LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 12/8 pp. 13-15
  • Missieri Għala Telaqna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Missieri Għala Telaqna?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Jibqgħu Siekta
  • Egħleb ir-​Rabja Billi Tikseb l-​Għaqal
  • M’Huwiex it-​Tort Tiegħek
  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-Ġenituri Tiegħi?
    Stenbaħ!—2010
  • X’Se Nagħmel Issa li Missieri Telaqna?
    Stenbaħ!—2001
  • Jekk ġenitur ikun marid
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 12/8 pp. 13-15

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Missieri Għala Telaqna?

“Qatt ma stajt nifhem eżatt għala missieri telaq. Kulma kont naf kien dak li kienet qaltli ommi.”​—James.a

META missier jippakkja kollox u jitlaq mid-​dar, taʼ spiss iħalli warajh atmosfera kerha taʼ wġigħ u niket. “Kont imdejjaq għall-​aħħar meta ommi u missieri ddivorzjaw,” jgħid James, it-​tfajjel t’14-il sena li ġie kwotat hawn fuq. U meta l-​missier jitlaq bla kliem u bla sliem u mbagħad jonqos li jżomm kuntatt, it-​tfal tiegħu jistaʼ jkollhom sentimenti taʼ ħtija, iħossuhom li ġew abbandunati, u jibqgħu rrabjati għal missierhom għal snin sħaħ.b

Jekk missierek huwa wieħed minn dawk li ħalla l-​familja, forsi int taf x’kienet ir-​raġuni għala u tħossok imdejjaq. “Missieri telaq minħabba mara oħra,” jgħid żagħżugħ jismu Michael. “Darba rajtu magħha, u tgħidx kemm irrabjajt. Ħassejtni li missieri kien ittradiena.” Madankollu, f’ċerti każi xi wħud iħossuhom jistrieħu meta missierhom jitlaq. Melissa, li għandha missierha alkoħoliku, tgħid: “Li kieku baqaʼ d-​dar, kien ikun iktar diffiċli għalina.”

F’ħafna każi, iżda, xi tfal ma jkollhom l-​ebda idea għala missierhom ikun telaq, u n-​nuqqas tiegħu jħossuh iktar. Veru, jistaʼ jkun li kont taf li l-​ġenituri tiegħek kellhom xi problemi, imma forsi qatt ma kien għaddielek minn moħħok li se jinfirdu. Robert jiftakar: “Meta missieri telaq, ma stajtx nifhem dak kollu li kien qed jiġri. Kulma kont naf kien li kien hemm problemi serji għax il-​ġenituri kienu l-​ħin kollu jiġġieldu.”

Xi missirijiet għala jitilqu mid-​dar? Jekk missierek telaq mid-​dar tagħkom, għandek tiħodha li ma jridx lilek personalment? U x’tistaʼ tkun ir-​raġuni għala l-​ġenituri tiegħek qed iżommu lura milli jgħidulek x’inhu jiġri? Ma jmisshomx għallinqas jispjegawlek?

Għala Jibqgħu Siekta

Ir-​raġunijiet għala missier jitlaq mid-​dar qatt ma jkunu raġunijiet sbieħ. Taʼ spiss, ir-​raġuni tkun adulterju—kondotta ħażina li ġeneralment tkun inżammet moħbija sew mill-​familja. Meta mara tiskopri li r-​raġel tagħha għamel xi ħaġa ħażina bħal din, hi għandha mnejn tiddeċiedi li tiddivorzjah. Jistaʼ jkun ukoll li titolbu jitlaq bil-​kwiet qabel ma tibda l-​proċedura tad-​divorzju bil-​qorti. It-​tfal għandhom mnejn lanqas biss ikunu jafu għala jkun qed jiġri dan kollu.

Ipprova ifhem, iżda, għala ommok forsi qegħda żżomm lura milli tgħidlek eżattament x’ġara. Jistaʼ jkun li tħoss li jekk tgħidlek x’kondotta ħażina ħa sehem fiha missierek, dan jistaʼ jkompli jżidlek mad-​dwejjaq li diġà għandek. Ftakar ukoll li min jaf kemm tweġġaʼ mara meta ssir taf li żewġha ma baqax leali lejha. (Malakija 2:13, 14) Mela jekk l-​adulterju kien ir-​raġuni għala l-​ġenituri tiegħek infirdu, tiħodhiex bi kbira jekk ommok ma tkunx tiflaħ titkellem dwar dak li jkun ġara.

Xi ngħidu dwar missierek? Hija ħaġa li tistaʼ tifhimha li jekk hu ma baqax leali lejn ommok, x’aktarx li mhux se joqgħod jitkellem miegħek dwar dak li għamel. Xi rġiel tant iħossuhom ħatjin tal-​ħażin li jkunu għamlu li lanqas ikunu jifilħu jħarsu f’għajnejn uliedhom! Madankollu, minkejja l-​kondotta taʼ mistħija tagħhom, ħafna missirijiet jibqgħu jħobbu lil uliedhom u għandhom mnejn jerġgħu jipprovaw jagħmlu kuntatt magħhom.

F’ċerti każi l-​missier jitlaq minħabba kondotta ħażina min-​naħa tal-​mara, u hu jagħmel kull sforz biex jibqaʼ qrib taʼ wliedu. F’każi oħra, iżda, mara u raġel jinfirdu, mhux minħabba xi adulterju, imma minħabba snin sħaħ taʼ ġlied fiż-​żwieġ.c Minħabba li dan il-​ġlied taʼ spiss isir fil-​privat, int għandek mnejn ma tkunx taf fuqiex kienu jiġġieldu.

Fi Proverbji 25:9 l-​Bibbja tgħid: “Il-​kawża tiegħek aqtagħha maʼ għajrek, imma tikxifx dak li taf fuq ħaddieħor.” Xi kultant il-​ġlied fiż-​żwieġ ikun jinvolvi affarijiet privati u intimi. Forsi taraha bi tqila biex temminha, imma jkun aħjar jekk ma ssirx taf b’dawn l-​affarijiet. Barra minn hekk, jekk wieħed jikxef ‘dak li jaf fuq ħaddieħor,’ taʼ spiss il-​kwistjoni tiggrava. Forsi tibda tħossok inklinat li żżomm maʼ naħa jew oħra, iżda kulma tkun qed tagħmel hu li tkabbar il-​firda fil-​familja tiegħek. Mela fl-​aħħar mill-​aħħar, jistaʼ jkun aħjar għalik jekk il-​ġenituri tiegħek ma jagħtukx dettalji dwar il-​ġlied li jkollhom bejniethom.

Egħleb ir-​Rabja Billi Tikseb l-​Għaqal

Xorta waħda, m’huwiex faċli li ma tibqax mgħaddab u offiż meta missierek ikun telaq mid-​dar u ma tkunx tistaʼ ssib tweġiba għall-​mistoqsija, Għala? Madankollu, fi Proverbji 19:11, il-​Bibbja tosserva: “Bniedem bil-​għaqal idum ma jagħdab [u mhux bilfors ma jagħdabx].” U m’hemmx għalfejn tkun taf id-​dettalji kollha biex ikollok l-​għaqal.

Per eżempju, il-​Bibbja tgħinna naraw li l-​ġenituri tagħna huma imperfetti. Din tgħid: “Il-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) Jekk taċċetta din il-​verità iebsa kif inhi, int tkun tistaʼ tħares lejn l-​istampa kollha u mhux biss lejn l-​iżbalji tal-​ġenituri tiegħek. Jekk, per eżempju, missierek m’onorax il-​wegħdi taż-​żwieġ tiegħu, dak huwa nuqqas gravi—nuqqas li jrid jagħti kont tiegħu lil Alla. (Lhud 13:4) Imma dan mhux bilfors ikun ifisser li hu abbandunak jew li ma jħobbokx.

Il-koppji miżżewġin kollha jgħaddu mit-​“taħbit tal-​ħajja.” (1 Korintin 7:28) U filwaqt li m’hemmx skuża talli jkunu waqgħu fil-​ħażen, xi rġiel u nisa jagħmlu hekk minħabba l-​pressjonijiet tal-​ħajja f’din id-​dinja kollha inkwiet. Robert jiftakar: “Missieri ried l-​aħjar għalina. Hu ħa l-​familja f’post fejn ħaseb li setaʼ jaqlaʼ għajxien aħjar ħalli nkunu nistgħu nixtru dar sabiħa u l-​familja tkun ferħana.” Imma l-​intenzjonijiet tajba li kellu missieru biex jipprovdi ħajja aħjar għall-​familja tiegħu malajr marru żmerċ. Robert jispjega: “Missieri beda jbatti fl-​attendenza tal-​laqgħat Kristjani. Imbagħad tilef ix-​xogħol. Wara ftit sar abbużiv m’ommi u m’oħti.” L-​affarijiet tant marru mill-​ħażin għall-​agħar li missieru u ommu ddivorzjaw.

Robert setaʼ nfena bin-​niket minħabba n-​nuqqasijiet taʼ missieru. Imma hu taffa r-​rabja tiegħu għax żamm f’moħħu s-​sitwazzjoni li kien sab ruħu fiha missieru. Għalkemm il-​firda tal-​ġenituri tiegħu kienet traġika għal Robert, din għallmitu xi ħaġa importanti. Robert jgħid: “Meta jkolli familja, l-​affarijiet spiritwali jridu jiġu l-​ewwel.”

Michael, li ssemma iktar kmieni, ukoll kellu jiġġieled kontra sentimenti taʼ niket. “Jien ridt inweġġgħu lil missieri taʼ dak li kien għamlilna,” hu jammetti. Imma hu żamm relazzjoni maʼ missieru. Iktar m’għadda ż-​żmien, Michael irnexxielu saħansitra jneħħi r-​rabja li kellu u jkompli jgħix ħajtu.

Forsi int ukoll tixtieq li jibqaʼ jkollok relazzjoni normali kemm tistaʼ maʼ missierek, skond ma jippermettu ċ-​ċirkustanzi. Veru, jistaʼ jkun li missierek weġġagħkom lilek u lil ommok. Imma x’aktarx li int m’għandekx il-​fatti kollha f’idejk. U anki jekk tkun taf li għamel xi ħaġa ħażina, hu xorta missierek jibqaʼ. Int għandek obbligu li għallinqas turih ftit tar-​rispett. (Efesin 6:1-3) Evita ‘saħna, korla, tagħjir, u għajat’ meta titkellem miegħu. (Efesin 4:31) Jekk ikun possibbli, żomm newtrali fejn għandu x’jaqsam il-​ġlied li jkollhom il-​ġenituri tiegħek fuq affarijiet privati taż-​żwieġ. Jekk tiżgura lill-​ġenituri tiegħek li int tħobbhom it-​tnejn li huma, tkun tistaʼ tgawdi relazzjonijiet tajbin magħhom it-​tnejn.

M’Huwiex it-​Tort Tiegħek

X’aktarx li waħda mill-​iktar affarijiet taʼ wġigħ li qatt se ġġarrab hija jekk missierek jitlaq mid-​dar. Imma anki jekk qatt ma ssir taf ir-​raġunijiet kollha għala jkun telaq, m’hemmx għalfejn tħossok li kien it-​tort tiegħek. Forsi veru tistaʼ tħossok li ġejt abbandunat. Imma ż-​żwiġijiet rari jitkissru minħabba t-​tfal. Il-​ġenituri tiegħek għamlu wegħda quddiem Alla li jibqgħu flimkien. Hija r-​responsabbiltà tagħhom, u mhux tiegħek, li jżommuha dik il-​wegħda.—Koħèlet 5:3-6a [5:4-6, NW].

Jekk xorta tibqaʼ mifxul, jew tħossok ħati u responsabbli, għala ma tipprovax titkellem mal-​ġenituri tiegħek? Forsi dawn jibdew jitkellmu u jserrħulek moħħok. James, li ġie kwotat fil-​bidu, jammetti: “Kont naħseb li kien kollu t-​tort tiegħi, sakemm ommi u missieri poġġew bil-​qegħda miegħi u ddiskutejna flimkien.” Nancy, tfajla żagħżugħa, ukoll ħassitha ħatja meta ommha u missierha nfirdu. Wara li tkellmet ħafna drabi m’ommha, Nancy setgħet tikkonkludi: “It-​tfal m’għandhomx jitfgħu l-​ħtija fuqhom għal dak li jagħmlu l-​ġenituri tagħhom.” Iva, jekk tħalli lill-​ġenituri tiegħek ‘jerfgħu t-​tagħbija tagħhom’ taʼ responsabbiltà, int ma tispiċċax mgħobbi żżejjed emozzjonalment. (Galatin 6:5) Imma kif tistaʼ tvinċi ladarba issa qed tgħix f’dar mingħajr missier? Artiklu f’din is-​serje li se joħroġ fil-​futur se jipprovdi xi tweġibiet.

[Noti taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

b Ara s-​serje t’artikli “Familji bla Missier—Kif Jitwaqqaf iċ-​Ċiklu,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Frar, 2000.

c Madankollu, il-​Bibbja tagħmilha ċara li l-​unika raġuni Skritturali biex żwieġ jinħall u l-​mara u r-​raġel ikunu jistgħu jerġgħu jiżżewġu hija ż-​żína.—Mattew 19:9, KŻ.

[Stampa f’paġna 15]

Titfax il-​ħtija fuqek għall-​problemi li jkollhom il-​ġenituri tiegħek fiż-​żwieġ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja