‘Ġeħova Hu s-Saħħa Tiegħi’
Kif rakkontata minn Joan Coville
Twilidt f’Lulju taʼ l-1925 f’Huddersfield, l-Ingilterra. Kont l-unika tifla u saħħti kienet batuta. Fil-fatt, missieri kien jgħidli, “Kulmeta jonfoħ ir-riħ fuqek, timrad.” U milli jidher hekk kien!
META kont tifla, il-membri tal-kleru kienu jitolbu bil-ħerqa għall-paċi, imma meta faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, bdew jitolbu għar-rebħa. Dan kien iħawwadni u qanqalli d-dubji f’moħħi. Preċiż f’dak iż-żmien ġiet għandna Annie Ratcliffe, l-unika Xhud taʼ Ġeħova fl-inħawi tagħna.
Niġi f’Kuntatt mal-Verità
Annie ħallitilna l-ktieb Salvation u stiednet lil ommi biex tattendi diskussjoni minn fuq il-Bibbja li kienet se ssir fid-dar t’Annie.a Ommi talbitni mmur magħha. Għadni niftakarha dik l-ewwel diskussjoni. Kienet dwar il-fidwa, u ħaġa taʼ l-iskantament, dik id-diskussjoni xejn ma ddejjaqt nismagħha. Fiha twieġbu ħafna mill-mistoqsijiet li kelli. Il-ġimgħa taʼ wara, erġajna attendejna. Dakinhar, ġiet spjegata l-profezija taʼ Ġesù dwar is-sinjal taʼ l-aħħar jiem. Meta kkunsidrajna l-kundizzjonijiet ħżiena tad-dinja, jien u ommi indunajna minnufih li din kienet il-verità. Dik il-ġurnata stess, konna mistidnin biex immorru s-Sala tas-Saltna.
Fis-sala, iltqajt maʼ xi pijunieri żgħażagħ, u fosthom kien hemm Joyce Barber (issa Ellis), li għadha taqdi maʼ żewġha, Peter, fil-Betel taʼ Londra. Ħsibt li kulħadd kellu jaqdi bħala pijunier. Għalhekk, mill-ewwel bdejt inqattaʼ 60 siegħa fl-ippridkar kull xahar, avolja kont għadni l-iskola.
Ħames xhur wara, fil-11 taʼ Frar, 1940, jien u ommi tgħammidna f’assemblea taż-żona (li llum tissejjaħ l-assemblea tas-circuit) fi Bradford. Missieri ma kienx jopponi r-reliġjon ġdida tagħna, imma hu qatt m’aċċetta l-verità. Fiż-żmien meta tgħammidt jien ġie introdott metodu ġdid li kien jinvolvi li noqogħdu fil-kantuniera biex nagħtu xiehda. Jien kont nieħu sehem, u kont inġorr basket tar-rivisti kif ukoll kartelluni. Darba waħda, is-Sibt, ġejt assenjata biex noqgħod fl-iktar parti li kienu jgħaddu nies minnha ħdejn il-ħwienet. Kien għad għandi l-biżaʼ mill-bniedem, u ħaġa taʼ l-iskantament donnu li sħabi kollha taʼ l-iskola għaddew minn ħdejn il-kantuniera fejn kont wieqfa jien!
Fl-1940, il-kumpanija (kif kienet magħrufa dak iż-żmien il-kongregazzjoni) li konna nagħmlu parti minnha kellha bżonn tinqasam. Wara li nqsamna, kważi dawk kollha taʼ mpari kienu fil-kumpanija l-oħra. Jien mort nilmenta dwar dan mal-qaddej tal-kumpanija (li issa jissejjaħ l-indokratur li jippresiedi). Hu qalli: “Jekk trid ħbieb żgħażagħ, oħroġ u sibhom fis-servizz taʼ l-għalqa.” U dan hu eżattament dak li għamilt! Ma tantx domt nistenna qabel ma ltqajt m’Elsie Noble. Hi aċċettat il-verità u mbagħad saret ħabibti għal għomri.
Is-Servizz taʼ Pijunier u l-Barkiet li Jġib Miegħu
Wara li spiċċajt l-iskola, mort naħdem m’accountant. Madankollu, il-ferħ li kont nara fuq wiċċ il-qaddejja full-time żiedli x-xewqa tiegħi li naqdi lil Ġeħova bħala pijuniera. F’Mejju taʼ l-1945, b’ferħ bdejt naqdi bħala pijuniera speċjali. Matul l-ewwel ġurnata tiegħi bħala pijuniera, niżlet xita bil-qliel il-ġurnata kollha. Madankollu, tant kont ferħana li kont qiegħda fix-xogħol taʼ l-ippridkar li x-xita lanqas biss tajt kasha. Il-fatt li kont inkun kuljum barra u nagħmel l-eżerċizzju regolarment fuq ir-rota tiegħi fil-ministeru kellu effett tajjeb fuq saħħti. Għalkemm qatt ma kont niżen iktar minn 42 kilogramma, qatt ma kelli għalfejn nieqaf milli nagħmel ix-xogħol taʼ pijuniera. Matul is-snin, esperjenzajt fil-veru sens tal-kelma li ‘Ġeħova hu s-saħħa tiegħi.’—Salm 28:7.
Sabiex jinbdew kongregazzjonijiet ġodda, jien intbgħatt bħala pijuniera speċjali fi bliet fejn ma kienx hemm Xhieda. L-ewwel qdejt tliet snin fl-Ingilterra u mbagħad tliet snin fl-Irlanda. Waqt li kont pijuniera f’Lisburn, l-Irlanda, studjajt maʼ raġel li kien qassis u assistent fi knisja Protestanta. Hekk kif sar jaf il-verità dwar xi duttrini bażiċi tal-Bibbja, hu beda jaqsam mal-kongregazzjoni tiegħu l-għarfien li kien għadu kif kiseb. Xi wħud minnhom ilmentaw maʼ l-awtoritajiet tal-knisja, u m’għandniex xi ngħidu, hu kellu jagħti spjegazzjoni. Qalilhom li ħass li kien id-dmir Kristjan tiegħu li jgħid lill-merħla li hu kien għallimhom ħafna gideb. Għalkemm il-familja tiegħu opponietu bl-aħrax, hu ddedika ħajtu lil Ġeħova u qdieh fedelment sal-mewt.
F’Larne, li kien it-tieni inkarigu tiegħi bħala pijuniera fl-Irlanda, qdejt għal sitt ġimgħat waħdi għax l-oħt li kienet pijuniera miegħi kienet qed tattendi l-Assemblea Theocracy’s Increase fi New York, fl-1950. Dan kien żmien iebes għalija. Kemm xtaqt li kont f’dik l-assemblea! Madankollu, matul dawk il-ġimgħat kelli diversi esperjenzi inkuraġġanti fis-servizz taʼ l-għalqa. Iltqajt maʼ raġel anzjan li kien aċċetta waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħna iktar minn 20 sena qabel. Matul is-snin, hu kien qraha kemm-il darba, tant li kien jafha kważi bl-amment. Kemm hu u kemm ibnu u bintu aċċettaw il-verità.
Nirċievi Taħriġ fl-Iskola taʼ Gilegħad
Fl-1951, ġejt mistiedna flimkien m’għaxar pijunieri oħrajn mill-Ingilterra biex nattendi s-17-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilegħad f’South Lansing, New York. Kemm ħadt gost bl-istruzzjoni mill-Bibbja li rċivejna matul dawk ix-xhur! Dak iż-żmien, l-aħwa nisa kienu għadhom ma jinkitbux fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fil-kongregazzjonijiet lokali, imma f’Gilegħad aħna l-aħwa nisa rċivejna inkarigi biex, bħala studenti, nagħtu taħditiet u rapporti. Kemm konna eċċitati! Matul l-ewwel taħdita tiegħi, l-id li kont qed inżomm in-noti tiegħi biha tgħidx kemm bdiet titriegħed. L-istruttur, Ħuna Maxwell Friend, biex jiċċajta qalli: “Mhux talli kont eċċitata fil-bidu, bħalma jkunu l-kelliema tajbin kollha, imma talli bqajt eċċitata sa l-aħħar.” Matul il-kors, ilkoll kemm aħna tejjibna l-abbiltà tagħna biex nesprimu ruħna quddiem il-klassi. Iż-żmien tar u t-taħriġ tagħna spiċċa, u aħna l-gradwati ngħatajna l-inkarigu biex naqdu f’għadd taʼ pajjiżi barranin. L-inkarigu tiegħi kien it-Tajlandja!
“Il-Pajjiż tat-Tbissim”
Jien inqisu bħala rigal mingħand Ġeħova l-fatt li Astrid Anderson ġiet assenjata biex tkun il-missjunarja li kellha taqdi miegħi fit-Tajlandja. Domna sebaʼ ġimgħat fuq vapur tal-merkanzija biex wasalna hemmhekk. Meta wasalna fil-kapitali, Bangkok, sibna belt kbira bi swieq mimlijin attività u sistema taʼ kanali konnettjati maʼ xulxin li kienu jservu minflok toroq biex in-nies jivvjaġġaw minnhom. Fl-1952, kien hemm inqas minn 150 pubblikatur tas-Saltna fit-Tajlandja.
Meta rajna għall-ewwel darba t-Torri taʼ l-Għassa bit-Tajlandiż, bdejna ngħidu, ‘Kif qatt nistgħu nkunu kapaċi nitkellmu b’din il-lingwa?’ Kienet speċjalment taʼ sfida biex ngħidu l-kliem bit-tonalità xierqa. Per eżempju, il-kelma khaù li tingħad b’tonalità li tibda bl-għoli u mbagħad titbaxxa tfisser “ross,” imma l-istess kelma li tingħad b’leħen oħxon tfisser “aħbar.” Għalhekk, meta konna fis-servizz taʼ l-għalqa, konna qed ngħidu lin-nies, “Ġibtlek ross tajjeb” minflok “aħbar tajba”! Imma bil-mod il-mod—u wara ħafna żbalji tad-daħq—irnexxielna.
It-Tajlandiżi huma nies dħulin ħafna. Mhux taʼ b’xejn li t-Tajlandja tissejjaħ il-Pajjiż tat-Tbissim. L-ewwel inkarigu tagħna kien il-belt taʼ Khorat (li issa hi magħrufa bħala Nakhon Ratchasima), fejn qdejna għal sentejn. Iktar tard ngħatajna l-inkarigu fil-belt taʼ Chiang Mai. Il-biċċa l-kbira mit-Tajlandiżi huma Buddisti u m’humiex familjari mal-Bibbja. F’Khorat, studjajt maʼ raġel li kien inkarigat mill-uffiċċju tal-posta. Iddiskutejna dwar il-patrijarka Abraham. Peress li dan ir-raġel kien diġà semaʼ l-isem Abraham, hu beda jmejjel rasu b’entużjażmu biex jurina li kien jafu. Imma malajr indunajt li ma konniex qed nitkellmu dwar l-istess Abraham. Dan ir-raġel kellu f’moħħu lil Abraham Lincoln, li qabel kien president taʼ l-Istati Uniti!
Konna nieħdu gost ngħallmu l-Bibbja lit-Tajlandiżi taʼ qalb onesta, imma fl-istess ħin, it-Tajlandiżi għallmuna kif inkunu ferħanin u ngħixu ħajja sempliċi. Din il-lezzjoni kienet imprezzabbli, għax fl-ewwel dar missjunarja f’Khorat, la kellna elettriku u lanqas ilma. F’inkarigi bħal dawn ‘tgħallimna s-sigriet taʼ kif ikollna bl-abbundanza u kif inkunu fil-bżonn.’ Bħall-appostlu Pawlu, esperjenzajna xi jfisser li ‘jkollna s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtina l-qawwa.’—Flp. 4:12, 13.
Sieħeb Ġdid u Inkarigu Ġdid
Lura fl-1945 żort Londra. Matul iż-żjara tiegħi hemmhekk, żort il-British Museum flimkien maʼ xi pijunieri u Beteliti oħrajn. Wieħed minnhom kien Allan Coville, li ftit taż-żmien wara attenda l-11-il klassi taʼ Gilegħad. Hu ġie assenjat biex imur Franza u mbagħad il-Belġju.b Iktar tard, waqt li kont għadni naqdi bħala missjunarja fit-Tajlandja, hu talabni biex niżżewġu, u jien aċċettajt il-proposta tiegħu.
Iżżewwiġna fi Brussell, il-Belġju, fid-9 taʼ Lulju, 1955. Minn dejjem kont noħlom li nqattaʼ l-qamar il-għasel tiegħi f’Pariġi, u għalhekk Allan irranġa biex il-ġimgħa taʼ wara nattendu assemblea hemmhekk. Madankollu, kif wasalna, Allan minnufih ġie mitlub biex jgħin bħala interpretu matul l-assemblea kollha. Kuljum kellu jitlaq minn kmieni fil-għodu, u konna nerġgħu lura lejn il-post fejn konna qed noqogħdu tard bil-lejl. Għalhekk, veru li l-qamar il-għasel tiegħi qattajtu Pariġi, imma lil Allan rajtu kważi dejjem mill-bogħod—fuq il-platform! Minkejja dan, xorta kont ferħana li nara lir-raġel li kont għadni kemm iżżewwiġt jiġi użat biex jaqdi lill-aħwa, u ma kelli ebda dubju f’moħħi li jekk Ġeħova jkun fiċ-ċentru taż-żwieġ tagħna, konna se nkunu verament henjin.
Iż-żwieġ ħadni wkoll f’territorju ġdid taʼ l-ippridkar—il-Belġju. Dak kollu li kont naf dwar il-Belġju kien li dan intuża bħala post fejn ġew miġġildin il-battalji f’diversi gwerer, imma ma domtx ma skoprejt li l-biċċa l-kbira mill-Belġjani fir-realtà huma nies li jħobbu l-paċi. L-inkarigu tiegħi kien ifisser ukoll li kelli nitgħallem il-Franċiż, li hu mitkellem fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Fl-1955, kien hemm madwar 4,500 pubblikatur fil-Belġju. Għal kważi 50 sena, jien u Allan qdejna fil-Betel u fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar. L-ewwel sentejn u nofs, konna nivvjaġġaw bir-rota, telgħin u neżlin l-għoljiet, xemx u xita. Matul is-snin, qattajna l-lejl f’iktar minn 2,000 dar differenti taʼ Xhieda sħabna! Spiss iltqajt m’aħwa li ma kinux f’saħħithom fiżikament imma qdew lil Ġeħova bis-saħħa kollha li kellhom. L-eżempju tagħhom inkuraġġieni biex ma naqtax qalbi fis-servizz tiegħi. Fl-aħħar taʼ kull ġimgħa li nkunu qattajna nżuru lil xi kongregazzjoni, aħna dejjem konna nħossuna mibnijin. (Rum. 1:11, 12) Allan kien sieħeb fil-veru sens tal-kelma. Kemm huwa minnu l-kliem t’Ekkleżjasti 4:9, 10: “Tnejn aħjar minn wieħed, . . . għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu”!
Barkiet Minn Ħajja taʼ Servizz bis-‘Saħħa taʼ Ġeħova’
Matul is-snin, jien u Allan kellna ħafna esperjenzi henjin taʼ li ngħinu lil oħrajn biex jaqdu lil Ġeħova. Per eżempju, fl-1983 żorna l-kongregazzjoni Franċiża f’Antwerp, fejn qgħadna maʼ familja li kien qed joqgħod magħhom ukoll Benjamin Bandiwila, ħu żagħżugħ miz-Zaire (illum ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo). Benjamin kien mar il-Belġju biex jikseb edukazzjoni iktar għolja. Hu qalilna, “Verament ngħir għall-ħajja li għandkom, dedikata kompletament għas-servizz taʼ Ġeħova.” Allan wieġbu: “Int tgħid li tgħir għalina; però qed tfittex karriera fid-dinja. Ma taħsibx li din hi kontradizzjoni?” Dan il-kumment sinċier ġiegħel lil Benjamin jaħseb dwar ħajtu. Iktar tard meta mar lura z-Zaire, hu beda jaqdi bħala pijunier, u fil-preżent qed jaqdi bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa.
Fl-1999, għamilt operazzjoni biex inneħħi ulċera mill-esofagu (il-kanal taʼ l-ikel mill-ħalq għall-istonku). Minn dakinhar bdejt niżen biss 30 kilogramma. Jien tassew ‘reċipjent tal-fuħħar’ fraġli. Madankollu, inħossni grata li Ġeħova tani “l-qawwa iktar min-normal.” Wara l-operazzjoni, hu għamilha possibbli biex nerġaʼ nakkumpanja lil Allan fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar. (2 Kor. 4:7) Imbagħad, f’Marzu tas-sena 2004, Allan miet waqt li kien rieqed. Tgħidx kemm nimmissjah, imma l-fatt li naf li qiegħed fil-memorja taʼ Ġeħova jfarraġni.
Illum, fl-età taʼ 83 sena nħares lura lejn it-63 sena li qattajt fis-servizz full-time. Għadni attiva fil-ministeru u qed nikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar u kuljum nuża l-opportunitajiet biex nitkellem dwar l-iskop meraviljuż taʼ Ġeħova. Kultant, ngħid, ‘Kif kienet tkun ħajti kieku ma bdejtx naqdi bħala pijuniera fl-1945?’ Lura dak iż-żmien, is-saħħa batuta li kelli kienet skuża valida biex ma nsirx pijuniera. Iżda, kemm jien grata li bdejt naqdi bħala pijuniera meta kont għadni żagħżugħa! Jien kelli l-privileġġ li nesperjenza personalment li jekk inpoġġu lil Ġeħova l-ewwel, hu se jkun is-saħħa tagħna.
[Noti taʼ taħt]
a Il-ktieb Salvation kien pubblikat fl-1939. Issa m’għadux jiġi stampat.
b Il-bijografija taʼ Ħuna Coville dehret f’The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1961.
[Stampa f’paġna 18]
Mal-missjunarja li qdiet miegħi, Astrid Anderson (lemin)
[Stampa f’paġna 18]
Fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar mar-raġel tiegħi, fl-1956
[Stampa f’paġna 20]
M’Allan fis-sena 2000