Żjara Li Tistaʼ Tkun Barka
1 Kien bil-ferħ li Żakkew irċieva lil Ġesù bħala mistieden f’daru. U x’barka rriżultat li kienet dik iż-żjara!—Lq. 19:2-9.
2 Illum, bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, Ġesù Kristu jidderieġi lill-anzjani biex ‘jirgħu l-merħla t’Alla.’ (1 Pt. 5:2, 3; Ġw. 21:15-17) Minbarra li jgħallmu fil-laqgħat u jieħdu t-tmexxija fis-servizz taʼ l-għalqa, l-indokraturi tal-kongregazzjoni jipprovdu assistenza persunali bl-imħabba lil membri individwali tal-kongregazzjoni. Għalhekk, minn żmien għal żmien, tistaʼ tħares ’il quddiem lejn li tirċievi attenzjoni persunali mill-anzjani, sew jekk f’darek, fis-Sala tas-Saltna, waqt li tkunu flimkien fis-servizz taʼ l-għalqa, jew f’okkażjonijiet oħrajn. Għandek tibżaʼ miż-żjajjar taʼ l-anzjani? Lanqas xejn. Billi jżuruk ma jfissirx li qiegħed tonqos f’xi ħaġa. Allura, x’inhu l-iskop taʼ żjara pastorali?
3 Pawlu qal li ried iżur lill-aħwa biex ‘jara kif kienu sejrin.’ (Atti 15:36) Iva, bħala rgħajja kollhom imħabba, l-anzjani jinteressahom ħafna f’kif tkun. Iridu joffru assistenza spiritwali li tistaʼ tkun t’għajnuna għalik u tibnik. Ir-Ragħaj tagħna kollu mħabba Jehovah jixtieq li l-anzjani jieħdu ħsieb lil kull wieħed minna personalment.—Eżek. 34:11.
4 Ilqaʼ ż-Żjajjar taʼ l-Anzjani: L-għan taʼ Pawlu f’li jżur lil ħutu kien li ‘jaqsam magħhom doni spiritwali biex isaħħaħhom u biex iqawwu lil xulxin.’ (Rum. 1:11, 12) Ilkoll kemm aħna għandna bżonn taʼ inkuraġġiment spiritwali f’dawn l-aħħar jiem diffiċli, u għandna bżonn l-għajnuna biex nibqgħu sodi fil-fidi. Li twieġeb b’mod pożittiv għal żjara pastorali bla dubju se jirriżulta fi tpartit taʼ inkuraġġiment mill-aħjar.
5 Apprezza l-ħafna benefiċċji li tistaʼ takkwista mix-xogħol pastorali taʼ l-anzjani. Jekk hemm xi kwistjoni jew mistoqsija li int ikkonċernat fuqha, ftakar li l-anzjani qegħdin hemm fil-kongregazzjoni biex jgħinu. Taħsibhiex darbtejn biex tiddiskuti magħhom kwalunkwe kwistjoni li tistaʼ teffettwa l-benesseri spiritwali tiegħek. Apprezza dan l-arranġament kollu mħabba minn Jehovah, u ifraħ bil-barkiet li żjara bħal din tistaʼ ġġiblek.