk l-anzjan jippjana biex jittratta xi problema serja, ikun xieraq li jinforma lill-pubblikatur dwar dan minn qabel.
◻ Preparazzjoni: Ikkunsidra l-personalità u s-sitwazzjoni taʼ dak li jkun. Offri tifħir mill-qalb. Agħmilha l-mira tiegħek li tagħti ‘don spiritwali’ inkuraġġanti li jsaħħaħ il-fidi.—Rumani 1:11, 12.
◻ Lil min għandek tieħu miegħek: Anzjan ieħor jew qaddej ministerjali kkwalifikat.
◻ Matul iż-żjara: L-anzjan għandu jkun rilassat, kollu mħabba, pożittiv, u flessibbli. Staqsi dwar il-familja, il-benesseri tagħha, u affarijiet bħal dawn. Agħti widen bir-reqqa. Jekk titfaċċa problema serja, għandu mnejn ikun aħjar li tirranġa għal żjara pastorali speċjali.
◻ It-tul taż-żjara: Żomm il-ħin li tkunu qbiltu fuqu, u itlaq waqt li dak li żort għadu kuntent biż-żjara.
◻ Konklużjoni taż-żjara: Talba hija xierqa u verament apprezzata.—Filippin 4:6, 7.
[Stampa f’paġna 18]
Ragħajja Kristjani jipprovdu protezzjoni spiritwali
[Stampi f’paġna 20]
Żjajjar pastorali jipprovdu opportunitajiet mill-aħjar għall-inkuraġġiment spiritwali