LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 1/1 pp. 12-16
  • Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Verità tal-​Bibbja Tidħol f’Darna
  • Oħrajn Għenuni Nagħmel Għażliet Tajbin
  • Nippridkaw Waqt Projbizzjoni
  • Ix-​Xogħol taʼ Pijunier, il-​Ħabsijiet, u l-​Assembleat
  • Gilgħad u Wara
  • Deċiżjonijiet u Inkarigi Ġodda
  • Inkomplu Naqdu Skond Ma Tippermetti l-​Età
  • Mgħallem Minn Jehovah sa Minn Żgħożiti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sebgħin Sena Naqbad Tarf il-Libsa taʼ Lhudi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Il-ministeru fultajm—⁠Fejn wassalni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • ‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 1/1 pp. 12-16

Bijografija

Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha

Kif rakkontata minn Paul Kushnir

FL-​1897 in-​nanniet tiegħi min-​naħa t’ommi emigraw lejn il-​Kanada mill-​Ukraina u marru joqogħdu qrib Yorkton, fis-​Saskatchewan. Huma waslu b’erbat itfal​—tliet subien u tifla. Fl-​1923, Marinka, din it-​tifla, saret ommi; jien kont is-​sebaʼ wild tagħha. Dak iż-​żmien il-​ħajja kienet sempliċi iżda trankwilla. Kellna ikel sustanzjuż u ħwejjeġ li jsaħħnu, u l-​gvern kien jipprovdi servizzi bażiċi. Ġirien taʼ qalbhom tajba kienu lesti li jgħinu lil xulxin fil-​ħsad jew f’xi proġetti taʼ bini. Matul ix-​xitwa taʼ l-​1925, ġie jżurna wieħed mill-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien. Din iż-​żjara qanqlitna biex nagħmlu għażliet li għalihom jien għadni grat sa llum.

Il-​Verità tal-​Bibbja Tidħol f’Darna

Ommi aċċettat xi kotba mingħand l-​Istudent tal-​Bibbja u ma damitx ma għarfet li din kienet il-​verità. Hi għamlet progress spiritwali malajr u tgħammdet fl-​1926. Meta ommi saret Studenta tal-​Bibbja, il-​familja tagħna kisbet ħarsa ġdida għalkollox lejn il-​ħajja. Darna saret post fejn tintwera l-​ospitalità. Indokraturi li jivvjaġġaw, li kienu jissejħu pellegrini, u Studenti tal-​Bibbja oħrajn spiss kienu joqogħdu għandna. Fl-​1928 indokratur li jivvjaġġa wriena l-​“Eureka Drama,” verżjoni simplifikata tal-​“Photo-Drama of Creation.” Hu ssellef mingħandna t-​tfal żrinġ tal-​logħob li kien jagħmel ħoss li jfaqqaʼ. Meta kien jagħfas iż-​żrinġ biex jagħmel il-​ħoss, kien ifisser li wasal il-​ħin biex nibdlu l-​istampa. Aħna t-​tfal konna verament kuntenti li setaʼ juża l-​ġugarell tagħna f’din id-​drama!

Indokratur li jivvjaġġa li kien jismu Emil Zarysky spiss kien jiġi jżurna bil-​karavan tiegħu. Kultant, ibnu li kien imfarfar kien jiġi miegħu u jinkuraġġixxi lilna t-​tfal biex naħsbu dwar li nsiru ministri full-time, jew pijunieri. Ħafna pijunieri wkoll kienu joqogħdu d-​dar tagħna. Darba minnhom, ommi sellfet qmis lil wieħed pijunier waqt li sewwietlu tiegħu. Meta telaq, bi żball ħadha miegħu. Ħafna żmien wara, bagħatha lura u talab skuża talli dam m’għamel dan. “Ma stajtx inħallas l-​għaxar ċenteżmi (tliet ċenteżmi Maltin) li kelli bżonn biex nibgħatha,” kiteb hu. Kemm xtaqna li żammha l-​qmis! Jien ittamajt li xi darba stajt nimita lil pijunieri bħal dawn li kellhom spirtu taʼ sagrifiċċju. Inħossni verament grat għall-​ispirtu ospitabbli li wriet ommi, li sebbħilna ħajjitna u kabbar l-​imħabba tagħna għall-​fratellanza.​—1 Pietru 4:​8, 9.

Missieri ma sarx Student tal-​Bibbja, madankollu ma kienx jopponina. Fl-​1930 hu saħansitra ppermetta lill-​aħwa jużaw il-​kamra taʼ l-​għodda tiegħu għal jum t’assemblea. Għalkemm kelli biss sebaʼ snin, il-​ferħ u d-​dinjità taʼ din l-​okkażjoni impressjonawni. Missieri miet fl-​1933. Ommi, li mbagħad kienet armla bi tmint itfal, baqgħet dejjem determinata biex iżżommna fit-​triq tal-​qima vera. Hi kienet tagħmel ċert li nattendi l-​laqgħat magħha. Dak iż-​żmien il-​laqgħat kienu jidhru twal u kont nixtieq li stajt ningħaqad mat-​tfal l-​oħrajn li kellhom il-​permess jilagħbu barra. Madankollu, b’rispett t’ommi kont nibqaʼ għal-​laqgħa. Meta ommi kienet tkun qed issajjar, spiss kienet tikkwota xi skrittura u mbagħad, tistaqsini fejn tinsab fil-​Bibbja. Fl-​1933 kellna ħsad tajjeb ħafna, u ommi użat il-​qligħ żejjed biex tixtri karozza. Xi ġirien ikkritikawha li kienet ħliet il-​flus, iżda hi ttamat li l-​karozza kienet se tgħinna fl-​attivitajiet teokratiċi tagħna. Kellha raġun.

Oħrajn Għenuni Nagħmel Għażliet Tajbin

Jiġi żmien meta persuna żagħżugħa jkollha tagħmel għażliet li se jeffettwawlha l-​futur. Meta wasal dan iż-​żmien għal Helen u Kay, ħuti l-​bniet akbar minni, huma bdew jaqdu bħala pijunieri. Pijunier li kien jieħu gost bl-​ospitalità f’darna kien John Jazewsky, raġel żagħżugħ mill-​aqwa. Ommi staqsiet lil John biex jibqaʼ għal ftit biex jgħin fix-​xogħol fir-​razzett. Iktar tard, John iżżewweġ lil Kay, u t-​tnejn qdew bħala pijunieri mhux ’il bogħod mid-​dar tagħna. Meta kelli 12-il sena stidnuni biex ningħaqad magħhom fis-​servizz taʼ l-​għalqa matul il-​vaganzi tiegħi taʼ l-​iskola. Dan tani l-​opportunità biex nesperjenza x-​xogħol taʼ pijunier.

Maż-żmien, jien u ħija John sa ċertu punt konna kapaċi mmexxu r-​razzett waħedna. Dan ippermetta lil ommi biex tuża x-​xhur tas-​sajf biex taqdi bħala pijuniera awżiljarja, kif tissejjaħ illum. Hi kienet tuża karettun b’żewġ roti miġbud minn żiemel xiħ. Missieri kien semma lil dan iż-​żiemel xiħ u stinat Saul, iżda għal ommi kien ħlejqa mansa li hi setgħet timmaniġġa. Jien u John konna nieħdu pjaċir ir-​razzett, iżda kull darba li ommi kienet tiġi d-​dar mis-​servizz taʼ l-​għalqa u tirrakkonta l-​esperjenzi tagħha, l-​imħabba tagħna bdiet titbiegħed iktar u iktar lil hinn mir-​razzett u tinġibed iktar lejn il-​ministeru taʼ pijunier. Fl-​1938, żidt fis-​servizz taʼ l-​għalqa, u tgħammidt fid-​9 taʼ Frar, 1940.

Ftit żmien wara nħtart bħala qaddej fil-​kongregazzjoni. Kont nieħu ħsieb ir-​rekords tal-​kongregazzjoni u kont nifraħ kulmeta kien ikun hemm sinjal taʼ żjieda. Kelli territorju għall-​ippridkar persunali f’raħal madwar 15-il kilometru ’l bogħod mid-​dar. Matul ix-​xitwa, jien kont nimxi sa dan ir-​raħal kull ġimgħa u norqod għal lejl jew tnejn fil-​kamra tal-​bejt taʼ dar taʼ familja li wriet interess fil-​Bibbja. Wara diskussjoni mal-​mexxej Luteran​—li matulha ma tantx użajt tattika—hu hedded li jċempel il-​pulizija jekk ma kontx se nħalli lill-​merħla tiegħu bi kwietha. Dan għamilni iżjed determinat biex inkompli għaddej.

Fl-1942 oħti Kay u żewġha John ippjanaw biex jattendu konvenzjoni fi Cleveland, Ohio, fl-​Istati Uniti. Kont ferħan ħafna li stidnuni mmur magħhom. Din il-​konvenzjoni kienet waħda mill-​aqwa affarijiet li qatt esperjenzajt. Din saħħet il-​pjanijiet tiegħi għall-​futur. Meta Ħuna Nathan Knorr, li dak iż-​żmien kien jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol taʼ madwar id-​dinja, ħareġ sejħa inkuraġġanti għal 10,000 pijunier, dak il-​ħin stess ħadt id-​deċiżjoni tiegħi li nkun wieħed minnhom!

F’Jannar taʼ l-​1943, Henry, ministru li jivvjaġġa, żar il-​kongregazzjoni tagħna. Hu ta taħdita inkuraġġanti u li mlietna bl-​entużjażmu. Il-​ġurnata taʼ wara t-​taħdita tiegħu, it-​temperatura kienet t’40 grad Celsius taħt iż-​żero, u riħ qawwi mill-​majjistral ġiegħel il-​ġurnata tinħass saħansitra iżjed kiesħa. Normalment konna nibqgħu ġewwa waqt xi mewġa taʼ kesħa bħal din, iżda Henry kien ħerqan biex joħroġ fuq is-​servizz. Hu u xi oħrajn rikbu fuq slitta miġbuda miż-​żwiemel u mgħammra b’tip taʼ kenur li jsaħħan bl-​injam, u marru lejn raħal ħdax-il kilometru ’l bogħod. Jien tlaqt waħdi biex inżur lil familja li kellhom ħames subien. Huma aċċettaw li nistudja l-​Bibbja magħhom, u maż-​żmien ħaddnu l-​verità.

Nippridkaw Waqt Projbizzjoni

Matul it-​tieni gwerra dinjija, ix-​xogħol tas-​Saltna kien projbit fil-​Kanada. Kellna nżommu l-​letteratura Biblika tagħna fejn ma tidhirx, u fir-​razzett kien hemm bosta moħbiet. Il-​pulizija spiss kienu jiġu jfittxu l-​letteratura iżda qatt ma sabu xejn. Meta konna nippridkaw, konna nużaw il-​Bibbja biss. Konna niltaqgħu fi gruppi żgħar, u jien u ħija John ġejna magħżulin biex nagħmlu xogħol taʼ messaġġiera bil-​moħbi.

Matul il-​gwerra, il-​kongregazzjoni tagħna ħadet sehem fit-​tqassim mal-​pajjiż kollu tal-​ktejjeb End of Nazism (It-Tmiem tan-​Naziżmu). Konna noħorġu f’nofs taʼ lejl. Kont nibżaʼ hekk kif konna navviċinaw kull dar mingħajr ma nagħtu fl-​għajn u nħallu ktejjeb fuq l-​għatba tal-​bieb. Kienet l-​iktar ħaġa tal-​biżaʼ li qatt għamilt. X’serħan ħassejna meta qassamna l-​aħħar kopja taʼ dan il-​ktejjeb! Imbagħad morna niġru lejn il-​karozza pparkjata, iċċekkjajna li kollha konna hemm, u għebna fis-​satra tal-​lejl.

Ix-​Xogħol taʼ Pijunier, il-​Ħabsijiet, u l-​Assembleat

Fl-​1 taʼ Mejju, 1943, sellimt lil ommi u tlaqt mid-​dar. B’20 dollaru (Lm6) fil-​kartiera u b’bagalja żgħira, irħejtha lejn l-​ewwel inkarigu tiegħi bħala pijunier. Ħuna Tom Troop u l-​familja kollha mħabba tiegħu li kienu joqogħdu fi Quill Lake, Saskatchewan, laqgħuni b’ospitalità. Is-​sena taʼ wara mort f’territorju iżolat f’Weyburn, Saskatchewan. Hekk kif kont qed nippriedka fit-​toroq fl-​24 taʼ Diċembru, 1944, ġejt arrestat. Wara li qattajt ftit żmien f’ħabs lokali, ittiħidt f’kamp f’Jasper, Alberta. Hemmhekk, kont maʼ xi Xhieda oħrajn, imdawwar bil-​kobor tal-​ħolqien taʼ Ġeħova, il-​muntanji Rocky tal-​Kanada. Kmieni fl-​1945, xi uffiċjali tal-​kamp ippermettewlna li nattendu laqgħa f’Edmonton, Alberta. Ħuna Knorr tana rapport eċċitanti dwar il-​progress tax-​xogħol madwar id-​dinja. Konna nixxennqu għal dik il-​ġurnata li tintemm is-​sentenza tagħna u għal darb’oħra jkollna sehem sħiħ fil-​ministeru.

Meta ġejt meħlus mill-​ħabs erġajt bdejt naqdi bħala pijunier. Ftit wara sar avviż li l-​Assemblea “All Nations Expansion” kellha tinżamm f’Los Angeles, Kalifornja. Ħu fl-​inkarigu l-​ġdid tiegħi bħala pijunier poġġa xi bankijiet fit-​trakk tiegħu ħalli jkun jistaʼ jesaʼ 20 passiġġier. Fl-​1 t’Awissu, 1947, għamilna vjaġġ memorabbli li ħadna 7,200 kilometru ’l bogħod u għaddejna minn meded t’art, deżerti, u xenarji maestużi, inkluż il-​parkijiet nazzjonali taʼ Yellowstone u Yosemite. Il-​vjaġġ kollu ħa 27 ġurnata​—esperjenza mill-​isbaħ!

Il-konvenzjoni nfisha kienet esperjenza mill-​isbaħ li qatt ma se ninsewha. Biex nibbenefika bis-​sħiħ minn din l-​okkażjoni, jien qdejt bħala attendant matul il-​ġurnata u bħala għassies matul il-​lejl. Wara li attendejt laqgħa għal dawk interessati fis-​servizz missjunarju, jien imlejt applikazzjoni iżda ma bsartx li se niġi aċċettat. Sadanittant, fl-​1948, wiġibt għas-​sejħa għal pijunieri biex jaqdu fil-​provinċja Kanadiża taʼ Quebec.​—Isaija 6:8.

Gilgħad u Wara

Fl-​1949, kont ferħan se ntir meta rċivejt stedina biex nattendi l-​14-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Dan it-​taħriġ saħħaħli l-​fidi u ressaqni eqreb lejn Ġeħova. John u Kay kienu diġà ggradwaw mill-​11-il klassi u kienu qed jaqdu bħala missjunarji fir-​Rodeżja taʼ Fuq (issa ż-​Żambja). Ħija John iggradwa minn Gilgħad fl-​1956. Flimkien maʼ martu Frieda, hu qeda fil-​Brażil għal 32 sena sakemm miet.

Fil-jum tal-​gradwazzjoni tiegħi, fi Frar taʼ l-​1950, jien ġejt inkuraġġit ħafna minn żewġ telegrammi, waħda mingħand ommi u l-​oħra mingħand il-​familja Troop fi Quill Lake. Din taʼ l-​aħħar, bit-​titlu “Parir lil Gradwat,” kienet tgħid hekk: “Dan huwa jum speċjali ħafna għalik. Jum li se tgħożż għal dejjem; u jalla jkollok suċċess u kuntentizza wkoll.”

Irċivejt inkarigu biex naqdi fil-​belt taʼ Quebec, iżda bqajt għal ftit fil-​Kingdom Farm, fl-​Istat taʼ New York, fejn dak iż-​żmien kienet issir l-​Iskola taʼ Gilgħad. Ġurnata minnhom, Ħuna Knorr staqsieni jekk kontx lest li mmur il-​Belġju. Madankollu, ftit ġranet wara, hu staqsieni jekk naċċettax inkarigu fl-​Olanda. Meta rċivejt l-​ittra taʼ l-​inkarigu, din kienet tgħid li kelli ‘nieħu ħsieb ix-​xogħol taʼ qaddej tal-​fergħa.’ Ħassejtni mifxul.

Fl-24 t’Awissu, 1950, irħejtha lejn l-​Olanda fuq vjaġġ taʼ 11-il ġurnata​—żmien biżżejjed biex naqra t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana li kienet għadha kemm ħarġet. Wasalt Rotterdam fil-​5 taʼ Settembru, 1950, fejn ngħatajt merħba mill-​qalb mill-​familja taʼ Betel. Minkejja l-​ħerba li ħalliet it-​tieni gwerra dinjija, l-​aħwa rnexxielhom jerġgħu jibdew l-​attivitajiet Kristjani. Jien u nismaʼ r-​rakkonti taʼ kemm żammew integrità waqt persekuzzjoni ħarxa, ħsibt li l-​prospett li jaqdu taħt id-​direzzjoni taʼ qaddej tal-​fergħa żagħżugħ u bla esperjenza setaʼ kien diffiċli għal dawk l-​aħwa. Madankollu, malajr sar evidenti li ma kellix għalfejn nibżaʼ.

M’għandniex xi ngħidu, xi kwistjonijiet kellhom bżonn l-​attenzjoni. Kont wasalt eżatt qabel konvenzjoni u bqajt impressjonat meta rajt l-​eluf taʼ delegati joqogħdu fil-​post fejn kienet qed issir il-​konvenzjoni. Għall-​konvenzjoni taʼ wara, jien issuġġerejt li nsibu akkomodazzjonijiet fi djar privati. L-​aħwa qalu li din kienet idea tajba ħafna​—iżda mhux għal pajjiżhom. Wara li rraġunajna fuq il-​kwistjoni, ilħaqna kompromess​—nofs id-​delegati kellhom joqogħdu fil-​post fejn kienet issir il-​konvenzjoni u n-​nofs l-​ieħor fid-​djar taʼ wħud li ma kinux Xhieda fil-​belt fejn kellha tinżamm il-​konvenzjoni. Peress li kont kemxejn kuntent bis-​suċċess, jien ġbidt l-​attenzjoni taʼ Ħuna Knorr lejn ir-​riżultati meta attenda l-​konvenzjoni. Madankollu, kwalunkwe sentiment taʼ suċċess malajr għab meta iktar tard qrajt rapport dwar il-​konvenzjoni tagħna fit-​Torri taʼ l-​Għassa, li kien jgħid: “Aħna nħossuna ċerti li d-​darba li jmiss l-​aħwa se jagħmlu arranġamenti u se jkunu fiduċjużi li se jiksbu akkomodazzjonijiet għal dawk li jattendu l-​konvenzjoni fl-​iktar post effettiv biex tingħata xiehda, fid-​djar tan-​nies.” Dan hu eżatt dak li għamilna ‘d-​darba li kien imiss’!

F’Lulju taʼ l-​1961, żewġ rappreżentanti taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tagħna ġew mistidnin jattendu laqgħa maʼ xi rappreżentanti oħrajn f’Londra. Ħuna Knorr ħabbar li n-​New World Translation of the Holy Scriptures kellha tkun disponibbli f’iktar lingwi, inkluż l-​Olandiż. Kemm kienet eċċitanti din l-​aħbar! Fortunatament ma kellniex idea dwar il-​kobor tal-​proġett. Sentejn wara, fl-​1963, kelli l-​pjaċir nieħu sehem fi programm taʼ konvenzjoni fi New York li matulu ħarġet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bl-​Olandiż.

Deċiżjonijiet u Inkarigi Ġodda

F’Awissu taʼ l-​1961 iżżewwiġt lil Leida Wamelink. Il-​familja kollha tagħha kienet aċċettat il-​verità fl-​1942 matul iż-​żmien tal-​persekuzzjoni min-​Nazi. Leida bdiet taqdi bħala pijuniera fl-​1950 u daħlet taqdi f’Betel fl-​1953. Il-​mod li bih ħadmet f’Betel u fil-​kongregazzjoni wrieni li hi kellha tkun sieħba leali fil-​ministeru tiegħi.

Ftit iktar minn sena wara li żżewwiġna, ġejt mistieden immur Brooklyn għal kors t’għaxar xhur għal iktar taħriġ. Dak iż-​żmien ma kienu jsiru l-​ebda arranġamenti għan-​nisa biex jakkumpanjaw lil żwieġhom. Għalkemm saħħitha ma kinitx tajba, Leida bi mħabba qablet li kelli naċċetta l-​istedina. Iktar tard, il-​problemi taʼ saħħet Leida ggravaw. Ipprovajna nkomplu b’xogħolna f’Betel iżda fl-​aħħar iddeċidejna li jkun iżjed prattiku li nkomplu fis-​servizz full-time fil-​ministeru. Għalhekk, bdejna naqdu fil-​ministeru taʼ l-​ivvjaġġar. Ftit wara dan, marti kellha tagħmel operazzjoni serja. Bl-​appoġġ kollu mħabba taʼ l-​aħwa Kristjani, aħna stajna nkampaw mas-​sitwazzjoni, u sena wara stajna anki naċċettaw inkarigu biex naqdu fix-​xogħol tad-​distrett.

Aħna gawdejna sebaʼ snin taʼ servizz inkuraġġanti fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar. Imbagħad, kellna nieħdu deċiżjoni importanti għal darb’oħra meta ġejt mistieden biex ngħallem l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna f’Betel. Aħna aċċettajna, għalkemm kienet bidla diffiċli, minħabba li konna nħobbu l-​ministeru taʼ l-​ivvjaġġar. Is-​47 klassi taʼ l-​iskola, li kull waħda kienet iddum ġimagħtejn, ipprovdew opportunità mill-​aqwa biex naqsmu barkiet spiritwali maʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni.

Matul dak iż-​żmien kont qed nipprepara biex immur inżur lil ommi fl-​1978. Iżda għal għarrieda, fid-​29 t’April, 1977, irċivejt telegramma li informatni li ommi kienet mietet. Bqajt imnikket ferm meta rrealizzajt li ma kontx se nerġaʼ nismaʼ l-​leħen ħelu tagħha, jew ngħidilha għal darb’oħra kemm kont grat għal dak kollu li kienet għamlet miegħi.

Fil-konklużjoni tal-​kors taʼ l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna ġejna mitlubin biex insiru membri tal-​familja Betel. Fis-​snin taʼ wara, jien qdejt għal għaxar snin bħala koordinatur fil-​Kumitat tal-​Fergħa. Maż-​żmien, il-​Ġemgħa li Tiggverna ħatret koordinatur ġdid, li setaʼ iktar iġorr ir-​responsabbiltà. Jien verament grat għal dan.

Inkomplu Naqdu Skond Ma Tippermetti l-​Età

Kemm jien u kemm Leida issa għandna 83 sena. Jien gawdejt iktar minn 60 sena fis-​servizz full-time, l-​aħħar 45 sena mal-​mara leali tiegħi. Hi ħarset lejn l-​appoġġ tagħha għalija fl-​inkarigi kollha tagħna bħala parti mis-​servizz dedikat tagħha lil Ġeħova. Bħalissa aħna nagħmlu li nistgħu fil-​Betel u fil-​kongregazzjoni.​—Isaija 46:4.

Minn żmien għal żmien, aħna nieħdu pjaċir niftakru xi ġrajjiet li spikkaw f’ħajjitna. M’għandna l-​ebda dispjaċir dwar dak li għamilna fis-​servizz taʼ Ġeħova, u aħna konvinti li l-​għażliet li għamilna kmieni fil-​ħajja kienu l-​aqwa li stajna nagħmlu. Aħna determinati li nkomplu naqdu u nonoraw lil Ġeħova b’saħħitna kollha.

[Stampa f’paġna 13]

Maʼ Bill, ħija akbar minni, u Saul, iż-​żiemel tagħna

[Stampa f’paġna 15]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna, f’Awissu taʼ l-​1961

[Stampa f’paġna 15]

Maʼ Leida llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja