Nirgħu l-Merħla t’Alla bl-Imħabba
“Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom.”—1 PIETRU 5:2.
1, 2. X’inhija l-kwalità dominanti taʼ Jehovah, u din kif turi lilha nfisha?
FL-ISKRITTURA Mqaddsa kollha kemm hi, jintgħamel ċar li l-imħabba hija l-kwalità dominanti t’Alla. “Alla hu mħabba,” jistqarr 1 Ġwann 4:8. Ladarba l-imħabba tiegħu hija espressa f’azzjoni, 1 Pietru 5:7 jgħid li Alla “jimpurtah minnkom.” Fil-Bibbja l-mod kif Jehovah jieħu ħsieb tan-nies tiegħu huwa mxebbah mal-mod kif ragħaj taʼ mħabba jieħu ħsieb b’tenerezza tan-ngħaġ tiegħu: “Ħares! Il-Mulej Sovran Jehovah innifsu . . . se jirgħa lill-merħla tiegħu stess. Bi driegħu se jiġbor flimkien lill-ħrief; u fi ħdanu se jġorrhom. Lil dawk li qegħdin ireddgħu se jmexxihom b’attenzjoni.” (Isaija 40:10, 11) Kemm kien imfarraġ David li setaʼ jgħid: “Jehovah hu r-Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn”!—Salm 23:1.
2 Huwa xieraq li l-Bibbja xxebbah nies li Alla jiffavorixxi maʼ ngħaġ, għax in-ngħaġ huma paċifiċi, sottomessi, ubbidjenti lejn ir-ragħaj li jieħu ħsiebhom. Bħala Ragħaj taʼ mħabba, Jehovah jimpurtah b’mod profond min-nies tiegħu bħal ngħaġ. Hu juri dan billi jipprovdilhom materjalment u spiritwalment u billi jiggwidahom matul “l-aħħar jiem” diffiċli taʼ din id-dinja mill-agħar lejn id-dinja ġdida taʼ tjieba tiegħu li ġejja.—2 Timotew 3:1-5, 13; Mattew 6:31-34; 10:28-31; 2 Pietru 3:13.
3. Is-salmista kif iddeskriva l-mod kif Jehovah jieħu ħsieb in-ngħaġ tiegħu?
3 Innota l-attenzjoni taʼ mħabba taʼ Jehovah għan-ngħaġ tiegħu: “Għajnejn Jehovah huma lejn it-twajbin, u widnejh huma lejn l-għajta tagħhom għall-għajnuna. . . . Huma għajtu, u Jehovah innifsu semaʼ, u mill-hemmijiet kollha tagħhom ħelishom. Jehovah hu qrib dawk li huma miksurin fil-qalb; u lil dawk imgħaffġin fl-ispirtu jsalvahom. Bosta huma l-gwajiet tat-twajjeb, imma minnhom kollha jeħilsu Jehovah.” (Salm 34:15-19) X’faraġ kbir jipprovdi r-Ragħaj Universali għan-nies tiegħu bħal ngħaġ!
L-Eżempju Tar-Ragħaj Mill-Aħjar
4. X’inhu l-irwol taʼ Ġesù f’li jieħu ħsieb il-merħla t’Alla?
4 L-Iben t’Alla, Ġesù, tgħallem sewwa mingħand Missieru, għax il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “r-ragħaj mill-aħjar.” (Ġwann 10:11-16) Is-servizz vitali tiegħu għall-merħla t’Alla huwa nnotat f’Rivelazzjoni kapitlu 7. Fil-vers 9, il-qaddejja t’Alla taʼ żmienna huma msejħin “folla kbira . . . mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha.” Imbagħad vers 17 jistqarr: “Il-Ħaruf [Ġesù] . . . se jirgħahom, u se jiggwidahom lejn nixxigħat taʼ ilmijiet taʼ ħajja. U Alla se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom.” Ġesù jiggwida lin-ngħaġ t’Alla lejn ilmijiet taʼ verità li jwasslu għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Innota li Ġesù hu msejjaħ “il-Ħaruf,” li jindika l-kwalitajiet tiegħu stess bħal tan-ngħaġ, billi hu l-eżempju ewlieni taʼ sottomissjoni lejn Alla.
5. Ġesù kif ħassu dwar in-nies?
5 Fuq l-art Ġesù għex fost in-nies u ra l-kundizzjoni patetika tagħhom. Kif irreaġixxa għas-sitwazzjoni mwiegħra tagħhom? “Tħassarhom, għaliex kienu mqaxxrin u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Ngħaġ mingħajr ragħaj ibatu ħafna minn predaturi, bħalma jagħmlu ngħaġ li għandhom ragħajja li ma jimpurtahomx minnhom. Imma Ġesù kien jimpurtah ħafna, għax hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom. Għax il-madmad tiegħi ħanin u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mattew 11:28-30.
6. Ġesù liema konsiderazzjoni wera għal dawk li huma mgħaffġin?
6 Il-profezija tal-Bibbja bassret li Ġesù kien se jittratta b’imħabba man-nies: “Jehovah dilikni . . . biex norbot lil dawk taʼ qalb maqsuma, . . . biex infarraġ lill-imnikktin kollha.” (Isaija 61:1, 2; Luqa 4:17-21) Ġesù qatt ma ħares bi stmerrija lejn il-foqra u l-iżvinturati. Minflok, hu wettaq Isaija 42:3: “Ebda qasba mgħattna ma se jikser; u inkwantu għal ftila tal-kittien baxxa, hu mhux se jitfiha.” (Qabbel Mattew 12:17-21.) Uħud milqutin kienu bħal qasab mgħattnin, bħal ftejjel tal-lampi li waslu biex jintfew minħabba nuqqas taʼ żejt. Billi rrikonoxxa l-istat tagħhom taʼ ħasra, Ġesù wriehom mogħdrija u mliehom b’saħħa u tama, billi fejjaqhom spiritwalment u fiżikament.—Mattew 4:23.
7. Ġesù fejn idderieġa lin-nies li wieġbu għalih?
7 Nies bħal ngħaġ wieġbu għal Ġesù fi qtajjiet kbar. Tant kien jiġbdek it-tagħlim tiegħu li uffiċjali li kienu ntbagħtu biex jarrestawh irrapportaw: “Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk.” (Ġwann 7:46) Iva, il-mexxejja reliġjużi ipokriti lmentaw: “Id-dinja marret warajh”! (Ġwann 12:19) Imma Ġesù ma riedx unur u glorja għalih innifsu. Idderieġa lin-nies lejn Missieru. Għallimhom biex jaqdu lil Jehovah imqanqlin mill-imħabba għall-kwalitajiet ammirabbli Tiegħu: “Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha u b’moħħok kollu.”—Luqa 10:27, 28.
8. L-ubbidjenza li n-nies t’Alla jagħtu lilu kif inhija differenti minn dik li oħrajn jagħtu lill-ħakkiema dinjin?
8 Jehovah jitgħaxxaq b’li s-sovranità universali tiegħu hija appoġġjata min-nies tiegħu bħal ngħaġ, fuq il-bażi taʼ mħabbithom għalih. Huma minn jeddhom jagħżlu li jaqduh minħabba l-għarfien tagħhom dwar il-kwalitajiet tiegħu taʼ min iħobbhom. Kemm huwa differenti dan mill-mexxejja taʼ did-dinja li s-sudditi tagħhom jobduhom biss minħabba l-biżaʼ, jew kontra qalbhom, jew minħabba li għandhom xi motiv ulterjuri! Qatt ma jistaʼ jintqal dwar Jehovah jew dwar Ġesù dak li ntqal dwar papa tal-Knisja Kattolika Rumana: “Hu kien ammirat minn ħafna, kien jibżaʼ minnu kulħadd, maħbub minn ħadd.”—Vicars of Christ—The Dark Side of the Papacy, minn Peter De Rosa.
Ragħajja Krudili F’Iżrael
9, 10. Iddeskrivi lill-mexxejja taʼ Iżrael tal-qedem u taʼ l-ewwel seklu.
9 Kuntrarju għal Ġesù, il-mexxejja reliġjużi taʼ Iżrael fi żmienu ma kellhom ebda mħabba għan-ngħaġ. Kienu bħall-ħakkiema iktar bikrin taʼ Iżrael li dwarhom Jehovah kien qal: “Gwaj għar-ragħajja taʼ Iżrael, li saru wħud li jitimgħu lilhom infushom! M’huwiex lill-merħla li r-ragħajja jmisshom jitimgħu? . . . Lil dawk morda ma saħħaħtux, u lill-waħda muġugħa ma fejjaqtux, u lill-waħda miksura ma nfaxxajtux, u lill-waħda mferrxa ma ġibtux lura, u lill-waħda mitlufa ma fittixtux li ssibu, imma bil-ħruxija żammejtuhom sottomessi, saħansitra b’tirannija.”—Eżekjel 34:2-4.
10 Bħal dawk ir-ragħajja politiċi, il-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-ewwel seklu kienu qalbhom iebsa. (Luqa 11:47-52) Biex jagħti tixbieha taʼ dan, Ġesù qal dwar Lhudi li kien ġie misruq, imsawwat, u mħolli nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq. Qassis Iżraelit għadda qrib, imma malli ra lil-Lhudi, hu qasam għan-naħa l-oħra tat-triq. Levita għamel l-istess. Imbagħad wieħed mhux Iżraelit, Samaritan mistmerr, għadda qrib u tħassar lill-vittma. Infaxxalu l-feriti tiegħu, ħadu fuq bhima lejn lukanda, u ħa ħsiebu. Ħallas lil-lukandier u qallu li kien se jerġaʼ jiġi biex iħallas xi spejjeż oħrajn.—Luqa 10:30-37.
11, 12. (a) Il-ħażen tal-mexxejja reliġjużi kif laħaq il-quċċata tiegħu fi żmien Ġesù? (b) Ir-Rumani x’għamlulhom finalment lill-mexxejja reliġjużi?
11 Tant kienu korrotti l-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù li meta Ġesù rxoxta lil Lażżru mill-mewt, il-qassisin ewlenin u l-Fariżej sejħu lis-Sinedriju flimkien u qalu: “X’se nagħmlu, għaliex dan ir-raġel [Ġesù] iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh waħdu b’dan il-mod, huma kollha se jpoġġu fidi fih, u r-Rumani se jiġu u jeħdulna kemm lil postna u kemm lil ġensna.” (Ġwann 11:47, 48) Ma kienx jimpurtahom dwar il-ġid li Ġesù kien għamel għall-benefiċċju tar-raġel mejjet. Kienu kkonċernati dwar il-pożizzjonijiet tagħhom. Mela “minn dak in-nhar ’il quddiem huma ħadu parir li joqtluh [lil Ġesù].”—Ġwann 11:53.
12 Biex iżidu mal-ħażen tagħhom, il-qassisin ewlenin imbagħad “ħadu parir li joqtlu lil Lażżru wkoll, għaliex minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu qegħdin imorru hemm u jpoġġu fidi f’Ġesù.” (Ġwann 12:10, 11) L-isforzi egoistiċi tagħhom biex jipproteġu l-pożizzjonijiet tagħhom ma swew għal xejn, għax Ġesù kien qalilhom: “Darkom hija abbandunata lilkom.” (Mattew 23:38) Bi twettieq għal dawk il-kelmiet, f’dik il-ġenerazzjoni r-Rumani ġew u ħadulhom ‘posthom u ġenshom,’ u l-ħajjiet tagħhom ukoll.
Ragħajja Taʼ Mħabba Fil-Kongregazzjoni Kristjana
13. Jehovah lil min wiegħed li kien se jibgħat biex jirgħa l-merħla tiegħu?
13 Minflok ir-ragħajja krudili u egoisti, Jehovah kien se jqajjem lir-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù, biex jieħu ħsieb tal-merħla Tiegħu. Hu wkoll wiegħed li jqajjem sottoragħajja taʼ mħabba biex jieħdu ħsieb tan-ngħaġ: “Se nqajjem fuqhom ragħajja li attwalment se jirgħuhom; u m’humiex se jibżgħu iktar.” (Ġeremija 23:4) B’hekk, bħal fil-kongregazzjonijiet Kristjani fl-ewwel seklu hekk ukoll illum, isiru “ħatriet taʼ rġiel ixjeħ f’belt wara belt.” (Titus 1:5) Dawn l-irġiel ixjeħ spiritwali li jilħqu l-kwalifiki mniżżlin fl-Iskrittura għandhom ‘jirgħu l-merħla t’Alla.’—1 Pietru 5:2; 1 Timotew 3:1-7; Titus 1:7-9.
14, 15. (a) Id-dixxipli liema attitudni sabuha iebsa biex jiżżviluppaw? (b) Ġesù x’għamel biex jurihom li l-anzjani għandhom ikunu qaddejja umlin?
14 F’li jieħdu ħsieb in-ngħaġ, l-anzjani jridu “fuq l-affarijiet kollha” jkollkom “imħabba intensa” għalihom. (1 Pietru 4:8) Imma d-dixxipli taʼ Ġesù, billi kienu kkonċernati wisq dwar il-prestiġju u l-pożizzjoni, kellhom jitgħallmuh dan. Mela meta omm tnejn mid-dixxipli qalet lil Ġesù: “Agħti l-kelma li dawn iż-żewġ uliedi jistgħu jpoġġu bil-qiegħda, wieħed fuq l-id il-leminija tiegħek u wieħed fuq ix-xellug tiegħek, fis-saltna tiegħek,” id-dixxipli l-oħrajn imtlew bil-korla. Ġesù qalilhom: “[I]l-ħakkiema tal-ġnus jagħmluha taʼ mulejiet fuqhom u n-nies kbar jaħkmu b’awtorità fuqhom. Dan m’huwiex il-mod fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-ministru tagħkom, u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-irsir tagħkom.”—Mattew 20:20-28.
15 F’okkażjoni oħra, wara li d-dixxipli “kienu argumentaw bejniethom min hu akbar,” Ġesù qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel, irid ikun l-aħħar wara kulħadd u ministru taʼ kulħadd.” (Mark 9:34, 35) Umiltà tal-moħħ u volontà li jaqdu riedu jsiru parti mill-personalità tagħhom. Madankollu d-dixxipli baqgħu jkollhom diffikultà b’dawk l-ideat, għax fl-istess lejl qabel miet Ġesù, fl-aħħar ikla taʼ fil-għaxija tiegħu, “kwistjoni sħuna” qamet bejniethom dwar min kien l-akbar! Dak seħħ minkejja li Ġesù kien uriehom kif anzjan irid jaqdi l-merħla; hu kien umilja lilu nnifsu u ħaslilhom saqajhom. Hu qal: “Jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsilt saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax qegħidtilkom ix-xempju, biex, sewwa sew bħalma għamiltilkom jien, intom għandkom tagħmlu wkoll.”—Luqa 22:24; Ġwann 13:14, 15.
16. Fl-1899, il-Watch Tower liema kummenti għamel fuq l-iktar kwalità importanti taʼ l-anzjani?
16 Ix-Xhieda taʼ Jehovah dejjem għallmu li l-anzjani għandhom ikunu hekk. Kważi seklu ilu, il-Watch Tower taʼ l-1 t’April, 1899, innota l-kliem taʼ Pawlu fl-1 Korintin 13:1-8 u mbagħad qal: “L-Appostlu wera b’mod distint li għarfien u abbiltà li titkellem m’humiex l-iktar ittestjar vitali, imma li l-imħabba li tippenetra fil-qalb u li testendi ’l barra matul il-korsa kollha tal-ħajja, u tħaddem u topera l-iġsma mortali tagħna, hija l-ittestjar veru—il-prova vera tar-relazzjoni divina tagħna. . . . Il-karatteristika prinċipali li għandha titfittex f’kull min jiġi aċċettat bħala qaddej tal-knisja, biex jimministra f’affarijiet qaddisin, għandha tkun l-ewwel l-ispirtu taʼ mħabba.” Dan innota li rġiel li ma kinux se jaqdu bl-umiltà mill-imħabba “huma għalliema bla sigurtà, u x’aktarx li iktar jagħmlu ħsara milli ġid.”—1 Korintin 8:1.
17. Il-Bibbja kif tenfasizza l-kwalitajiet li l-anzjani għandhom ikollhom?
17 B’hekk, irġiel ixjeħ ma jridux ‘jagħmluha taʼ mulejiet fuq’ in-ngħaġ. (1 Pietru 5:3) Minflok, iridu jieħdu t-tmexxija f’li jkunu ‘qalbhom tajba maʼ xulxin, billi jagħdru b’tenerezza.’ (Efesin 4:32) Pawlu enfasizza: “Tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul. . . . Imma, barra minn dawn l-affarijiet kollha, tlibbsu bl-imħabba, għax hija rabta perfetta taʼ unjoni.”—Kolossin 3:12-14.
18. (a) Pawlu liema eżempju mill-aħjar ta f’li jittratta man-ngħaġ? (b) L-anzjani għala m’għandhomx jinjoraw il-ħtiġijiet tan-ngħaġ?
18 Pawlu tgħallem jagħmel dan, billi qal: “Sirna ġentili f’nofskom, bħal meta omm li trabbi tgħożż lit-tfal tagħha stess. Mela, billi għandna affezzjoni tenera għalikom, ħadna pjaċir sewwa li nwasslulkom, mhux biss l-aħbar tajba t’Alla, imma wkoll lil erwieħna stess, għaliex sirtu maħbubin għalina.” (1 Tessalonkin 2:7, 8) Fi qbil maʼ dak, hu qal: “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi, agħtu appoġġ lid-dgħajfin, stabru fit-tul lejn kulħadd.” (1 Tessalonkin 5:14) Huwa x’inhuwa t-tip taʼ problema li n-ngħaġ jistgħu jġibulhom, l-anzjani għandhom jiftakru Proverbji 21:13: “Inkwantu għal kulmin qiegħed isodd widintu mill-għajta taʼ lment tal-wieħed baxx, hu nnifsu wkoll se jgħajjat u ma jiġix imwieġeb.”
19. Anzjani taʼ mħabba għala huma barka, u n-ngħaġ kif iwieġbu għal imħabba bħal din?
19 Irġiel ixjeħ li b’imħabba jirgħu l-merħla huma barka għan-ngħaġ. Isaija 32:2 bassar: “Kull wieħed irid jagħti prova li hu bħal moħba mir-riħ u post taʼ kenn mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ ilma f’pajjiż mingħajr ilma, bħad-dell taʼ blata tqila f’art niexfa.” Aħna henjin li nafu li ħafna mill-anzjani tagħna llum jaġixxu fi qbil maʼ dik l-istampa sabiħa taʼ serħan. Huma tgħallmu japplikaw il-prinċipju li ġej: “Fl-imħabba taʼ l-aħwa ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin. F’li turu unur lil xulxin ħudu t-tmexxija.” (Rumani 12:10) Meta anzjani juru dan it-tip taʼ mħabba u umiltà, in-ngħaġ iwieġbu billi jagħtuhom “iktar minn konsiderazzjoni straordinarja fl-imħabba minħabba x-xogħol tagħhom.”—1 Tessalonkin 5:12, 13.
Irrispetta L-Użu Tar-Rieda Ħielsa
20. L-anzjani għala jridu jirrispettaw ir-rieda ħielsa?
20 Jehovah ħalaq lill-bnedmin b’rieda ħielsa biex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom stess. Fil-waqt li l-anzjani għandhom jagħtu pariri u saħansitra dixxiplina, huma m’għandhomx jikkontrollaw il-ħajja jew il-fidi taʼ xi ħadd ieħor. Pawlu qal: “Mhux li aħna s-sidien fuq il-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema mseħbin għall-ferħ tagħkom, għax huwa bil-fidi tagħkom li qegħdin intom bil-wieqfa.” (2 Korintin 1:24) Iva, “kull wieħed se jġorr it-tagħbija tiegħu stess.” (Galatin 6:5) Jehovah tana ħafna libertà fil-limiti tal-liġijiet u l-prinċipji tiegħu. B’hekk l-anzjani għandhom jevitaw li jistabbilixxu regoli fejn ma jinkisrux prinċipji Skritturali. U għandhom jirreżistu kwalunkwe tendenza biex joffru l-opinjoni persunali tagħhom stess bħala domma jew li jħallu l-kburija tagħhom tidħol fin-nofs jekk xi ħadd ma jaqbilx maʼ dawn l-ideat.—2 Korintin 3:17; 1 Pietru 2:16.
21. X’nistgħu nitgħallmu mill-attitudni taʼ Pawlu lejn Filemon?
21 Innota kif Pawlu, waqt li kien fil-ħabs f’Ruma, ittratta maʼ Filemon, sid Kristjan taʼ l-irsiera f’Kolosse fl-Asja Minuri. L-irsir taʼ Filemon bl-isem taʼ Onesimus ħarab lejn Ruma, sar Kristjan, u kien qed jgħin lil Pawlu. Pawlu kiteb lil Filemon: “Kieku nixtieq li nżommu lura għalija nnifsi biex minflokok hu jistaʼ jkompli jimministra lili fl-irbit tal-ħabs li qiegħed nissaporti minħabba fl-aħbar tajba. Imma mingħajr il-kunsens tiegħek jien ma rrid nagħmel xejn, sabiex l-att tajjeb tiegħek jistaʼ jkun, mhux bħal li kieku taʼ bil-fors, imma mir-rieda ħielsa tiegħek stess.” (Filemon 13, 14) Pawlu rritorna lil Onesimus, billi talab lil Filemon biex jittrattah bħala ħu Kristjan. Pawlu kien jaf li l-merħla ma kinitx tiegħu; kienet t’Alla. Hu ma kienx is-sid tagħha imma l-qaddej tagħha. Pawlu ma ddettax lil Filemon; hu rrispetta r-rieda ħielsa tiegħu.
22. (a) L-anzjani x’għandhom jifhmu li hija l-pożizzjoni tagħhom? (b) Jehovah liema xorta taʼ organizzazzjoni qed jiżżviluppa?
22 Hekk kif tikber l-organizzazzjoni t’Alla, iktar anzjani jiġu maħturin. Huma, kif ukoll l-anzjani b’iktar esperjenza, iridu jifhmu li l-pożizzjoni tagħhom hija waħda taʼ servizz umli. B’dan il-mod, hekk kif Alla jmexxi l-organizzazzjoni tiegħu lejn id-dinja ġdida, din se tkompli tikber kif iridha hu—organizzata tajjeb imma ma tissagrifikax l-imħabba u l-mogħdrija għall-effiċjenza. B’hekk, l-organizzazzjoni tiegħu se ssir dejjem iżjed attraenti għal uħud bħal ngħaġ li se jaraw fiha evidenza li “Alla jagħmel ix-xogħlijiet kollha tiegħu jikkoperaw flimkien għall-ġid taʼ dawk li jħobbu lil Alla.” Dak għandu jkun mistenni minn organizzazzjoni msejsa fuq l-imħabba, għaliex “l-imħabba ma tfalli qatt.”—Rumani 8:28; 1 Korintin 13:8. (w94 10/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-attenzjoni taʼ Jehovah għan-nies tiegħu?
◻ Ġesù liema rwol għandu f’li jieħu ħsieb il-merħla t’Alla?
◻ L-anzjani liema karatteristika ewlenija għandhom ikollhom?
◻ L-anzjani għala jridu jqisu r-rieda ħielsa tan-ngħaġ?
[Stampa f’paġna 28]
Ġesù, ir-“ragħaj mill-aħjar,” wera mogħdrija
Stampi f’paġna 29
Il-mexxejja reliġjużi korrotti kkonfoffaw biex joqtlu lil Ġesù