LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 11/15 pp. 26-30
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “IĠORRHOM F’ĦOBBU”
  • “ĦALLEJTILKOM MUDELL”
  • ‘ŻOMM SOD MAL-​KELMA LI TISTAʼ TAFDAHA’
  • “EŻEMPJI GĦALL-​MERĦLA”
  • “WIEŻEN LID-​DGĦAJFIN”
  • “Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Nirgħu l-Merħla t’Alla bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 11/15 pp. 26-30

Rgħajja, Imitaw lill-​Aqwa Rgħajja

“Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.”—1 PT. 2:21.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Bħala rgħajja, l-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova?

  • L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù Kristu?

  • L-​anzjani għala jagħmlu żjajjar pastorali?

1, 2. (a) Xi jkun ir-​riżultat meta ragħaj jieħu ħsieb lin-​nagħaġ? (b) Ħafna nies fi żmien Ġesù għala kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj?

IN-​NAGĦAĠ imorru tajjeb meta ragħaj jieħu ħsiebhom. Ktieb dwar it-​trobbija tan-​nagħaġ jgħid li jekk ragħaj sempliċement jitlaq lin-​nagħaġ tiegħu fl-​għalqa biex jieklu imma ma jagħtix kas il-​bżonnijiet l-​oħrajn tagħhom, fi ftit snin, in-​nagħaġ jiddgħajfu u jimirdu. Imma meta ragħaj jieħu ħsieb sew kull waħda min-​nagħaġ tiegħu, il-​merħla kollha tkun b’saħħitha u f’saħħitha.

2 L-​istess hu veru fil-​kongregazzjoni. Is-​saħħa spiritwali tal-​kongregazzjoni kollha kemm hi se tiġi effettwata meta r-​rgħajja tal-​merħla t’Alla jieħdu ħsieb in-​nagħaġ kollha li huma fdati f’idejhom u jagħtuhom attenzjoni. Forsi tiftakar meta Ġesù tħassar lill-​folol “għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Għala kienu f’kundizzjoni tal-​biki bħal din? Għax dawk li kellhom ir-​responsabbiltà li jgħallmu l-​Liġi t’Alla lin-​nies kienu ħorox, ipokriti, u kienu jitolbu wisq min-​nies. Minflok ma għenu u ħadu ħsieb il-​membri tal-​merħla tagħhom, il-​mexxejja spiritwali taʼ Iżrael poġġewlhom “tagħbijiet tqal” fuq spallejhom.—Mt. 23:4.

3. L-​anzjani tal-​kongregazzjoni taʼ xiex għandhom ikunu konxji hekk kif iwettqu l-​irwol tagħhom bħala rgħajja spiritwali?

3 B’hekk, fi żmienna, ir-​rgħajja Kristjani—l-​anzjani maħturin—għandhom responsabbiltà serja. In-​nagħaġ fil-​merħla li jieħdu ħsiebhom l-​anzjani huma taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù, li identifika lilu nnifsu bħala “r-​ragħaj mill-​aħjar.” (Ġw. 10:11) In-​nagħaġ ‘inxtraw bi prezz’ li Ġesù ħallas bid-​“demm prezzjuż” tiegħu stess. (1 Kor. 6:20; 1 Pt. 1:18, 19) Tant iħobbhom in-​nagħaġ li minn jeddu ssagrifika ħajtu għalihom. L-​anzjani għandhom jiftakru dejjem li huma sottorgħajja u li l-​indokratur tagħhom hu Ġesù Kristu, “ir-​ragħaj il-​kbir tan-​nagħaġ.”—Ebr. 13:20.

4. Dan l-​artiklu x’se jikkunsidra?

4 Allura, ir-​rgħajja Kristjani kif huma mistennijin li jittrattaw lin-​nagħaġ? Il-​membri tal-​kongregazzjoni jiġu mħeġġin biex ikunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu” fosthom. Mill-​banda l-​oħra, l-​anzjani Kristjani huma mħeġġin biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla.’ (Ebr. 13:17; aqra l-​1 Pietru 5:2, 3.) Imma, l-​anzjani maħturin kif jistgħu jieħdu t-​tmexxija mingħajr ma jiddominaw fuq il-​merħla? Fi kliem ieħor, l-​anzjani kif jistgħu jieħdu ħsieb il-​ħtiġijiet tan-​nagħaġ mingħajr ma jabbużaw mill-​awtorità mogħtija lill-​indokraturi minn Alla?

“IĠORRHOM F’ĦOBBU”

5. L-​iskrittura f’​Isaija 40:11 x’turina dwar Ġeħova?

5 Dwar Ġeħova, il-​profeta Isaija qal: “Bħal ragħaj se jirgħa l-​merħla tiegħu. Bi driegħu se jiġbor flimkien il-​ħrief; u jġorrhom f’ħobbu. Lil dawk li jreddgħu jmexxihom b’attenzjoni.” (Is. 40:11) Din l-​iskrittura turina li Ġeħova jimpurtah mill-​ħtiġijiet tal-​membri tal-​kongregazzjoni li huma dgħajfin u taʼ dawk li għandhom bżonn il-​protezzjoni. Bħalma ragħaj ikun konxju tal-​ħtiġijiet partikulari taʼ kull nagħġa fil-​merħla tiegħu u jkun lest biex jgħinha, hekk ukoll Ġeħova hu konxju tal-​ħtiġijiet taʼ dawk fil-​kongregazzjoni u minn qalbu jipprovdi l-​għajnuna meħtieġa. Sewwasew bħalma ragħaj iġorr ħaruf tat-​twelid f’ħobbu meta jkun hemm bżonn, Ġeħova—“il-​Missier taʼ kull ħniena tenera”—se jieħu ħsiebna fi żminijiet diffiċli. Hu se jfarraġna meta nkunu għaddejjin minn xi prova kbira jew meta jkollna bżonn speċjali.—2 Kor. 1:3, 4.

6. Bħala ragħaj spiritwali, anzjan kif jistaʼ jsegwi l-​eżempju taʼ Ġeħova?

6 X’lezzjoni meraviljuża jistaʼ jitgħallem ragħaj spiritwali minn Missierna tas-​sema! Bħal Ġeħova, hu jrid joqgħod attent għall-​ħtiġijiet tan-​nagħaġ. Billi jkun jaf liema sfidi qed jiffaċċjaw u liema ħtiġijiet speċifiċi jeħtieġu attenzjoni minnufih, anzjan se jkun jistaʼ joffri l-​inkuraġġiment u l-​appoġġ meħtieġ. (Prov. 27:23) Jidher ċar li anzjan irid ikollu komunikazzjoni tajba maʼ sħabu fit-​twemmin. Waqt li jirrispetta d-​dritt tal-​privatezza tagħhom, jinteressa ruħu f’dak li jara u jismaʼ fil-​kongregazzjoni u bi mħabba jagħmel lilu nnifsu disponibbli biex ‘jgħin lid-​dgħajfin.’—Atti 20:35; 1 Tess. 4:11.

7. (a) In-​nagħaġ t’Alla kif kienu qed jiġu trattati fi żmien Eżekjel u Ġeremija? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Ġeħova kkundanna lir-​rgħajja spiritwali żleali?

7 Ikkunsidra l-​attitudni tar-​rgħajja li kienu kundannati minn Alla. Fi żmien Eżekjel u Ġeremija, Ġeħova ċaħad lil dawk li suppost kellhom jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu imma ma kinux qed jagħmlu dan. Meta ma kien hemm ħadd jgħasses lin-​nagħaġ, il-​merħla nħatfet bħala priża u tferrxet. Minflok ma jitimgħu lin-​nagħaġ, dawk ir-​rgħajja kienu qed jieħdu vantaġġ minnhom u kienu qed “jitimgħu lilhom infushom.” (Eżek. 34:7-​10; Ġer. 23:1) Il-​kundanna minn Alla taʼ dawn ir-​rgħajja tistaʼ tiġi applikata b’mod xieraq għall-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu. Imma tenfasizza wkoll kemm hu importanti li l-​anzjani Kristjani jagħtu lill-​merħla taʼ Ġeħova attenzjoni xierqa bi mħabba.

“ĦALLEJTILKOM MUDELL”

8. Ġesù kif ħalla mudell eċċellenti meta kkoreġa attitudnijiet ħżiena?

8 Minħabba li huma imperfetti, xi wħud min-​nagħaġ t’Alla ma tantx jifhmu malajr x’jistenna minnhom Ġeħova. Għandhom mnejn jieħdu deċiżjonijiet li ma jkunux ibbażati fuq prinċipji Bibliċi, jew il-​mod kif jaġixxu jistaʼ juri li għadhom mhumiex Kristjani maturi. L-​anzjani kif għandhom jirreaġixxu? Għandhom jimitaw il-​paċenzja li Ġesù wera mad-​dixxipli tiegħu meta kienu moħħhom f’min minnhom kien se jkun l-​akbar fis-​Saltna. Minflok ma tilef il-​paċenzja magħhom, Ġesù kompla jgħallem lid-​dixxipli tiegħu u jagħtihom pariri bi mħabba dwar kif għandhom juru l-​umiltà. (Lq. 9:46-​48; 22:24-​27) Billi ħaslilhom saqajhom, Ġesù tahom lezzjoni dwar l-​umiltà, kwalità li għandha bżonn tintwera mill-​indokraturi Kristjani.—Aqra Ġwanni 13:12-​15; 1 Pt. 2:21.

9. Ġesù liema attitudni tal-​appostli kellu bżonn jikkoreġi?

9 Il-​mod kif Ġesù kien iħares lejn l-​irwol taʼ ragħaj spiritwali kien differenti mill-​ħarsa li darba kellhom Ġakbu u Ġwanni. Dawn talbu lil Ġesù għal pożizzjoni importanti fis-​Saltna. Imma Ġesù kkoreġa l-​attitudni tagħhom billi qalilhom: “Intom tafu li l-​ħakkiema tal-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom.” (Mt. 20:25, 26) L-​appostli kellhom bżonn jirreżistu t-​tendenza li jkunu jridu ‘jiddominaw’ lil sħabhom, jew jgħidulhom x’għandhom jagħmlu.’

10. Ġesù lill-​anzjani kif iridhom jittrattaw lill-​merħla, u Pawlu liema eżempju ħalla f’dan ir-​rigward?

10 Ġesù jistenna li l-​anzjani Kristjani jittrattaw lill-​merħla kif ittrattaha hu. Iridu jkunu lesti li jaġixxu bħala qaddejja għal sħabhom, mhux bħala sidien fuqhom. L-​appostlu Pawlu kellu din l-​attitudni umli, għax qal lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni taʼ Efesu: “Intom tafu tajjeb kif sa mill-​ewwel jum li rfist fid-​distrett taʼ l-​Asja kont magħkom il-​ħin kollu, nitjassar għall-​Mulej bl-​akbar umiltà.” L-​appostlu xtaq li dawn l-​anzjani jgħinu lil oħrajn bil-​ħeġġa u bl-​umiltà. Hu qalilhom: “F’kollox urejtkom kif, billi titħabtu b’dan il-​mod, għandkom tgħinu lid-​dgħajfin.” (Atti 20:18, 19, 35) Pawlu qal lill-​Korintin li hu ma kienx is-​sid tal-​fidi tagħhom. Minflok, hu kien qaddej umli t’Alla, preċiż bħalhom, u ried jgħinhom jaqdu lil Alla bil-​ferħ. (2 Kor. 1:24) Pawlu ħalla lill-​anzjani llum eżempju mill-​aħjar taʼ umiltà u xogħol iebes.

‘ŻOMM SOD MAL-​KELMA LI TISTAʼ TAFDAHA’

11, 12. Anzjan kif jistaʼ jgħin lil sieħbu fit-​twemmin biex jieħu xi deċiżjoni?

11 Anzjan tal-​kongregazzjoni jrid “iżomm sod mal-​kelma li tistaʼ tafdaha” “fil-​mod kif jgħallem.” (Titu 1:9) Imma dan jagħmlu “bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Gal. 6:1) Minflok ma jisforza lil ħutu fil-​kongregazzjoni biex jaġixxu b’ċertu mod, ragħaj spiritwali tajjeb jipprova jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet huma stess ibbażati fuq l-​imħabba tagħhom lejn Ġeħova u l-​Kelma tiegħu. Pereżempju, anzjan jistaʼ jenfasizza l-​prinċipji Skritturali li ħu għandu jikkunsidra meta jkun ħa jieħu xi deċiżjoni importanti. Hu jistaʼ jirrivedi miegħu dak li ġie pubblikat dwar is-​suġġett. Jistaʼ wkoll iħeġġeġ lill-​individwu biex jikkunsidra kif l-​għażliet differenti jistgħu jeffettwaw ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. L-​anzjan jistaʼ mbagħad ifakkru f’kemm hu importanti li jitlob lil Alla għall-​gwida qabel ma jieħu xi deċiżjoni. (Prov. 3:5, 6) Wara li jiddiskuti dawn il-​kwistjonijiet maʼ sieħbu fit-​twemmin, anzjan iħallih jieħu d-​deċiżjoni hu stess.—Rum. 14:1-​4.

12 L-​unika awtorità li għandhom l-​indokraturi Kristjani tiġi mill-​Iskrittura. Għalhekk, hu vitali li jużaw il-​Bibbja bis-​sengħa u jżommu maʼ dak li tgħid. Meta jagħmlu dan, l-​anzjani jiġu megħjunin biex jevitaw kwalunkwe abbuż taʼ poter possibbli. Fuq kollox, huma biss sottorgħajja, u kull membru tal-​kongregazzjoni se jagħti kont lil Ġeħova u lil Ġesù għad-​deċiżjonijiet li jieħu.—Gal. 6:5, 7, 8.

“EŻEMPJI GĦALL-​MERĦLA”

L-​anzjani jgħinu lill-​familji tagħhom biex jippreparaw għall-​ministeru (Ara paragrafu 13)

13, 14. Anzjan b’liema modi jrid ikun taʼ eżempju tajjeb għall-​merħla?

13 Wara li wissa lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni biex ‘ma jiddominawx’ fuq ħuthom, l-​appostlu Pietru ħeġġiġhom biex ‘isiru eżempji għall-​merħla.’ (1 Pt. 5:3) Anzjan kif jistaʼ jkun eżempju għall-​merħla? Ikkunsidra tnejn mill-​kwalifiki li jrid jilħaq raġel li “qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur.” Għandu bżonn ikun “moħħu f’loku” u jrid “jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-​aħjar mod.” Jekk anzjan ikollu familja, irid jippresiedi fuqha b’mod eżemplari, “għax jekk raġel ma jafx jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni t’Alla?” (1 Tim. 3:1, 2, 4, 5) Biex jikkwalifika għall-​kariga taʼ indokratur, raġel irid ikun moħħu f’loku fis-​sens li jifhem b’mod ċar il-​prinċipji divini u jkun jaf kif japplikahom f’ħajtu stess. Għandu jkollu rasu fuq għonqu u ma jgħaġġilx biex jiġġudika. Il-​fatt li jaraw dawn il-​kwalitajiet fl-​anzjani jnissel fiduċja fost il-​membri tal-​kongregazzjoni.

14 Mod ieħor kif l-​indokraturi jħallu eżempju mill-​aħjar għall-​Kristjani sħabhom hu billi jkunu minn taʼ quddiem fis-​servizz tal-​għalqa. Rigward dan, Ġesù ħallielhom l-​aqwa eżempju lill-​indokraturi. Parti importanti mill-​attività taʼ Ġesù fuq l-​art kienet l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna. Lid-​dixxipli tiegħu wriehom kif kellu jsir dan ix-​xogħol. (Mk. 1:38; Lq. 8:1) Fi żmienna, kemm hu inkuraġġanti għall-​pubblikaturi li jippritkaw spalla maʼ spalla mal-​anzjani, li jaraw b’għajnejhom stess iż-​żelu tal-​anzjani f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet, u li jitgħallmu mill-​metodi taʼ tagħlim tagħhom! Id-​determinazzjoni żeluża tal-​indokraturi biex jiddedikaw il-​ħin u l-​isforz għall-​ippritkar tal-​aħbar tajba, minkejja l-​iskeda mimlija tagħhom, tinkuraġġixxi lill-​kongregazzjoni kollha biex turi żelu simili. L-​anzjani jistgħu wkoll jħallu eżempju tajjeb għal ħuthom billi jippreparaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jipparteċipaw fihom, u jieħdu sehem f’attivitajiet oħrajn, bħalma huma t-​tindif u l-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna.—Efes. 5:15, 16; aqra Ebrej 13:7.

L-​indokraturi jħallu eżempju tajjeb fis-​servizz tal-​għalqa (Ara paragrafu 14)

“WIEŻEN LID-​DGĦAJFIN”

15. X’inhuma xi raġunijiet għala l-​anzjani jagħmlu żjajjar pastorali?

15 Ragħaj tajjeb ikun ħafif biex jgħin lil nagħġa li tkun imweġġgħa jew li timrad. B’mod simili, l-​anzjani għandhom bżonn ikunu pronti biex jagħtu attenzjoni lil kull min fil-​kongregazzjoni jkun qed isofri jew jeħtieġ assistenza spiritwali. Dawk li huma avanzati fl-​età u l-​morda għandhom mnejn ikollhom bżonn l-​għajnuna fil-​ħtiġijiet taʼ kuljum tagħhom, imma huma speċjalment ikollhom bżonn għajnuna u inkuraġġiment spiritwali. (1 Tess. 5:14) Iż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni forsi qed jiffaċċjaw xi sfidi, bħal pereżempju li jirreżistu ‘x-​xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-​żgħożija.’ (2 Tim. 2:22) B’hekk, iż-​żjajjar pastorali jinvolvu li minn żmien għal żmien l-​anzjani jżuru lill-​membri tal-​kongregazzjoni biex jifhmu s-​sitwazzjonijiet li qed jiffaċċjaw u jinkuraġġuhom b’pariri Skritturali xierqa. Meta l-​anzjani jkunu ħfief biex lil ħuthom jagħtuhom l-​għajnuna li jeħtieġu, ħafna problemi jistgħu jiġu solvuti qabel ma jsiru serji.

16. Meta membru tal-​kongregazzjoni jkollu xi problema serja, l-​anzjani liema assistenza jistgħu jagħtuh?

16 X’jiġri jekk ħu fil-​kongregazzjoni jkollu xi problema serja u r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova tkun fil-​periklu? “Hemm xi ħadd marid fostkom?” staqsa Ġakbu, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja. “Ħa jsejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-​żejt f’isem Ġeħova. U t-​talb tal-​fidi jfejjaq lill-​marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġak. 5:14, 15) Anki jekk dak li jkun marid spiritwalment ma ‘jsejjaħx lill-​anzjani,’ malli dawn isiru konxji tas-​sitwazzjoni tiegħu, għandhom jgħinuh mill-​ewwel. Meta jitolbu mal-​aħwa u jitolbu għalihom u jappoġġawhom fi żminijiet diffiċli, l-​anzjani juru li huma rifreskanti spiritwalment u inkuraġġanti għal dawk li jkunu taħt il-​ħarsien tagħhom.—Aqra Isaija 32:1, 2.

17. Meta l-​anzjani jimitaw lir-​“ragħaj il-​kbir,” x’jistaʼ jirriżulta?

17 F’kulma jagħmlu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, ir-​rgħajja Kristjani jistinkaw biex jimitaw lir-​“ragħaj il-​kbir,” Ġesù Kristu. Bl-​assistenza spiritwali taʼ rġiel responsabbli bħal dawn, il-​merħla tkompli tissaħħaħ u taqdi fedelment lil Alla. Għal dan kollu, aħna grati u niġu mqanqlin biex infaħħru lir-​Ragħaj suprem tagħna, Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja