LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/1 pp. 20-24
  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitgħallmu l-​Verità tal-​Bibbja
  • Jaġixxu fuq Dak li Tgħallmu
  • Jgħallmuna l-​Verità
  • Jinqalaʼ Rvell f’Selma
  • Fl-​Iskola Missjunarja taʼ Gilgħad
  • Is-​Servizz Missjunarju mal-​Ġenituri Tiegħi
  • Nieħdu Ħsieb il-​Ġenituri Tagħna
  • Jekk ġenitur ikun marid
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Missieri Għala Telaqna?
    Stenbaħ!—2000
  • Meta l-​ulied jitnikktu minħabba mewt
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/1 pp. 20-24

Il-​Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla

KIF RAKKONTAT MINN ELIZABETH TRACY

Xi rġiel armati, li iktar kmieni dakinhar ħolqu rvell kontrina, ħarġu bil-​forza lil ommi u lil missieri mill-​karozza. Lili u lil oħti, ħallewna waħedna fis-​seat taʼ wara, u bdejna nitħassbu jekk qatt xi darba konna se nerġgħu naraw lill-​ġenituri tagħna. X’kien li wassal għal din l-​esperjenza tal-​biżaʼ viċin Selma, l-​Alabama, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka, fl-​1941? U dan, x’kellu x’jaqsam mat-​tagħlim li rċivejna mill-​ġenituri tagħna?

MISSIERI, Dewey Fountain, ġie mrobbi minn oħtu u r-​raġel tagħha f’razzett f’Texas wara li mietu l-​ġenituri tiegħu meta kien għadu żgħir. Iktar tard, hu mar jaħdem fl-​artijiet fejn hemm iż-​żejt. Fl-​1922, meta kellu 23 sena, iżżewweġ lil Winnie, żagħżugħa gustuża minn Texas, u beda jaħseb sabiex jissetilja u jrabbi familja.

Hu bena dar fl-​artijiet kollhom siġar li jagħtu l-​injam, fil-​lvant taʼ Texas ħdejn il-​belt żgħira taʼ Garrison. Hemmhekk ikkultiva varjetà taʼ prodotti, inkluż it-​tajjar u l-​qamħirrum. Hu rabba wkoll kull tip t’annimal li jgħix fir-​razzett. Maż-​żmien, twelidna aħna t-​tfal—Dewey f’Mejju taʼ l-​1924, Edwena f’Diċembru taʼ l-​1925, u mbagħad jien f’Ġunju taʼ l-​1929.

Nitgħallmu l-​Verità tal-​Bibbja

Ommi u missieri kienu jaħsbu li kienu jifhmuha l-​Bibbja, ladarba kienu membri taċ-​Church of Christ. Imma fl-​1932, G. W. Cook ħalla l-​kotba Deliverance u Government, pubblikati mill-​Watch Tower Society, maʼ Monroe Fountain, ħu missieri. Ħerqan li jaqsam mal-​ġenituri tiegħi dak li kien qed jitgħallem, Monroe taʼ spiss kien jiġi għandna fil-​ħin tal-​kolazzjon, jaqra artiklu mit-​Torri taʼ l-​Għassa, u mbagħad “inċidentalment” iħalli r-​rivista warajh. Wara, ommi u missieri kienu jaqrawha.

Darba waħda l-​Ħadd fil-​għodu, iz-​ziju Monroe stieden lil missieri f’dar taʼ wieħed ġar għal studju tal-​Bibbja. Hu assigurah li s-​Sur Cook setaʼ jwieġeb il-​mistoqsijiet kollha li kellu minn fuq il-​Bibbja. Malli missieri ġie lura mill-​istudju, hu b’eċċitament qal lill-​familja: “Il-​mistoqsijiet tiegħi kollha ġew imweġbin u anki iżjed minn hekk! Jien ħsibt li kont naf kollox, imma meta s-​Sur Cook beda jispjega dwar l-​infern, ir-​ruħ, l-​iskop t’Alla rigward l-​art, u kif is-​Saltna t’Alla se twettaq dan, bdejt inħossni li attwalment ma kont naf xejn dwar il-​Bibbja!”

Id-​dar tagħna kienet speċi taʼ ċentru soċjali. Kienu jiġu l-​qraba u l-​ħbieb iżuruna, jagħmlu l-​ħelu u l-​popcorn, u jkantaw flimkien m’ommi waqt li hi ddoqq il-​pjanu. Bil-​mod il-​mod dawn il-​ġrajjiet inbidlu f’diskussjonijiet dwar suġġetti Bibliċi. Għalkemm aħna t-​tfal ma stajniex nifhmu l-​affarijiet kollha li kienu jiġu diskussi, l-​imħabba kbira tal-​ġenituri tagħna lejn Alla u lejn il-​Bibbja kienet tant evidenti li kull wieħed minna żviluppa mħabba simili lejn Alla u lejn il-​Kelma tiegħu.

Familji oħrajn ukoll fetħu djarhom għal diskussjonijiet fuq il-​Bibbja taʼ kull ġimgħa, li normalment kienu jkunu bbażati fuq suġġett mill-​aħħar ħarġa tar-​rivista Torri taʼ l-​Għassa. Meta xi familji fl-​ibliet taʼ ħdejna, Appleby u Nacogdoches, kien ikollhom il-​laqgħat għandhom, aħna konna niddeffsu fil-​Ford tagħna Model A u mmorru għandhom, xemx u xita.

Jaġixxu fuq Dak li Tgħallmu

Ma damux ħafna l-​ġenituri tagħna biex jaraw il-​bżonn li jaġixxu. L-​imħabba t’Alla kienet tirrikjedi li dak li wieħed jitgħallem irid jaqsmu m’oħrajn. (Atti 20:35) Imma dan il-​pass li mmorru nagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-​fidi tagħna kien taʼ sfida, speċjalment ladarba l-​ġenituri tagħna kienu nies mistħijin u umlin minnhom infushom. Madankollu, l-​imħabba tagħhom lejn Alla qanqlithom, u din għenithom jgħallmu lilna biex inpoġġu fiduċja sħiħa f’Jehovah. Missieri esprimieha b’dan il-​mod: “Jehovah qed jagħmel predikaturi mill-​bdiewa!” Fl-​1933, ommi u missieri ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah permezz tal-​magħmudija taʼ l-​ilma f’għadira ħdejn Henderson, Texas.

Kmieni fl-​1935, missieri kiteb lill-​Watch Tower Society u staqsa diversi mistoqsijiet rigward it-​tama Kristjana taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 14:2; 2 Timotju 2:11, 12; Apokalissi 14:1, 3; 20:6) Hu rċieva risposta direttament mingħand Joseph F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien il-​president tas-​Soċjetà. Minflok ma wieġeb il-​mistoqsijiet tiegħu, Ħuna Rutherford stieden lil missieri biex jattendi l-​konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Washington, D.C., li kellha ssir f’Mejju.

‘Ma jistax ikun!’ ħaseb missieri. ‘Aħna bdiewa b’234 tomna rabaʼ miżrugħin bil-​ħxejjex. Dan kollu jrid jinħasad u jittieħed il-​pitkalija mill-​ewwel.’ Madankollu, ftit wara għamel għargħar u kaxkar kollox miegħu—l-​uċuħ tar-​rabaʼ, iċ-​ċnut taʼ l-​injam, u l-​pontijiet. Għalhekk, ngħaqadna maʼ Xhieda oħrajn fuq private taʼ l-​iskola mikrija li ħaditna 1,600 kilometru lejn il-​grigal għall-​konvenzjoni.

Fil-konvenzjoni missieri u ommi kienu ferħanin għall-​aħħar bl-​ispjegazzjoni ċara taʼ l-​identità tal-​“kotra kbira” li se jsalvaw minn “tiġriba kbira.” (Rivelazzjoni 7:9, 14, Karm Żammit) Għall-​kumplament taʼ ħajjithom, it-​tama taʼ ħajja eterna fuq art magħmula ġenna qanqlet lil ommi u lil missieri, u huma inkuraġġew lilna t-​tfal biex ‘niksbu qabda soda fuq il-​vera ħajja,’ li għalina kienet tfisser il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art li Jehovah qed joffri. (1 Timotju 6:19, New World Translation; Salm 37:29; Apokalissi 21:3, 4) Għalkemm kelli biss ħames snin, kont tassew ferħana li kont mal-​familja tiegħi f’din il-​ġrajja taʼ ferħ.

Wara li rritornat mill-​konvenzjoni, il-​familja żergħet mill-​ġdid il-​prodotti, u iktar tard kellna l-​iktar ħsad abbundanti li qatt kellna. Dan żgur għen biex ommi u missieri jikkonvinċu ruħhom li jekk ipoġġu fiduċja sħiħa f’Jehovah żgur li kienu se jiġu mberkin. Huma bdew għamla speċjali tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar fejn it-​tnejn li huma qablu li jqattgħu 52 siegħa kull xahar fil-​ministeru. U mbagħad, meta reġaʼ wasal l-​istaġun taż-​żrigħ, biegħu kollox—sa l-​inqas ħaġa! Missieri bena karavan taʼ 6 metri tul u 2.4 metri wisaʼ sabiex il-​ħamsa li konna ngħixu fih, u xtara karozza Ford ġdida fjamanta b’żewġ bibien biex ikun jistaʼ jiġbdu biha. Iz-​ziju Monroe għamel l-​istess, u hu wkoll mar jgħix f’karavan mal-​familja tiegħu.

Jgħallmuna l-​Verità

Missieri u ommi bdew ix-​xogħol taʼ pijunier, kif jissejħu l-​ministri full-time, f’Ottubru taʼ l-​1936. Bħala familja, bdejna nippridkaw f’kontej fil-​lvant taʼ Texas fejn hemmhekk rari kien jiġi pridkat il-​messaġġ tas-​Saltna. Għal kważi sena, morna minn post għal ieħor, imma meta tqis kollox, konna tassew ferħanin f’din il-​ħajja. Ommi u missieri għallmuna bil-​kliem u bl-​eżempju tagħhom biex inkunu bħall-​Kristjani bikrin li ddedikaw lilhom infushom biex jaqsmu l-​verità tal-​Bibbja m’oħrajn.

Aħna t-​tfal ammirajna speċjalment lil ommi għas-​sagrifiċċji li għamlet li telqet darha. Iżda kien hemm xi ħaġa li ma kinitx se tinfired minnha, il-​magna tal-​ħjata tagħha. Kienet xi ħaġa għaqlija wkoll. Bil-​kapaċità tagħha bħala ħajjata, hi dejjem żammitna mlibbsin tajjeb. F’kull konvenzjoni, kien ikollna lbiesi ġodda u attraenti x’nilbsu.

Għadni niftakar sew meta Herman G. Henschel ġie mal-​familja tiegħu fl-​inħawi tagħna bi trakk tal-​Watch Tower Society mgħammar bil-​loudspeakers. Kienu jipparkjaw it-​trakk f’naħa fejn kienu joqogħdu ħafna nies, isemmgħu diskors qasir irrekordjat, u mbagħad jagħmlu żjajjar persunali għand in-​nies sabiex jipprovdu iktar tagħrif. Dewey kien jieħu pjaċir bil-​kumpanija taʼ Milton, it-​tifel taʼ Herman, li dak iż-​żmien kien f’nofs is-​snin taʼ l-​adolexxenza tiegħu. Issa Milton huwa l-​president tal-​Watch Tower Society.

Matul il-​konvenzjoni taʼ l-​1937 f’Columbus, Ohio, Edwena tgħammdet, u ommi u missieri ġew offruti l-​privileġġ li jaqdu bħala pijunieri speċjali. F’dak iż-​żmien, ix-​xogħol kien jinvolvi li wieħed iqattaʼ għallinqas 200 siegħa kull xahar fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Hekk kif inħares lura nirrealizza kemm l-​eżempju mill-​aħjar t’ommi għenni f’li nappoġġa lil żewġi fl-​inkarigi Kristjani tiegħu.

Meta missieri kien ikollu xi studju tal-​Bibbja maʼ xi familja, kien jieħu lilna t-​tfal miegħu sabiex nagħtu eżempju pożittiv lil uliedhom. Kien iħallina nfittxu u naqraw l-​iskritturi u nwieġbu xi mistoqsijiet bażiċi. Bħala riżultat, ħafna minn dawk iż-​żgħażagħ li konna nistudjaw magħhom għadhom qed jaqdu lil Jehovah lealment sal-​lum. Tabilħaqq, ġie mħejji pedament sod għalina wkoll biex nibqgħu nħobbu lil Alla.

Hekk kif Dewey kompla jikber, sabha diffiċli li jgħix f’post daqshekk marsus maʼ żewġ ħutu bniet iżgħar. Għalhekk, fl-​1940 għażel li jitlaq u jibda l-​ministeru taʼ pijunier maʼ Xhud ieħor. Eventwalment, iżżewweġ lil Audrey Barron. B’hekk, Audrey ġiet ukoll mgħallma ħafna affarijiet mill-​ġenituri tagħna, u saret tħobbhom ħafna lil ommi u lil missieri. Wara li Dewey mar il-​ħabs fl-​1944 minħabba n-​newtralità Kristjana, hi ġiet toqgħod magħna għal xi żmien fil-​karavan għalkemm konna marsusin.

Fil-​konvenzjoni enormi f’St. Louis, il-​Missouri, fl-​1941, Ħuna Rutherford kellem direttament lit-​tfal taʼ bejn il-​5 u t-​18-il sena, li kienu bil-​qegħda f’sessjoni speċjali fuq quddiem. Jien u Edwena tajna widen għall-​vuċi kalma u ċara tiegħu; kien bħal missier kollu mħabba li qed jistruwixxi lil uliedu stess id-​dar. Hu inkuraġġixxa lill-​ġenituri: “Illum Kristu Ġesù ġabar il-​poplu tal-​patt tiegħu quddiemu, u bl-​iktar mod konvinċenti qed jgħidilhom biex jistruwixxu lil uliedhom fit-​triq tat-​tjieba.” Hu żied: “Żommuhom id-​dar u għallmuhom intom stess il-​verità!” B’ferħ, il-​ġenituri tagħna hekk għamlu!

F’dik il-​konvenzjoni, irċivejna l-​ktejjeb ġdid Jehovah’s Servants Defended, li rreveda l-​kawżi fil-​qorti li kienu rebħu x-​Xhieda taʼ Jehovah, inkluż dawk fil-​Qorti Suprema taʼ l-​Istati Uniti. Missieri studjah magħna bħala familja. Fejn qatt bsarna li konna qed niġu preparati għal dak li ġara ftit ġimgħat wara f’Selma, l-​Alabama.

Jinqalaʼ Rvell f’Selma

L-​għodwa taʼ dik l-​esperjenza tal-​biżaʼ, missieri kien ta kopji taʼ ittra lix-​xeriff, lis-​sindku, u lill-​kap tal-​pulizija f’Selma li kienet tiddeskrivi d-​dritt kostituzzjonali tagħna biex inkomplu l-​ministeru tagħna taħt il-​protezzjoni tal-​liġi. Madankollu, dawn iddeċidew li jġagħluna nitilqu mill-​belt.

Tard wara nofsinhar ħamest irġiel armati ġew fil-​karavan tagħna u ħadu lili, lil ommi, u lil oħti bħala ostaġġi. Imbagħad bdew ifittxu bir-​reqqa ġewwa, biex jaraw isibux xi ħaġa li biha setgħu jeqirduna. Missieri kien barra, u qabbduh jorbot il-​karavan mal-​karozza waqt li ppontaw l-​ixkubetti lejh. F’dak il-​mument, jien ma kontx qed nibżaʼ. Tant rajnieha xi ħaġa ridikola li dawn l-​irġiel ħasbu li konna perikolużi li jien u oħti bdejna nidħqu qisna boloh. Madankollu, malajr isserjajna b’daqqa t’għajn mingħand missieri.

Meta konna lesti biex nitilqu, dawk l-​irġiel riedu lili u lil Edwena nirkbu fil-​karozza magħhom. Missieri baqaʼ jżomm iebes. “Lanqas jekk toqtluni!” hu ddikjara. Wara xi ftit tad-​diskussjoni l-​familja tagħna tħalliet tivvjaġġa flimkien, bl-​irġiel armati jsegwuna bil-​karozza tagħhom. Meta konna xi 25 kilometru ’l barra mill-​belt, għamlulna s-​sinjal biex nipparkjaw fil-​ġenb tat-​triq u ħadu lil ommi u lil missieri. Wieħed wara l-​ieħor bdew jipprovaw jipperswaduhom: “Itilqu dik ir-​reliġjon. Morru lura fir-​razzett, u rabbu lil uliedkom sew!” Missieri pprova jirraġuna magħhom imma kien kollu għal xejn.

Fl-aħħar, wieħed minnhom qal: “Morru, u jekk terġgħu tiġu lura lejn il-​Kontea taʼ Dallas, noqtlukom kollha!”

B’moħħna mistrieħ u flimkien mill-​ġdid, ivvjaġġajna għal diversi sigħat u mbagħad ipparkjajna għal-​lejl. Konna ħadna n-​numru tal-​pjanċa tal-​karozza tagħhom. Missieri rrapporta kollox minnufih lill-​Watch Tower Society, u ftit xhur wara l-​irġiel ġew identifikati u arrestati.

Fl-​Iskola Missjunarja taʼ Gilgħad

Fl-​1946, Edwena rċiviet stedina biex tattendi s-​7 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) f’South Lansing, New York. Albert Schroeder, wieħed mill-​għalliema, semma l-​kwalitajiet mill-​aħjar tagħha maʼ Bill Elrod, li qabel kien pijunier miegħu u li f’dak iż-​żmien kien qed jaqdi f’Betel, il-​kwartieri ġenerali dinjin tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Brooklyn, New York.a Edwena u Bill ġew preżentati lil xulxin, u madwar sena wara l-​gradwazzjoni tagħha minn Gilgħad, iżżewġu. Għal ħafna snin baqgħu fil-​ministeru full-time, inkluż li jaqdu flimkien għal ħames snin f’Betel. Imbagħad, darba waħda fl-​1959, Ħuna Schroeder ħabbar lill-​34 klassi taʼ Gilgħad li l-​għażiż ħabib tiegħu kien sar missier taʼ tewmin, tifel u tifla.

Waqt li kont qed naqdi mal-​ġenituri tiegħi f’Meridian, Mississippi, lejn l-​aħħar taʼ l-​1947, it-​tlieta li aħna rċivejna stedina biex nattendu l-​11-il klassi taʼ Gilgħad. Aħna bqajna mistagħġbin għax skond ir-​rikjesti jien kont għadni żgħira ħafna, u ommi u missieri kienu kbar fl-​età. Imma kienet saret eċċezzjoni, u rċivejna dak il-​privileġġ mhux mistħoqq taʼ istruzzjoni avanzata tal-​Bibbja.

Is-​Servizz Missjunarju mal-​Ġenituri Tiegħi

L-​inkarigu missjunarju tagħna kien il-​Kolombja, fl-​Amerka t’Isfel. Madankollu, ma kienx qabel Diċembru taʼ l-​1949, iktar minn sena wara l-​gradwazzjoni tagħna, li wasalna f’Bogotá f’dar missjunarja fejn diġà kienu qed jgħixu tlieta oħra. Għall-​ewwel, missieri kważi kkonkluda li jkun iktar faċli li tgħallem lin-​nies il-​lingwa Ingliża milli hu jitgħallem l-​Ispanjol! Iva, kellna provi, imma kemm kienu kbar il-​barkiet! Kien hemm inqas minn mitt Xhud fil-​Kolombja fl-​1949, imma issa hemm ’il fuq sew minn 100,000!

Wara li qdejna f’Bogotá għal ħames snin, ommi u missieri ntbagħtu lejn il-​belt taʼ Cali. Sadanittant, fl-​1952, jien iżżewwiġt lil Robert Tracy, li kien missjunarju magħna fil-​Kolombja.b Bqajna fil-​Kolombja sa l-​1982, għax imbagħad ġejna inkarigati naqdu fil-​Messiku, fejn għadna sal-​lum. Eventwalment, fl-​1968, il-​ġenituri tiegħi kellhom jirritornaw lejn l-​Istati Uniti minħabba kura medika. Wara li reġgħu ħadu saħħithom, huma baqgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali ħdejn Mobile, l-​Alabama.

Nieħdu Ħsieb il-​Ġenituri Tagħna

Hekk kif is-​snin komplew igerbu, ommi u missieri bdew ibattu u kellhom bżonn taʼ iktar appoġġ u attenzjoni. Fuq talba tagħhom, ġew inkarigati li jaqdu ħdejn Edwena u Bill f’Ateni, l-​Alabama. Iktar tard ħuna, Dewey, ħaseb li jkun għaqli li l-​familja tgħix eqreb taʼ xulxin fis-​South Carolina. Għalhekk Bill ġab il-​familja tiegħu lejn Greenwood, flimkien m’ommi u maʼ missieri. Dan l-​arranġament kollu mħabba għamilha possibbli għalija u għal Robert biex inkomplu fis-​servizz missjunarju tagħna fil-​Kolombja, billi konna nafu li l-​ġenituri tiegħi kienu qed jingħataw l-​għajnuna meħtieġa.

Imbagħad, fl-​1985, missieri tagħtu puplesija li ħallietu mutu u fis-​sodda. Inġbarna flimkien bħala familja biex niddiskutu u nikkunsidraw liema kien l-​aħjar mod li bih nistgħu nieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħna. Ġie deċiż li Audrey tkun taʼ l-​ewwel li tieħu ħsieb lil missieri, u li l-​aħjar mod li jien u Robert stajna ngħinu kien li nibagħtu ittra kull ġimgħa b’esperjenzi inkuraġġanti u nżuruhom spiss kemm jistaʼ jkun.

L-aħħar żjara tiegħi lil missieri għadha ħajja f’moħħi. Kien għadu mhux kapaċi jitkellem b’mod normali u ċar, imma wara li għednielu li konna se nirritornaw lejn il-​Messiku, b’xi mod jew ieħor lissen, bi sforz u emozzjoni kbira, kelma waħda, “Adios!” B’dan konna nafu li f’qalbu kien qed jappoġġa d-​deċiżjoni tagħna sabiex inkomplu fl-​inkarigu missjunarju tagħna. Hu miet f’Lulju taʼ l-​1987, u ommi mietet disaʼ xhur wara.

Ittra li rċivejt mingħand oħti li romlot tesprimi sew l-​apprezzament li kull wieħed u waħda minna nħossu lejn il-​ġenituri tagħna. “Jien ngħożż il-​wirt Kristjan għani tiegħi u qatt ma nħoss, lanqas għal mument wieħed, li kont inkun iktar ferħana li kieku l-​ġenituri tagħna għażlu li jrabbuna b’mod differenti. L-​eżempju tagħhom taʼ fidi qawwija, taʼ sagrifikar tagħhom infushom, u fiduċja sħiħa f’Jehovah għenni nissaporti mumenti koroh f’ħajti.” Edwena kkonkludiet: “Jien nirringrazzja lil Jehovah għal ġenituri li bil-​kliem u bl-​eżempju wrewna l-​ferħ li jistaʼ jkollna jekk nibbażaw ħajjitna fuq li naqdu lil Alla tagħna kollu mħabba, Jehovah.”

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1988, paġni 11-12.

b Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1960, paġni 189-91.

[Stampi f’paġni 22, 23]

Il-​familja Fountain: (mix-xellug għal-​lemin) Dewey, Edwena, Winnie, Elizabeth, Dewey t-​tifel; lemin: Elizabeth u Dewey fuq quddiemnett tat-​trakk taʼ Henschel mgħammar bil-​loudspeakers (1937); isfel lemin: Elizabeth taʼ 16-il sena tagħmel ix-​xogħol bil-​kartelluni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja