LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/10 pp. 10-13
  • Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-Ġenituri Tiegħi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-Ġenituri Tiegħi?
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iktar X’Tiskopri
  • Ħu l-​Inizjattiva
  • Qatt Mhu Tard Wisq!
  • Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jifhmunix?
    Stenbaħ!—2012
  • Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Stenbaħ!—2010
g 1/10 pp. 10-13

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-​Ġenituri Tiegħi?

Jessica u l-​ġenituri tagħha qed jieklu mal-​ħbieb. Waqt l-​ikla, waħda mill-​adulti tgħid lil omm Jessica, “M’intix se temminni! Ftit ilu rajt lil Richard—taf int, dak li kont toħroġ miegħu meta konna l-​iskola.”

Jessica twaqqaʼ l-​furketta fuq il-​mejda. Qatt ma kienet semgħet dwar Richard qabel!

“Sewwa smajt jien, ma, kont toħroġ maʼ xi ħadd ieħor qabel ħriġt maʼ missieri? Ma kontx nafha din!”

QATT sirt taf, bħal Jessica, xi ħaġa dwar il-​ġenituri tiegħek li ssorprendietek? Jekk iva, forsi dan ġiegħlek taħseb jekk hemmx xi ħaġa oħra li ma kontx taf dwarhom!

Spiss, għala hemm il-​wisaʼ biex issir taf aħjar lill-​ġenituri tiegħek? X’benefiċċji jistaʼ jkun hemm f’li tiskopri iktar dwarhom? U kif tistaʼ tagħmlu dan?

Iktar X’Tiskopri

Għala jistaʼ jkun hemm affarijiet li ma tafx bihom dwar il-​ġenituri tiegħek? Kultant, ir-​raġuni tistaʼ tkun li toqogħdu ’l bogħod minn xulxin. “Il-​ġenituri tiegħi ddivorzjaw meta kelli tmien snin,” jgħid Jacob,a li issa għandu 22 sena. “Minn dakinhar, lil missieri kont narah ftit drabi biss fis-​sena. Hemm ħafna dwaru li nixtieq kont naf.”

Anki jekk għext mal-​ġenituri tiegħek għal żmien twil, jistaʼ jkun li ma qalulekx kollox dwarhom. Għala le? Bħal kulħadd, kultant il-​ġenituri jħossuhom imbarazzati dwar xi żbalji li għamlu fil-​passat. (Rumani 3:23) Ukoll, għandhom mnejn jinkwetaw li jekk jgħidulek bl-​iżbalji li għamlu, jonqoslok ir-​rispett lejhom—jew tagħmel il-​kuraġġ biex tieħu iktar libertajiet.

Iżda, spiss, hemm affarijiet li l-​ġenituri ma qalulekx bihom sempliċement għax qatt ma ddiskutejtu dawk is-​suġġetti. Żagħżugħ jismu Cameron jgħid, “Hija ħaġa tal-​iskantament kif tistaʼ tgħix mal-​ġenituri tiegħek għal snin sħaħ u xorta jibqagħlek ħafna x’tiskopri dwarhom!” Għala ma tiħux l-​inizjattiva biex issir taf iktar dwar il-​ġenituri tiegħek? Ikkunsidra erbaʼ benefiċċji li tistaʼ tikseb.

L-​ewwel benefiċċju: X’aktarx li l-​ġenituri tiegħek se japprezzaw l-​interess tiegħek. M’hemmx dubju li se jieħdu pjaċir li jinteressak daqshekk li trid tkun taf dwar ħajjithom. U min jaf—jistgħu saħansitra jwieġbu b’iktar empatija għalik u għas-​sentimenti tiegħek!—Mattew 7:12.

It-​tieni benefiċċju: Tibda tifhem iktar il-​mod kif jaħsbuha l-​ġenituri tiegħek. Pereżempju, il-​ġenituri tiegħek kellhom inqas materjalment fil-​passat? Dan jistaʼ jgħinek tifhem għala issa joqogħdu attenti kif jonfqu l-​flus, anki jekk dan jidher li mhux neċessarju għalik.

Jistaʼ jkun t’għajnuna għalik li tifhem kif jaħsbuha l-​ġenituri tiegħek. Żagħżugħ jismu Cody jgħid, “Billi sirt naf kif jaħsbuha l-​ġenituri tiegħi, nistaʼ nqis kif kliemi jistaʼ jeffettwahom qabel nitkellem.”—Proverbji 15:23.

It-​tielet benefiċċju: Tistaʼ tibda tħossok iktar komdu titkellem dwar ħajtek stess. “Ħassejtni skomda nitkellem maʼ missieri dwar ġuvni li kelli grazzja miegħu,” tgħid Bridgette, li għandha 18-​il sena. “Iżda meta esprimejt is-​sentimenti tiegħi maʼ missieri qalli dwar l-​ewwel darba li hu sar iħobb tfajla u kemm kienet xi ħaġa sabiħa. Qalli wkoll dwar dakinhar li ma baqax joħroġ magħha u kemm ħassu mdejjaq. Dan inkuraġġieni ngħidlu iktar dwar is-​sitwazzjoni tiegħi.”

Ir-​rabaʼ benefiċċju: Tistaʼ titgħallem xi ħaġa. L-​esperjenzi tal-​ħajja tal-​ġenituri tiegħek jistgħu jgħinuk tittratta mal-​frustrazzjonijiet u l-​isfidi tiegħek stess. “Nixtieq inkun naf kif il-​ġenituri tiegħi jirnexxilhom jieħdu ħsieb familja kbira li għandha ħafna bżonnijiet differenti, sew fiżiċi, sew emozzjonali, u sew spiritwali,” jgħid Joshua, li għandu 16-​il sena. “Hemm lezzjonijiet importanti x’nitgħallem.” Il-​Bibbja tagħmel din il-​mistoqsija: “Mhux għerf hemm fost l-​imdaħħlin fiż-​żmien u abbiltà li jifhmu fl-​għomor twil?”—Ġob 12:12.

Ħu l-​Inizjattiva

Jekk tixtieq tkun taf aħjar lill-​ġenituri tiegħek, kif tistaʼ tagħmlu dan? Hawn se ssib ftit suġġerimenti.

Sib l-​okkażjoni xierqa. M’hemmx għalfejn li l-​okkażjoni tkun dejjem formali. Pjuttost, immira biex ikollok konversazzjonijiet każwali. Tistaʼ tagħmel dan waqt xi logħba bil-​ballun, waqt li tagħmlu xi proġett flimkien, jew waqt xi mixja jew ħarġa bil-​karozza mal-​ġenituri tiegħek. “Kelli konversazzjonijiet tajbin mal-​ġenituri tiegħi waqt vjaġġi twal bil-​karozza,” jgħid Cody, li ssemma qabel. “M’għandniex xi ngħidu, huwa iktar faċli nismaʼ l-​mużika bl-​earphones jew norqod, imma sibt li huwa dejjem vallapena li nibda konversazzjoni.”

Staqsi mistoqsijiet. Ejja nammettu: Anki fil-​waqt adattat, x’aktarx li ommok mhix se taqbad u tgħidlek dwar l-​ewwel darba li kellha sentimenti romantiċi għal xi ħadd, u missierek jistaʼ ma jsemmix dik id-​darba li farrak il-​karozza tal-​familja. Imma l-​ġenituri sempliċement għandhom mnejn jgħidulek affarijiet bħal dawn jekk tistaqsihom.—Biex ikollok idea x’tistaʼ tistaqsi, ara l-​kaxxa f’paġna 12.

Kun flessibbli. Spiss, it-​tweġiba għal mistoqsija waħda se tieħdok għal xi storja jew suġġett ieħor. Forsi tiġi ttantat li ddawwar il-​konversazzjoni lura għas-​suġġett taʼ qabel, imma rreżisti din ix-​xewqa! Ftakar, il-​mira tiegħek m’hijiex sempliċement li tiġbor il-​fatti. Minflok, hija li tiżviluppa rabta iktar intima mal-​ġenituri tiegħek, u wieħed mill-​aħjar modi li tagħmel dan hu li titkellem dwar affarijiet li huma jridu jitkellmu dwarhom.—Filippin 2:4.

Uża d-​dixxerniment. “Il-​ħsibijiet taʼ persuna huma bħal ilma f’bir fond, imma xi ħadd li għandu d-​dehen jistaʼ jtellagħhom.” (Proverbji 20:5, Today’s English Version) Int speċjalment għandek bżonn id-​dehen, jew id-​dixxerniment, meta tiddiskuti xi suġġetti li l-​ġenituri tiegħek forsi ma jixtiqux jitkellmu dwarhom. Pereżempju, forsi għandek il-​kurżità biex tkun taf dwar it-​tip taʼ żbalji imbarazzanti li għamel missierek meta kien tal-​età tiegħek u x’kien jagħmel differenti kieku kellu jgħaddi mill-​istess affarijiet. Imma qabel tiddiskuti dawn l-​affarijiet, tistaʼ tgħid, “Jimporta jekk nistaqsik dwar . . . ”

Uża t-​tattika. Meta l-​ġenituri tiegħek jgħidulek dwarhom stess, ‘kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ (Ġakbu 1:19) Tagħmel x’tagħmel, twaqqax għaċ-​ċajt jew tinsulta lill-​ġenituri tiegħek għal dak li jkunu għadhom kif qalulek. Rimarki bħal “Illaħwa! Ma nistax nemmen li għamilt hekk!” jew “Mela għalhekk intom daqshekk stretti miegħi!” mhumiex se jħallu lil ommok u missierek jgħidulek iktar. Lanqas ma jagħmlu dan jekk toqgħod tparla fuq kwistjonijiet persunali m’oħrajn li mhumiex mill-​familja tiegħek.

Qatt Mhu Tard Wisq!

Is-​suġġerimenti t’hawn fuq jistgħu jgħinuk issir taf aħjar lill-​ġenituri tiegħek waqt li għadek tgħix magħhom. Imma xi ngħidu jekk tkun diġà tlaqt mid-​dar? L-​istess prinċipji jistgħu jgħinuk biex jerġaʼ jkollok relazzjoni mill-​qrib mal-​ġenituri tiegħek—jew saħansitra tibni relazzjoni maʼ ġenitur li qatt ma kont tafu tassew. Hekk ġara fil-​każ taʼ Jacob, li ssemma qabel. Għalkemm issa qed jgħix għal rasu, hu jgħid, “Dan l-​aħħar kont qed insir naf lil missieri aħjar, u nħossni kuntent.”

Għalhekk, sew jekk għadek tgħix mal-​ġenituri tiegħek u sew jekk le, qatt mhu tard wisq biex issir tafhom. Għala ma tipprovax is-​suġġerimenti f’dan l-​artiklu biex jgħinuk tagħmel dan?

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-​Web site www.watchtower.org/ype

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

AĦSEB DWAR DAN

◼ Liema suġġetti msemmijin f’dan l-​artiklu tixtieq tistaqsi lill-​ġenituri tiegħek dwarhom?

◼ Il-​fatt li ssir taf iktar dwar il-​ġenituri tiegħek kif se jgħinek tifhem lilek innifsek aħjar?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 12]

Staqsi lill-​ġenituri tiegħek mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin:

ŻWIEĠ: Kif iltqajt m’ommi (jew maʼ missieri)? X’kien li għall-​ewwel ġibidkom lejn xulxin? Fejn kontu toqogħdu wara li żżewwiġtu?

TFULIJA: Fejn twilidt? Kemm kont tmur tajjeb maʼ ħutek? Kienu l-​ġenituri tiegħek stretti jew moderati miegħek?

EDUKAZZJONI: F’liema suġġett kont tmur tajjeb l-​iżjed? F’liema l-​iktar li kont tmur ħażin? Kellek xi għalliem favorit? X’għamel lil dan l-​għalliem daqshekk speċjali?

XOGĦOL SEKULARI: X’kien l-​ewwel impjieg tiegħek? Kien għal qalbek? Kieku kellek tagħżel xi tip taʼ xogħol, x’kont tagħżel?

GOSTI: Kieku kellek issiefer, fejn kont tmur? Liema passatemp jew sengħa tixtieq li jkollok?

SPIRITWALITÀ: Int trabbejt bħala Kristjan? Jekk le, x’kien li ġiegħlek tinteressa ruħek fil-​Bibbja? Xi sfidi ffaċċjajt biex iġġib ħajtek fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi?

VALURI: X’taħseb li huma l-​iktar fatturi importanti fi ħbiberija tajba? f’ħajja hienja? fi żwieġ li jirnexxi? X’kien l-​aqwa parir li qatt ngħatajt?

Ipprova dan l-​esperiment: Agħżel ftit mill-​mistoqsijiet t’hawn fuq u pprova aħseb kif se jwiġbuk il-​ġenituri tiegħek. Imbagħad staqsi l-​mistoqsijiet u qabbel it-​tweġibiet tagħhom maʼ dak li ħsibt li se jgħidu.

[Kaxxa f’paġna 13]

NOTA LILL-​ĠENITURI

Int, ir-​raġel, u bintek qed tieklu flimkien maʼ xi ħbieb tal-​familja. Waqt il-​konversazzjoni, ħabibtek issemmi lil xi ħadd li kont toħroġ miegħu—u ma bqajtx—qabel iltqajt maʼ żewġek. Qatt qabel ma kont għedt lil bintek dwar din l-​istorja. Issa hi trid tkun taf iktar. X’se tagħmel?

Ġeneralment, ikun l-​aħjar li turu li qed tieħdu pjaċir bil-​mistoqsijiet taʼ wliedkom. Wara kollox, kull darba li jistaqsukom xi mistoqsijiet u jisimgħukom twieġbu jkun ħin li fih tkunu qed tikkomunikaw​—xi ħaġa li jixtiequ l-​biċċa l-​kbira mill-​ġenituri.

Biss xi kemm għandkom tgħidulhom dwar il-​passat tagħkom lil uliedkom? Naturalment, tippreferu ma tgħidulhomx informazzjoni imbarazzanti. Madankollu, fejn ikun xieraq, li tiżvelaw ftit mill-​iżbalji u l-​isfidi tagħkom jistaʼ jkun t’għajnuna għal uliedkom. Dan kif?

Ikkunsidra eżempju: L-​appostlu Pawlu darba żvela dwaru nnifsu: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija. . . . Bniedem miżerabbli li jien!” (Rumani 7:​21-24) Alla Ġeħova nebbaħ dan il-​kliem u ġiegħlu jitniżżel u jinżamm fil-​Bibbja għall-​benefiċċju tagħna. (2 Timotju 3:16) U tassew nibbenefikaw, għax min minna ma jistax jaqbel mal-​kliem sinċier taʼ Pawlu?

Bl-​istess mod, il-​fatt li jisimgħu dwar l-​għażliet tajbin u l-​iżbalji li għamiltu jistaʼ jagħmilha faċli biex uliedkom jgħidulkom iktar dwar dak li jgħaddu minnu. Ngħiduha kif inhi, intom trabbejtu fi żmien differenti. Madankollu, filwaqt li ż-​żminijiet tbiddlu, in-​natura umana ma tbiddlitx; lanqas il-​prinċipji Skritturali. (Salm 119:144) Diskussjonijiet dwar l-​isfidi li ffaċċjajtu—u kif għelibtuhom—jistgħu jgħinu lill-​adoloxxenti tagħkom hekk kif jipprovaw isolvu l-​problemi tagħhom. “Meta tiskopri li l-​ġenituri tiegħek iffaċċjaw sfidi bħal tiegħek, il-​ġenituri tiegħek jidhru ferm iktar reali għalik,” jgħid żagħżugħ jismu Cameron. Hu jkompli, “Meta jerġaʼ jkollok xi problema, għandek mnejn taħseb jekk il-​ġenituri tiegħek għaddewx ukoll minnha qabel.”

Attenzjoni: Mhux l-​istejjer kollha għandhom bżonn jispiċċaw bil-​pariri. Veru, forsi intom konċernati li l-​adoloxxenti tagħkom jasal għal konklużjoni żbaljata jew saħansitra jħossu ġustifikat li jagħmel l-​istess żbalji hu stess. Imma minflok ma tiġbru fil-​qosor dak li tridu li wliedkom jitgħallmu mid-​diskussjoni (“Għalhekk qatt m’għandek . . . ”), għidu kif tħossukom intom fi ftit kliem. (“Meta nħares lura lejn dak li għaddejt minnu, nixtieq li m’għamiltx dak li għamilt għaliex . . . ”) Uliedkom jistgħu b’hekk jitgħallmu lezzjoni imprezzabbli mill-​esperjenza tagħkom mingħajr ma jħossuhom li għamiltulhom xi prietka.—Efesin 6:4.

[Kaxxa f’paġna 13]

“Darba ammettejt m’ommi li kont inħossni iktar komda maʼ sħabi tal-​iskola milli maʼ sħabi l-​Kristjani. L-​għada, sibt ittra mingħand ommi fuq l-​iskrivanija tiegħi. Fl-​ittra qaltli li anki hi kienet tħossha nieqsa mill-​ħbieb fost sħabha fit-​twemmin. Fakkritni f’individwi fil-​Bibbja li qdew lil Alla saħansitra meta ma kien hemm ħadd magħhom li setaʼ jinkuraġġihom. Faħħritni wkoll għall-​isforzi li għamilt biex ikolli ħbiberiji li jibnu. Kont sorpriża meta sirt naf li ma kontx l-​unika waħda li ffaċċjajt din il-​problema. Ommi wkoll kienet iffaċċjatha, u tant fraħt li sirt naf dan li bkejt. Kont inkuraġġita ħafna b’dak li qaltli ommi, u ġejt imsaħħa biex nagħmel dak li hu sewwa.”​—Junko, 17, il-​Ġappun.

[Stampa f’paġna 11]

Għid lill-​ġenituri tiegħek juruk ritratti jew xi rikordji li żammew. Dawn spiss jistgħu jqanqlu konversazzjonijiet pjaċevoli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja