LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 11/15 pp. 10-15
  • Jehovah Jgħallimna Ngħoddu Jiem Ħajjitna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jgħallimna Ngħoddu Jiem Ħajjitna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah​—Il-​“Kenn” Tagħna
  • Jehovah Dejjem Lest li Jgħinna
  • Jehovah Jgħinna “Ngħoddu Jiem Ħajjitna”
  • Il-​Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Ferħanin
  • Ejja Nkomplu Ngħoddu Jiem Ħajjitna
  • Għala Daqshekk Ftit Żmien?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ġeħova—Il-Post Fejn Ngħammru Aħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kellu Bidu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 11/15 pp. 10-15

Jehovah Jgħallimna Ngħoddu Jiem Ħajjitna

“Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.”—SALM 90:12.

1. Għala huwa xieraq li nitolbu lil Jehovah biex jurina kif “ngħoddu jiem ħajjitna”?

ALLA JEHOVAH hu l-​Ħallieq tagħna u d-​Donatur tal-​ħajja. (Salm 36:10 [36:​9, NW]; Apokalissi 4:11) Għalhekk, ħadd ħliefu ma jistaʼ jkun f’pożizzjoni aħjar biex jurina kif nużaw is-​snin taʼ ħajjitna b’mod għaqli. Bix-​xieraq, mela, is-​salmista talab lil Alla: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.” (Salm 90:12) Din it-​talba nsibuha f’Salm 90, u żgur li jkun xieraq li dan is-​salm nikkunsidrawh b’attenzjoni. Iżda qabel xejn, ejja nagħtu ħarsa fuq fuq lejn din l-​għanja mnebbħa b’mod divin.

2. (a) Min jissemma bħala l-​kittieb taʼ Salm 90, u dan meta setaʼ nkiteb? (b) Salm 90 kif għandu jeffettwa l-​ħarsa tagħna lejn il-​ħajja?

2 Is-​sopraskrizzjoni taʼ Salm 90 issejjaħlu “talba taʼ Mosè, il-​bniedem taʼ Alla.” Ladarba dan is-​salm jenfasizza kemm hi qasira l-​ħajja tal-​bniedem, x’aktarx inkiteb wara li l-​Iżraelin inħelsu mill-​jasar taʼ l-​Eġittu u matul l-​40 sena li għamlu jiġġerrew fid-​deżert, meta l-​mewt ħadet eluf taʼ ħajjiet u ġabet fix-​xejn ġenerazzjoni bla fidi. (Numri 32:​9-13) Inkiteb meta nkiteb, Salm 90 juri li l-​ħajja tal-​bnedmin imperfetti hi qasira. Jidher ċar, mela, li għandna nużaw il-​jiem prezzjużi tagħna bil-​għaqal.

3. X’inhu l-​kontenut bażiku taʼ Salm 90?

3 Versi 1 sa 6 taʼ Salm 90 jidentifikaw lil Jehovah bħala l-​kenn etern tagħna. Versi 7 sa 12 juruna x’għandna bżonn sabiex nużaw il-​ftit snin taʼ ħajjitna b’tali mod li nogħġbuh. U bħalma jesprimu versi 13 sa 17, aħna b’qalbna kollha nixtiequ li Jehovah juri magħna qalb tajba bl-​imħabba u jberikna. M’għandniex xi ngħidu, dan is-​salm ma jgħidilniex minn qabel dak li se ngħaddu minnu personalment bħala qaddejja taʼ Jehovah. Minkejja dan, kull wieħed u waħda minna għandu jagħti kas u jimita l-​attitudni taʼ devozzjoni lejn Alla li jesprimi dan is-​salm f’forma taʼ talba. Għalhekk, ejja nagħtu ħarsa mill-​qrib lejn Salm 90 mil-​lenti taʼ min hu dedikat lil Alla.

Jehovah​—Il-​“Kenn” Tagħna

4-6. Jehovah kif inhu tassew “kenn” għalina?

4 Is-​salmista jiftaħ bil-​kliem: “Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel. Qabel ma twieldu l-​muntanji, qabel ma tnisslu [“bl-​uġigħ tal-​ħlas,” “NW”] l-​art u d-​dinja, minn dejjem taʼ dejjem int, o Alla!”—Salm 90:​1, 2.

5 Għalina Jehovah, “Alla taʼ dejjem,” hu tassew “kenn”—refuġju spiritwali. (Rumani 16:26) Inħossuna fis-​sigurtà għax bħala Semmiegħ it-​talb hu qiegħed dejjem hemm, lest biex jgħinna. (Salm 65:3 [65:​2, NW]) Ladarba aħna nitfgħu l-​ansjetajiet tagħna fuq Missierna tas-​sema permezz taʼ Ibnu l-​maħbub, ‘is-​sliem taʼ Alla, li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilna qalbna u moħħna sħaħ.’—Filippin 4:​6, 7; Mattew 6:9; Ġwann 14:​6, 14.

6 Aħna ngawdu sigurtà spiritwali għax, b’mod figurattiv, Jehovah hu tassew “kenn” għalina. Hu jipprovdi wkoll “kmamar” bħala menqa spiritwali. Dawn x’aktarx huma marbutin mill-​qrib mal-​kongregazzjonijiet tan-​nies tiegħu, fejn ir-​rgħajja bl-​imħabba kollha jaħdmu iebes biex inħossuna fis-​sigurtà. (Isaija 26:20; 32:​1, 2; Atti 20:​28, 29) Iktar minn hekk, xi wħud minna ġejjin minn familji li ilhom ħafna jaqdu lil Alla u raw personalment li Alla hu tassew “kenn minn nisel għal nisel.”

7. F’liema sens “twieldu” l-​muntanji u l-​art tnisslet bħallikieku “bl-​uġigħ tal-​ħlas”?

7 Jehovah eżista qabel ma “twieldu” l-​muntanji jew qabel ma l-​art tnisslet bħallikieku “bl-​uġigħ tal-​ħlas.” Mill-​mod kif iħares lejha l-​bniedem, kien jinħtieġ xogħol kbir biex tintgħamel din l-​art bil-​karatteristiċi, fatturi kimiċi, u mekkaniżmi komplikati kollha tagħha. Billi jgħid li l-​muntanji “twieldu” u li l-​art tnisslet bħallikieku “bl-​uġigħ tal-​ħlas,” is-​salmista qed juri rispett kbir għax-​xogħol kollu li ħa Jehovah biex joħloq dawn l-​affarijiet. M’għandniex aħna jkollna dan it-​tip taʼ rispett u apprezzament għal xogħol idejn il-​Ħallieq?

Jehovah Dejjem Lest li Jgħinna

8. Xi tfisser l-​istqarrija li Jehovah hu Alla “minn dejjem taʼ dejjem”?

8 “Minn dejjem taʼ dejjem int, o Alla,” kanta s-​salmista. Il-​kelma oriġinali li hawnhekk hi tradotta “dejjem” tistaʼ tirreferi għal affarijiet li għandhom tmiem però t-​tul taʼ żmien tagħhom m’huwiex speċifikat. (Eżodu 31:​16, 17; Lhud 9:15) Iżda, f’Salm 90:2 u f’postijiet oħra fl-​Iskrittura Ebrajka tfisser “eternità,” bħalma qed turi ċar it-​traduzzjoni. (Koħèlet 1:4) Moħħna ma jistax jifhem kif inhu possibbli li Alla ilu jeżisti minn dejjem. Madankollu, Jehovah la kellu bidu u lanqas ma se jkollu tmiem. (Ħabakkuk 1:12) Hu dejjem se jkun ħaj u lest li jgħinna.

9. Is-​salmista maʼ xiex iqabbel elf sena t’eżistenza umana?

9 Is-​salmista kien imnebbaħ biex iqabbel elf sena t’eżistenza umana maʼ perijodu qasir ħafna fl-​esperjenza tal-​Ħallieq etern. Waqt li indirizza lil Alla, hu kiteb: “Int traġġaʼ l-​bnedmin lejn it-​trab, u tgħidilhom: ‘Erġgħu lura, intom bnedmin!’ Elf sena huma għalik bħal jum taʼ lbieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-​lejl.”—Salm 90:​3, 4.

10. Alla kif ireġġaʼ ’l-bniedem lura “lejn it-​trab”?

10 Il-​bniedem huwa mortali, u Alla ‘jreġġgħu lura lejn it-​trab.’ Fil-​fatt, Jehovah jgħid: ‘Erġaʼ lura lejn it-​trab taʼ l-​art li minnha int meħud.’ (Ġenesi 2:7; 3:​19) Dan japplika għal kulħadd—b’saħħithom jew dgħajfin, sinjuri jew fqar—għax l-​ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jifdi ’l ħadd jew jagħti lil Alla l-​prezz tal-​fidwa tiegħu sabiex ikun jistaʼ jgħix għal dejjem. (Salm 49:​7-10 [49:​6-9, NW]) Imma kemm aħna grati li ‘Alla ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ikollu l-​ħajja taʼ dejjem’!—Ġwann 3:16; Rumani 6:23.

11. Għala nistgħu ngħidu li żmien twil għalina hu qasir ferm għal Alla?

11 Mill-​ħarsa taʼ Jehovah, anki Matusala, li kellu 969 sena, għex inqas minn ġurnata. (Ġenesi 5:27) Għal Alla, elf sena qishom ilbieraħ—perijodu taʼ 24 siegħa—meta jkunu għaddew. Is-​salmista jsemmi wkoll li għal Alla, elf sena huma bħall-​għassa t’erbaʼ sigħat li l-​għassies kien jagħmel mal-​kamp bil-​lejl. (Mħallfin 7:19) Jidher ċar, mela, li dak li għalina jistaʼ jidher żmien twil, għal dak Alla etern, Jehovah, hu qasir ferm.

12. Il-​bnedmin kif inhuma ‘miknusin’ minn Alla?

12 B’kuntrast maʼ l-​eżistenza eterna t’Alla, il-​ħajja preżenti tal-​bniedem hija qasira tabilħaqq. Is-​salmista jgħid: “Int taħsadhom [‘tiknishom,’ “Karm Żammit”], u jsiru bħal ħolma. Huma bħall-​ħaxix li jinbet fil-​għodu; fil-​għodu jwarrad u jħaddar, fil-​għaxija jidbiel u jinxef.” (Salm 90:​5, 6) Mosè ra eluf taʼ Iżraelin imutu fid-​deżert, ‘miknusin’ minn Alla bħallikieku f’għargħar. Din il-​parti tas-​salm ġiet tradotta: “Int tiknes lill-​bniedem fir-​raqda tal-​mewt.” (New International Version) Mill-​banda l-​oħra, għomor il-​bniedem imperfett huwa biss “ħolma” qasira meta tqabbilha maʼ lejl sħiħ taʼ rqad.

13. Kif aħna “bħall-​ħaxix,” u dan kif għandu jeffettwa l-​mod kif naħsbu?

13 Aħna ‘bħall-​ħaxix li fil-​għodu jwarrad u jħaddar’ imma li sa fil-​għaxija jkun dbiel bis-​sħana qawwija tax-​xemx. Iva, il-​ħajja tagħna tgħaddi malajr sewwa sew bħall-​ħaxix li jidbiel f’ġurnata. Għalhekk, ejja ma naħluhx dan it-​teżor li għandna. Minflok, għandna nfittxu l-​gwida t’Alla dwar kif għandna nużaw is-​snin li baqgħalna f’din is-​sistema preżenti t’affarijiet.

Jehovah Jgħinna “Ngħoddu Jiem Ħajjitna”

14, 15. Salm 90:​7-9 kif twettaq fil-​każ taʼ l-​Iżraelin?

14 Dwar Alla, is-​salmista jżid: “Ninsabu mifnija [“mitmumin,” “Saydon”] bil-​qilla tiegħek, mibluha minħabba l-​għadab tiegħek. Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, dnubietna l-​moħbija fid-​dawl taʼ wiċċek. Jiemna kollha jgħibu minħabba qilltek, jintemmu bħal tnehida s-​snin taʼ ħajjitna.”—Salm 90:​7-9.

15 L-​Iżraelin mingħajr fidi ‘ntemmu bil-​qilla t’Alla.’ Huma kienu ‘mibluha minħabba lgħadab tiegħu,’ jew ‘imwerwrin minħabba l-​qilla tiegħu.’ (Saydon) Xi wħud “waqgħu mejta fid-​deżert” b’riżultat tal-​ġudizzju divin. (1 Korintin 10:5) Jehovah ‘ġab quddiem għajnejh ħtijiethom.’ Hu żammhom responsabbli għall-​ħażen li għamlu fil-​beraħ, imma anki ‘dnubiethom il-​moħbija’ kienu ‘fid-​dawl taʼ wiċċu.’ (Proverbji 15:3) Billi qanqlu r-​rabja t’Alla, l-​Iżraelin li baqgħu ma nidmux ‘temmu s-​snin taʼ ħajjithom bħal tnehida.’ Bl-​istess mod, ħajjitna stess hi qasira bħal nifs li jgħaddi minn fommna fi tnehida.

16. Jekk xi ħadd qed jidneb bil-​moħbi, x’għandu jagħmel?

16 Li kieku xi ħadd minna kellu jagħmel xi dnub bil-​moħbi, forsi jirnexxilu jaħbih għal xi żmien minn bnedmin oħrajn. Iżda l-​ħażen li nagħmlu bil-​moħbi se jkun quddiem Jehovah, u l-​azzjonijiet tagħna se jkissru r-​relazzjoni li għandna miegħu. Sabiex nerġgħu nitħabbu m’Alla nkunu rridu nitolbuh jaħfrilna, induru lura mill-​ħażen tagħna, u naċċettaw bi gratitudni l-​għajnuna spiritwali taʼ l-​anzjani Kristjani. (Proverbji 28:13; Ġakbu 5:​14, 15) Kemm ikun aħjar dan milli ‘ntemmu s-​snin taʼ ħajjitna bħal tnehida,’ u nirriskjaw it-​tama tagħna għall-​ħajja taʼ dejjem!

17. Ġeneralment kemm hi twila l-​ħajja tal-​bniedem, u s-​snin taʼ ħajjitna biex inhuma mimlijin?

17 Dwar l-​għomor tal-​bnedmin imperfetti, is-​salmista jgħid: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-​iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-​biċċa l-​kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (Salm 90:10) Ġeneralment, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jgħixu 70 sena. Taʼ 85 sena, Kaleb tkellem dwar is-​saħħa straordinarja tiegħu. Kien hemm xi eċċezzjonijiet, bħal Aron (123), Mosè (120), u Ġożwè (110). (Numri 33:39; Dewteronomju 34:7; Ġożwè 14:​6, 10, 11; 24:29) Imma mill-​ġenerazzjoni bla fidi li ħarġet mill-​Eġittu, dawk li kienu reġistrati li kellhom 20 sena u fuqhom mietu fi żmien 40 sena. (Numri 14:​29-34) Illum, l-​għomor taʼ bniedem f’ħafna pajjiżi għadu bejn wieħed u ieħor l-​istess bħalma qal is-​salmista. Is-​snin taʼ ħajjitna huma mimlijin “taħbit u niket.” Jgħaddu malajr, “u aħna mmorru magħhom.”—Ġob 14:​1, 2.

18, 19. (a) Xi jfisser li ‘ngħoddu jiem ħajjitna sabiex nimxu bil-​għaqal’? (b) Meta nużaw l-​għerf x’se nitqanqlu biex nagħmlu?

18 Imbagħad is-​salmista jkanta: “Min jistaʼ jifhem il-​qawwa taʼ qilltek? Min jistaʼ jqis il-​biżaʼ taʼ għadbek? Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.” (Salm 90:​11, 12) Ħadd minna ma jaf eżatt kemm hi qawwija l-​korla t’Alla jew sa fejn jasal l-​għadab tiegħu. Dan għandu jsaħħilna l-​biżaʼ riverenzjali li għandna lejn Jehovah. Fil-​fatt, għandu jimmotivana biex nistaqsuh kif nistgħu “ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.”

19 Dan il-​kliem tas-​salmista huwa talba lil Jehovah sabiex jgħin lin-​nies tiegħu jitgħallmu kif juru l-​għerf biex jagħrfu l-​valur tal-​jiem li baqgħalhom u jużawhom b’mod aċċettabbli għal Alla. Sebgħin sena jagħtuna t-​tama li ngħixu madwar 25,500 ġurnata. Iżda hi x’inhi l-​età tagħna, ‘ma nafux x’għad isir għada, għax aħna bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.’ (Ġakbu 4:​13-15) Ladarba “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jiġu fuqna lkoll ma nistgħux ngħidu kemm nistgħu ngħixu iktar. Għalhekk, ejja nitolbu għall-​għerf biex niffaċċjaw il-​provi, nittrattaw lil oħrajn b’mod xieraq, u biex nagħmlu l-​aħjar tagħna fis-​servizz taʼ Jehovah issa stess—illum! (Koħèlet 9:11; Ġakbu 1:​5-8) Jehovah jiggwidana permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​ispirtu tiegħu, u l-​organizzazzjoni tiegħu. (Mattew 24:​45-​47; 1 Korintin 2:​10; 2 Timotju 3:​16, 17) Meta nużaw l-​għerf nitqanqlu biex ‘infittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla’ u nużaw il-​jiem taʼ ħajjitna b’mod li nġibu glorja lil Jehovah u nferrħulu qalbu. (Mattew 6:​25-​33; Proverbji 27:11) M’għandniex xi ngħidu, billi nqimuh b’qalb sħiħa mhux se neħilsu mill-​problemi kollha tagħna, imma żgur li se jġibilna ferħ kbir.

Il-​Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Ferħanin

20. (a) F’liema sens “iħenn” Alla? (b) Jehovah kif jittrattana jekk nagħmlu xi żball serju imma nuru ndiema ġenwina?

20 Kemm ikun tajjeb li kieku nistgħu nkunu ferħanin matul il-​bqija taʼ ħajjitna! Dwar dan, Mosè jitlob: “Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? Ħenn għall-​qaddejja tiegħek. Imliena kmieni bit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” “NW”] tiegħek, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.” (Salm 90:​13, 14) Alla ma jagħmilx żbalji. Minkejja dan, hu ‘jħenn,’ jew jiddispjaċih, u ‘jdur lura’ mill-​għadab tiegħu. Hu jżomm lura milli jagħti xi kastig meta jara li t-​twissija tiegħu dwar dak li jkun se jagħmel tkun qanqlet bidla fl-​attitudni u l-​kondotta taʼ min ikun għamel il-​ħażin u ġġagħlu jindem. (Dewteronomju 13:18 [13:​17, NW]) Għalhekk, anki meta nagħmlu xi żball serju, jekk nuru ndiema ġenwina Jehovah jimliena bil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu u jkollna għalfejn “nifirħu.” (Salm 32:​2-5 [32:​1-5, NW]) U jekk nistinkaw biex nimxu fit-​tjieba, se nħossu l-​imħabba leali li Alla għandu għalina u se nkunu nistgħu “nithennew ħajjitna kollha”—iva, għall-​bqija taʼ ħajjitna.

21. Mosè x’setaʼ kien qed jitlob bil-​kliem li hemm imniżżel f’Salm 90:​15, 16?

21 Is-​salmista jitlob kollu ħeġġa: “Ferraħna daqs kemm għakkistna, għas-​snin li fihom rajna l-​ħsara. Ħa jidher għemilek quddiem il-​qaddejja tiegħek, u l-​kobor tiegħek quddiem uliedhom.” (Salm 90:​15, 16) Mosè setaʼ kien qed jitlob lil Alla biex ibierek lil Iżrael b’ferħ għall-​istess tul taʼ żmien daqskemm damu fin-​niket u s-​snin li matulhom ġarrbu hemm kbir. Hu talab biex ‘l-​għemil t’Alla,’ il-​barka tiegħu fuq l-​Iżraelin, jidher ċar quddiem il-​qaddejja Tiegħu u li l-​kobor Tiegħu jintwera quddiem uliedhom, jew nisilhom. B’mod xieraq, aħna nistgħu nitolbu biex fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla, il-​bnedmin ubbidjenti jkollhom xita taʼ barkiet.—2 Pietru 3:13.

22. Skond Salm 90:​17, għalxiex hu xieraq li nitolbu?

22 Salm 90 jikkonkludi b’din it-​talba: “Ħa tkun fuqna l-​grazzja taʼ Alla Sidna! Wettqilna inti x-​xogħol taʼ jdejna, wettaq, iva, xogħol idejna.” (Salm 90:17) Dan il-​kliem jurina kemm hu xieraq li nitolbu lil Alla biex ibierek l-​isforzi li nagħmlu fis-​servizz tiegħu. Sew jekk aħna Kristjani midlukin jew sħabhom, in-​“nagħaġ oħra,” aħna nifirħu li “l-​grazzja taʼ Alla” hija fuqna. (Ġwann 10:16) Kemm aħna ferħanin li Alla ‘wettqilna x-​xogħol taʼ idejna’ bħala proklamaturi tas-​Saltna u f’modi oħra!

Ejja Nkomplu Ngħoddu Jiem Ħajjitna

23, 24. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nimmeditaw fuq Salm 90?

23 Jekk nimmeditaw fuq Salm 90, dan għandu jgħinna niddependu iżjed minn Jehovah, il-​“kenn” tagħna. Billi nirriflettu fuq dak li jgħid dwar kemm hi qasira l-​ħajja, għandna nsiru iżjed konxji li għandna bżonn il-​gwida divina biex ngħoddu jiem ħajjitna. U jekk nipperseveraw fit-​tfittxija tagħna għall-​għerf divin u napplikawh, nistgħu nkunu ċerti li Jehovah se juri magħna qalb tajba bl-​imħabba u se jberikna.

24 Jehovah se jkompli jurina kif ngħoddu jiem ħajjitna. Jekk aħna naċċettaw l-​istruzzjoni tiegħu se nkunu nistgħu nkomplu ngħoddu jiem ħajjitna għall-​eternità. (Ġwann 17:3) Madankollu, jekk irridu nżommu l-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejna, Jehovah irid ikun il-​kenn tagħna. (Ġuda 20, 21) Bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss, dan il-​punt joħroġ ċar fil-​kliem inkuraġġanti li nsibu f’Salm 91.

Int Kif Twieġeb?

• Jehovah kif inhu tassew “kenn” għalina?

• Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu dejjem lest li jgħinna?

• Jehovah kif jgħinna “ngħoddu jiem ħajjitna”?

• X’jagħmilna “nithennew ħajjitna kollha”?

[Stampa f’paġna 11]

Jehovah kien Alla “qabel ma twieldu l-​muntanji”

[Stampa f’paġna 12]

Mill-​ħarsa taʼ Jehovah, Matusala, li kellu 969 sena, għex inqas minn ġurnata

[Stampi f’paġna 14]

Jehovah ‘wettqilna x-​xogħol taʼ idejna’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja