Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Kellu Bidu Alla?
▪ Il-Bibbja twieġeb li Alla ma kellux bidu. Alla minn dejjem eżista. Hu kemm hu diffiċli biex nifhmu l-idea tal-eternità t’Alla, ma nistgħux niċħdu l-idea sempliċement għax ma nistgħux nifhmuha bis-sħiħ.
Huwa raġunevoli li nistennew li nifhmu l-mogħdijiet kollha t’Alla? L-appostlu Pawlu ddikjara: “O kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rumani 11:33) L-imħuħ tagħna ma jistgħux jifhmu bis-sħiħ kemm huma kbar l-għerf u l-għarfien t’Alla, l-istess bħalma tarbija ma tistax tifhem kollox dwar il-ġenituri tagħha. Dan il-kliem ispirat taʼ Pawlu, għalkemm primarjament hu dwar kemm Alla hu uniku fl-għerf u l-ħniena tiegħu, jagħti x’jifhem li hemm aspetti t’Alla Ġeħova u tal-mod kif jaġixxi li huma profondi wisq biex moħħna jifhimhom. L-idea li Alla m’għandux bidu milli jidher hi waħda minn dawn l-aspetti. Madankollu, nistgħu nafdaw għalkollox f’dak li l-Bibbja tgħallem dwar Alla. Ġesù Kristu qal rigward il-kitbiet sagri: “Kelmtek hi l-verità.”—Ġwanni 17:17.
Mosè qal f’talba lil Ġeħova: “Minn dejjem kont, u se tibqaʼ għal dejjem.” (Salm 90:2, The Holy Bible, New Century Version) Hawnhekk, Mosè jiddeskrivi l-eżistenza t’Alla bħala li hi mifruxa f’żewġ direzzjonijiet. Waħda hi lejn il-futur. Ġeħova hu “Dak li jgħix għal dejjem taʼ dejjem.” (Rivelazzjoni 4:10) Għalhekk, l-eżistenza t’Alla tinfirex ’il quddiem lejn il-futur dejjiemi. Id-direzzjoni l-oħra hi lejn il-passat. Fi kliem ieħor, Alla la ġie maħluq u lanqas ma beda jeżisti. Minflok, l-eżistenza t’Alla tmur lura fil-passat dejjiemi.
L-ideat astratti huma diffiċli għal ħafna minna biex nifhmuhom. Madankollu, kultant ikollna naċċettaw ideat diffiċli, bħan-numri pożittivi u negattivi. Tistaʼ ma tieqaf qatt tgħodd in-numri. Ma nistgħux aħna napplikaw dan l-eżempju għas-snin tal-ħajja tal-Ħallieq?
Għalhekk, huwa xieraq li Alla biss iġorr it-titlu uniku “Sultan taʼ l-eternità.” (1 Timotju 1:17) Aħseb ftit: Ġesù Kristu, il-mirjadi tal-anġli fis-sema, u l-umanità fuq l-art, ilkoll għandhom bidu għax ġew maħluqin. (Kolossin 1:15, 16) Imma Alla le. Jekk toqgħod tinsisti li Alla bilfors ġie maħluq tintroduċi rraġunar bla skop u li ma jwassal imkien dwar min ħalaq lill-Ħallieq. Le, Ġeħova biss jeżisti “mill-eternità għall-eternità.” (Salm 90:2, The New American Bible) Fi kliem ieħor, Ġeħova eżista “għall-eternità kollha li għaddiet.”—Ġuda 25.
Imma, tinsiex li l-idea tal-eżistenza eterna t’Alla mhijiex sempliċement fatt li ma jeffettwaniex. Ħarsa iktar mill-qrib lejn it-talba taʼ Mosè turina li l-eternità t’Alla tiggarantixxi wegħda kollha mħabba taʼ ħajja taʼ dejjem għalina. B’kuntrast mal-ħajja qasira tagħna t’issa, Alla hu deskritt bħala “post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” Bħala Missier li jħobb, Ġeħova kien, qiegħed, u dejjem se jibqaʼ hemm għall-poplu tiegħu. Jalla ssib faraġ f’din il-verità mill-isbaħ!—Salm 90:1.