“Dan Hu Tabilħaqq l-Iktar Isem Qaddis u Kbir t’Alla”
Nicholas taʼ Cusa għamel din l-istqarrija fi priedka li ta fis-sena 1430.a Kien raġel li kien interessat f’ħafna suġġetti u ffoka l-attenzjoni tiegħu, per eżempju, fuq l-istudju tal-Grieg, l-Ebrajk, il-filosofija, it-teoloġija, il-matematika, u l-astronomija. Fl-età taʼ 22 sena, hu ħa d-dottorat fil-liġi kanonika Kattolika Rumana. Fl-1448 inħatar bħala kardinal.
Madwar 550 sena ilu, Nicholas taʼ Cusa waqqaf dar għall-anzjani f’Kues, issa magħrufa bħala Bernkastel-Kues, belt li tinsab madwar 130 kilometru lejn in-nofsinhar taʼ Bonn, fil-Ġermanja. Fl-istess bini issa hemm il-librerija taʼ Cusa li fiha iktar minn 310 manuskritti. Wieħed minnhom huwa l-Codex Cusanus 220 li fih tistaʼ tinstab il-priedka taʼ Cusa li għamel fl-1430. F’din il-priedka, In principio erat verbum (Fil-Bidu Kien il-Kelma), Nicholas taʼ Cusa uża l-kelma spelluta bil-Latin Iehoua għal Ġeħova.b Paġna 56 fiha l-istqarrija li ġejja rigward l-isem t’Alla: “Dan hu mogħti minn Alla. Hu t-Tetragrammaton, jiġifieri, l-isem kompost minn erbaʼ ittri. . . . Dan hu tabilħaqq l-iktar isem qaddis u kbir t’Alla.” Din l-istqarrija taʼ Nicholas taʼ Cusa taqbel mal-fatt li l-isem t’Alla jidher fit-test oriġinali taʼ l-Iskrittura Ebrajka.—Eżo. 6:3.
Dan il-kodiċi minn kmieni fis-seklu 15 huwa wieħed mill-eqdem dokumenti li jeżistu u li fih it-Tetragrammaton jiġi tradott “Iehoua.” Din it-testimonjanza miktuba hija evidenza oħra li l-forom taʼ l-isem t’Alla, li huma simili għal “Ġeħova,” kienu l-iktar traskrizzjoni letterarja komuni taʼ l-isem t’Alla għal sekli sħaħ.
[Noti taʼ taħt]
a Nicholas taʼ Cusa kien magħruf ukoll bħala Nikolaus Cryfts (Krebs), Nicolaus Cusanus, u Nikolaus von Kues. Kues kien l-isem tal-belt Ġermaniża fejn twieled.
b L-iskop tal-priedka kien biex jappoġġa t-tagħlim tat-Trinità.
[Stampa f’paġna 16]
Il-Librerija taʼ Cusa