“It-Tjieba Tiegħek Aħjar mill-Ħajja”
Kif jirrakkonta Calvin H. Holmes
Kien ix-xahar taʼ Diċembru taʼ l-1930, u kont għadni kif spiċċajt naħleb il-baqar meta missieri ġie d-dar wara li kien żar lil wieħed ġar fil-viċin. “Dan il-ktieb silifuli Wyman,” qal hu hekk kif ħareġ pubblikazzjoni kulur blu minn ġol-but. Kien intitolat Deliverance, ippubblikat mill-Watch Tower Bible and Tract Society. Missieri, li rari kien jaqra xi ħaġa, qara dak il-ktieb sa tard bil-lejl.
IKTAR TARD, missieri ssellef kotba oħrajn, b’titli bħalma huma Light u Reconciliation, mill-istess pubblikaturi. Hu sab il-Bibbja qadima t’ommi u baqaʼ mqajjem sa tard bil-lejl biex jaqra fid-dawl taʼ lampa tal-pitrolju. Bidla kbira seħħet fuq missieri. Dik ix-xitwa tkellem għal sigħat sħaħ magħna—ommi, it-tliet ħuti bniet, u jien—hekk kif tgezzizna flimkien madwar il-kenur qadim tagħna.
Missieri qal li dawk li kienu qegħdin jippubblikaw dawn il-kotba kienu jissejħu Studenti tal-Bibbja u li, skond huma, konna qegħdin ngħixu fl-“aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Hu spjega li l-art ma kellhiex tinqered fl-aħħar tad-dinja imma li taħt is-Saltna t’Alla kellha tinbidel f’ġenna. (2 Pietru 3:5-7, 13; Apokalissi 21:3, 4) Dak kien jinstemaʼ tassew interessanti għalija.
Missieri beda jkellimni waqt li konna nkunu naħdmu flimkien. Niftakar li konna qegħdin inqaxxru l-qamħirrun meta spjega li l-isem t’Alla hu Jehovah. (Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]) B’hekk, matul ir-rebbiegħa taʼ l-1931, meta kelli biss 14-il sena, ħadt il-waqfa tiegħi favur Jehovah u s-Saltna tiegħu. Tlabt lil Jehovah fil-ġnien b’siġar qodma tat-tuffieħ li kellna wara d-dar u solennement wegħedtu li se naqdih għal dejjem. Qalbi kienet diġà ġiet imqanqla mill-qalb tajba bl-imħabba taʼ dak Alla tagħna taʼ l-għaġeb.—Salm 63:4 [Salm 63:3, NW].
Konna ngħixu f’razzett madwar 30 kilometru ’l bogħod minn St. Joseph, Missouri, fl-Amerka, u inqas minn 65 kilometru ’l bogħod minn Kansas City. Missieri twieled f’għarix taʼ l-injam li l-bużnannu kien bena fir-razzett fil-parti bikrija tas-seklu 19.
Taħriġ għall-Ministeru
Fis-sajf taʼ l-1931, il-familja tagħna semgħet fuq ir-radju t-taħdita pubblika “Is-Saltna, it-Tama tad-Dinja,” li Joseph Rutherford, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, kien ta f’konvenzjoni ġewwa Columbus, Ohio. Din qanqlitli qalbi, u ħadt gost nieħu sehem maʼ missieri f’li nqassam fost dawk li kienu midħla tagħna l-ktejjeb li kien fih din it-taħdita pubblika importanti.
Fir-rebbiegħa taʼ l-1932, attendejt l-ewwel laqgħa tiegħi tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-ġar tagħna stieden lil missieri u lili biex nisimgħu taħdita f’St. Joseph minn George Draper, indokratur li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Meta wasalna, il-laqgħa kienet waslet f’nofsha, u jien sibt post bil-qiegħda wara J. D. Dreyer, li kellu dahru miftuħ u b’saħħtu. Dan ir-raġel kien se jkollu rwol importanti f’ħajti.
F’Settembru taʼ l-1933, mort assemblea maʼ missieri ġewwa Kansas City, fejn ħadt sehem għall-ewwel darba fl-ippridkar pubbliku. Missieri tani tliet kotba żgħar u qalli biex ngħid: “Jien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u qiegħed nippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Bla dubju int smajtu lill-Imħallef Rutherford fuq ir-radju. It-taħditiet tiegħu jiġu mxandrin kull ġimgħa fuq iktar minn 300 stazzjon.” Imbagħad offrejt ktejjeb. Dik il-lejla, waqt li kont qiegħed naħleb il-baqar lura fir-razzett, għaddieli minn moħħi li dan kien l-iktar jum memorabbli taʼ ħajti.
Fi żmien qasir waslet ix-xitwa, u l-ivvjaġġar għalina kien limitat. Imma mbagħad żaruna Ħuna Dreyer u martu u staqsewni jekk ridtx immur id-dar tagħhom is-Sibt fil-għaxija u norqod għandhom. Il-mixja t’għaxar kilometri sad-dar tal-familja Dreyer kienet vallapena għaliex b’hekk l-għada stajt nakkumpanjahom fil-ministeru u mmur għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa f’St. Joseph. Minn dak in-nhar ’l hawn, rari mmissjajt li nieħu sehem fil-ministeru nhar taʼ Ħadd. It-taħriġ u l-pariri taʼ Ħuna Dreyer kienu imprezzabbli.
Fit-tnejn taʼ Settembru, 1935, fl-aħħarnett stajt nissimbolizza d-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma f’assemblea ġewwa Kansas City.
Il-Bidu taʼ Karriera Tul Ħajti Kollha
Kmieni fl-1936, applikajt biex naqdi bħala pijunier, jew ministru full-time, u ismi tpoġġa fuq il-lista taʼ dawk li kienu qegħdin ifittxu pijunier bi sħab. Ftit wara rċevejt ittra mingħand Edward Stead taʼ Arvada, Wyoming. Hu spjega li kien mixħut ġo wheelchair u kellu bżonn l-għajnuna biex jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Jien aċċettajt l-offerta tiegħu immedjatament u nħtart pijunier nhar it-18 t’April, 1936.
Qabel ma tlaqt biex nissieħeb maʼ Ħuna Stead, ommi kellmitni waħdi. “Ibni, ċert int li dan huwa dak li trid tagħmel?” staqsiet hi.
“Altrimenti l-ħajja tkun bla skop,” weġibt jien. Kont sirt napprezza li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hija iktar importanti minn kwalunkwe ħaġa oħra.
Ix-xogħol taʼ pijunier maʼ Ted, kif konna nsejħu lil Ħuna Stead, kien taħriġ eċċellenti. Hu kien mimli żelu u kellu mod li jiġbdek ferm taʼ kif jippreżenta l-messaġġ tas-Saltna. Imma dak kollu li Ted setaʼ jagħmel kien li jikteb u jitkellem; il-ġogi kollha tiegħu kienu miżmumin bl-artrite rewmatika. Kont inqum kmieni u naħslu u nqaxxarlu l-leħja, nipprepara l-kolazzjon, u nagħtih jiekol. Imbagħad kont inlibbsu u nlestih għas-servizz. Dak is-sajf għamilna x-xogħol taʼ pijunier f’Wyoming u f’Montana, u bil-lejl konna norqdu f’kamp. Ted kien jorqod fil-kabina speċjali mibnija fuq it-trakk pickup tiegħu, u jien kont norqod fl-art. Iktar tard dik is-sena tlaqt lejn in-Nofs in-Nhar biex nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier ġewwa Tennessee, Arkansas, u Mississippi.
F’Settembru 1937, attendejt l-ewwel konvenzjoni kbira tiegħi f’Columbus, Ohio. Hemmhekk saru xi arranġamenti biex ix-xogħol taʼ l-ippridkar jitmexxa bl-użu tal-fonografu. Kull darba li konna nużaw il-fonografu konna nsejħulha setup. F’xahar wieħed kelli ’l fuq minn 500 setup, u iktar minn 800 individwu taw widen. Wara li tajt xiehda f’ħafna bliet tal-Lvant taʼ Tennessee, Virginia, u West Virginia, ġejt mistieden biex naqdi bħala pijunier speċjali f’kariga ġdida, billi naħdem id f’id mal-qaddej taż-żona, bħalma kienu msejħin dak iż-żmien l-indokraturi li jivvjaġġaw.
Kont inżur lil kongregazzjonijiet u gruppi iżolati f’West Virginia—billi nqattaʼ minn ġimgħatejn sa erbaʼ ġimgħat maʼ kull waħda—u nieħu t-tmexxija fil-ministeru taʼ l-għalqa. Imbagħad, f’Jannar taʼ l-1941, ġejt maħtur qaddej taż-żona. Sa dak iż-żmien ommi u t-tliet ħuti bniet—Clara, Lois, u Ruth—kienu ħadu l-waqfa tagħhom favur is-Saltna. Għalhekk, il-familja kollha tagħna attendejna flimkien il-konvenzjoni l-kbira f’St. Louis dak is-sajf.
Ftit wara l-konvenzjoni, il-qaddejja taż-żona ġew avżati li x-xogħol taż-żona kellu jintemm fl-aħħar taʼ Novembru taʼ l-1941. Ix-xahar taʼ wara, l-Amerka daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Ġejt inkarigat fis-servizz taʼ pijunier speċjali, li kien jirrikjedi li wieħed iqattaʼ 175 siegħa kull xahar fil-ministeru.
Privileġġi Speċjali taʼ Servizz
F’Lulju taʼ l-1942, irċevejt ittra li kienet tistaqsi jekk kontx lest li naqdi barra l-pajjiż. Wara li rrispondejt fl-affermattiv, ġejt mistieden biex immur f’Betel, il-kwartieri ġenerali dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah, fi Brooklyn, New York. Madwar 20 ħu li ma kinux miżżewġin ġew imsejħin għal taħriġ speċjali fl-istess żmien.
Nathan H. Knorr, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, spjega li l-attività taʼ l-ippridkar kienet naqset u li aħna kellna niġu mħarrġin biex insaħħu spiritwalment lill-kongregazzjonijiet. “Ma rridux inkunu nafu biss x’hemm ħażin fil-kongregazzjoni,” qal hu, “imma xi tkunu għamiltu dwar din il-ħaġa.”
Waqt li konna f’Betel, Fred Franz, li sar president wara Ħuna Knorr fl-1977, ta taħdita li fiha qal: “It-Tieni Gwerra Dinjija se tispiċċa, u xogħol kbir taʼ ppridkar se jinfetaħ. Bla dubju miljuni għad iridu jinġabru ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah!” Dik it-taħdita bidlitli għalkollox il-ħarsa tiegħi. Meta ngħataw l-inkarigi, sirt naf li kelli nżur il-kongregazzjonijiet kollha fl-istati taʼ Tennessee u Kentucky. Konna msejħin qaddejja għall-aħwa, identifikazzjoni li minn dak in-nhar ’l hawn inbidlet għal indokratur tas-circuit.
Jien bdejt naqdi lill-kongregazzjonijiet nhar l-1 t’Ottubru, 1942, meta kien għad kelli 25 sena. Dak iż-żmien l-uniku mod kif wieħed setaʼ jasal għand xi kongregazzjonijiet kien bil-mixi jew fuq dahar iż-żiemel. Kultant kont norqod fl-istess kamra bħall-familja li tkun laqgħetni għandha.
Meta kont qiegħed naqdi lill-Kongregazzjoni taʼ Greeneville ġewwa Tennessee f’Lulju taʼ l-1943, irċevejt stedina biex nattendi t-tieni klassi tal-Watchtower Bible School taʼ Gilead. F’Gilead, tgħallimt x’ifisser verament li “nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna” u li dejjem ‘inħabirku fil-ħidma tal-Mulej.’ (Lhud 2:1; 1 Korintin 15:58) Il-ħames xhur tal-kors taʼ l-iskola għaddew qishom ħolma, u jum il-gradwazzjoni ġie nhar il-31 taʼ Jannar, 1944.
Il-Kanada u Lejn il-Belġju
Għadd minna konna assenjati biex immorru l-Kanada, fejn reċentement kienet tneħħiet il-projbizzjoni minn fuq l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah. Jien kont assenjat għax-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, li kien jitlob li wieħed jivvjaġġa distanzi kbar bejn xi kongregazzjonijiet. Jien u nivvjaġġa, kien taʼ ferħ li nismaʼ esperjenzi dwar kif ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar kien twettaq matul il-projbizzjoni fil-Kanada. (Atti 5:29) Ħafna rrakkontaw dwar l-hekk imsejjaħ blizz meta matul lejl wieħed, tħalla ktejjeb prattikament f’kull dar minn tarf sa tarf tal-Kanada. X’aħbar tajba kienet li f’Mejju taʼ l-1945 sirna nafu li l-gwerra fl-Ewropa kienet spiċċat!
Dak is-sajf, waqt li kont qiegħed naqdi lil kongregazzjoni fil-belt żgħira taʼ Osage, Saskatchewan, irċevejt ittra mingħand Ħuna Knorr, li kienet taqra hekk: “Qiegħed nestendilek il-privileġġ li tmur il-Belġju. . . . Hemm ħafna xogħol x’isir f’dak il-pajjiż. Hija art imfarrka bil-gwerra, u ħutna għandhom bżonn l-għajnuna, u tidher ħaġa tajba li nibagħtu lil xi ħadd mill-Amerka biex jagħtihom l-għajnuna u l-faraġ xierqa li jeħtieġu.” Jien weġibt immedjatament, billi aċċettajt l-inkarigu.
F’Novembru taʼ l-1945, kont fil-Betel taʼ Brooklyn nistudja l-Franċiż maʼ Charles Eicher, ħu minn Alsace imdaħħal fiż-żmien. Irċevejt ukoll xi taħriġ taʼ malajr f’dik li hi proċedura tal-fergħa. Qabel ma tlaqt għall-Ewropa, għamilt żjara qasira lill-familja tiegħi u lil ħbiebi f’St. Joseph, Missouri.
Nhar il-11 taʼ Diċembru, tlaqt minn New York fuq il-Queen Elizabeth, u erbat ijiem wara wasalt Southampton, l-Ingilterra. Qgħadt xahar fil-fergħa tal-Britannja, fejn irċevejt iżjed taħriġ. Wara dan, fil-15 taʼ Jannar, 1946, qsamt il-Kanal Ingliż u żbarkajt f’Ostend, il-Belġju. Minn hemmhekk mort bit-trejn lejn Brussell, fejn il-familja taʼ Betel kollha kemm hi ġiet tilqagħni fl-istazzjon tal-ferrovija.
Attività Miżjuda taʼ wara l-Gwerra
L-inkarigu tiegħi kien li nindokra x-xogħol tas-Saltna fil-Belġju, u madankollu lanqas biss kont nitkellem il-lingwa. F’madwar sitt xhur, kont naf biżżejjed Franċiż biex ninqeda. Kien privileġġ li naħdem maġenb dawk li kienu ssograw ħajjithom biex iwettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar matul ħames snin t’okkupazzjoni Nazista. Xi wħud minnhom kienu għadhom kif ġew meħlusin minn kampijiet taʼ konċentrament.
L-aħwa kienu ħerqanin biex jorganizzaw ix-xogħol u biex jitimgħu lil dawk li kellhom il-ġuħ għall-verità tal-Bibbja. Għalhekk saru xi arranġamenti biex jinżammu assembleat u biex indokraturi li jivvjaġġaw iżuru l-kongregazzjonijiet. Kellna wkoll żjarat inkuraġġanti minn Nathan Knorr, Milton Henschel, Fred Franz, Grant Suiter, u John Booth—kollha rappreżentanti mill-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn. F’dawk il-jiem bikrin, qdejt bħala indokratur tas-circuit, indokratur tad-distrett, u indokratur tal-fergħa. Nhar is-6 taʼ Diċembru, 1952, wara kważi sebaʼ snin taʼ servizz fil-Belġju, iżżewwiġt lil Emilia Vanopslaugh, li wkoll kienet taħdem fil-fergħa tal-Belġju.
Ftit xhur wara, nhar il-11 t’April, 1953, bagħtu għalija biex immur l-għassa tal-pulizija lokali u ġejt informat li l-preżenza tiegħi kienet perikoluża għas-sigurtà tal-Belġju. Mort il-Lussemburgu biex nistenna waqt li ressaqt appell għall-każ tiegħi għand il-Kunsill taʼ l-Istat.
Fi Frar taʼ l-1954 il-Kunsill taʼ l-Istat tal-Belġju appoġġja d-digriet li l-preżenza tiegħi kienet taʼ periklu għall-pajjiż. L-evidenza provduta kienet li minn mindu wasalt il-Belġju, l-għadd taʼ Xhieda fil-pajjiż kien żdied drammatikament—minn 804 fl-1946 għal 3,304 fl-1953—u li, bħala riżultat taʼ dan, is-sigurtà tal-Belġju kienet mhedda għaliex ħafna Xhieda żgħażagħ kienu qegħdin jieħdu waqfa soda favur in-newtralità Kristjana. B’hekk, Emilia u jien konna assenjati biex immorru l-Isvizzera, fejn bdejna naqdu fix-xogħol tas-circuit fis-sezzjoni taʼ dawk li jitkellmu bil-Franċiż.
L-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna—skola li tipprovdi taħriġ avanzat għal anzjani Kristjani—kienet stabbilita fl-1959 ġewwa South Lansing, New York. Jien kont mistieden biex immur hemmhekk ħalli nirċievi taħriġ sabiex ngħallem lil xi klassijiet taʼ din l-iskola fl-Ewropa. Waqt li kont fl-Istati Uniti, żort lill-familja tiegħi f’St. Joseph, Missouri. Hemmhekk rajt lill-għażiża ommi għall-aħħar darba. Mietet f’Jannar taʼ l-1962; missieri kien miet f’Ġunju taʼ l-1955.
L-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna f’Pariġi, Franza, bdiet f’Marzu taʼ l-1961, u Emilia akkumpanjatni. Indokraturi tad-distrett, indokraturi tas-circuit, indokraturi tal-kongregazzjonijiet, u pijunieri speċjali ġew għall-iskola minn Franza, il-Belġju, u l-Isvizzera. Matul l-14-il xahar taʼ wara, ikkonduċejt 12-il klassi taʼ dan il-kors t’erbaʼ ġimgħat. Sussegwentement, f’April taʼ l-1962, sirna nafu li Emilia kienet tqila.
Naġġustaw Ruħna għaċ-Ċirkostanzi
Aħna rritornajna lejn Ġinevra, l-Isvizzera, fejn kellna permessi bħala residenti permanenti. Madankollu, ma kienx faċli ssib post fejn toqgħod, għax kien hemm nuqqas kbir taʼ djar. Lanqas ma kien faċli ssib impjieg. Fl-aħħarnett sibt xogħol fi stabbiliment kbir tan-negozju fiċ-ċentru taʼ Ġinevra.
Kont qattajt 26 sena fil-ministeru full-time, u għalhekk iċ-ċirkostanzi mibdulin tagħna kienu jirrikjedu aġġustament ġmielu. Matul it-22 sena li ħdimt fl-istabbiliment tan-negozju u għent biex inrabbu liż-żewġt itfal bniet tagħna, Lois u Eunice, il-familja tagħna dejjem poġġiet l-interessi tas-Saltna l-ewwel. (Mattew 6:33) Wara li rtirajt mix-xogħol sekulari tiegħi fl-1985, bdejt naqdi bħala sostitut taʼ l-indokratur tas-circuit.
Is-saħħa taʼ Emilia kienet u għadha batuta ferm, imma tagħmel li tistaʼ fil-ministeru. Lois qdiet bħala pijuniera għal madwar għaxar snin. Xi ġrajja spiritwali memorabbli kienet li stajt ingawdi magħha dik il-konvenzjoni internazzjonali wisq taʼ l-għaġeb f’Moska matul is-sajf taʼ l-1993! Ftit taʼ żmien wara, meta kienet fuq btala ġewwa Senegal, l-Afrika, Lois tilfet ħajjitha waqt li kienet qiegħda tgħum fl-oċean. L-imħabba u l-qalb tajba taʼ ħutna Afrikani u tal-missjunarji kienu taʼ faraġ kbir għalija meta vvjaġġajt lejn is-Senegal biex nieħu ħsieb id-difna. Kemm inħares ’il quddiem biex nara lil Lois fl-irxoxt!—Ġwann 5:28, 29.
Jien grat li gawdejt l-appoġġ leali taʼ sieħba li tħobb għal iktar minn erbgħin sena. Tabilħaqq, minkejja l-weġgħat taʼ qalb u l-inkwiet tiegħi, il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah kienet u għadha ħelwa u tatni skop fil-ħajja. Qalbi tiġi mqanqla biex tipproklama rigward Alla tagħna, Jehovah, bil-kliem tas-salmista: “Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.”—Salm 63:4 [Salm 63:3, NW].
[Stampa f’paġna 26]
Aħna mexxejna x-xogħol taʼ l-ippridkar bil-fonografu
[Stampa f’paġna 26]
Il-ġenituri tiegħi fl-1936
[Stampa f’paġna 26]
Għoti taʼ xiehda fit-toroq ġewwa l-Belġju fl-1948