LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 1/8 pp. 17-19
  • X’Se Nagħmel Issa li Missieri Telaqna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Se Nagħmel Issa li Missieri Telaqna?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Taħwid il-​Moħħ’
  • Kif Tegħleb ir-​Rabja
  • Ħu l-​Inizjattiva
  • Kif Tissaporti l-​Uġigħ Meta Tiġi Rifjutat
  • Appoġġa lill-​Familja Tiegħek!
  • Missieri Għala Telaqna?
    Stenbaħ!—2000
  • Għala Ma Jħobbunix il-Ġenituri Tiegħi?
    Stenbaħ!—2002
  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—L-Ewwel Parti
    Stenbaħ!—2010
  • Jekk ġenitur ikun marid
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 1/8 pp. 17-19

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Se Nagħmel Issa li Missieri Telaqna?

“Kien diffiċli li nikber mingħajr il-​preżenza taʼ missieri. Kulma ridt kien ftit attenzjoni.”—Henry.a

JOAN kellha 13-il sena meta missierha telaq mid-​dar. Billi kien waqaʼ fil-​vizzju tax-​xorb, ftit li xejn ipprova jagħmel kuntatt maʼ wliedu wara li ħalliehom. B’sogħba, Joan m’hijiex l-​unika waħda; ħafna huma ż-​żgħażagħ li ġew abbandunati minn missierhom.

Jekk int ġralek l-​istess, għandek mnejn qed issibha diffiċli biex tiffaċċja s-​sitwazzjoni. Minn żmien għal żmien għandek mnejn tħossok li ma tistax tiflaħhom iktar l-​uġigħ u r-​rabja li jkollok. Forsi xi kultant tħossok imdejjaq u dipress. Jew saħansitra tħossok li tixtieq tirribella. Bħalma qal darba l-​kittieb Bibliku Salamun, “il-​moħqrija tħawwad moħħ l-​għaref.”—Koħèlet 7:7.

‘Taħwid il-​Moħħ’

James “tħawwad” wara li missieru telaq mid-​dar. Hu qal: “Ma bdejt nismaʼ minn ebda awtorità, lanqas minn ommi. Kont dejjem nispiċċa f’xi ġlieda. Kont nigdeb u noħroġ bil-​moħbi bil-​lejl għax ma kien hemm ħadd min iżommli. Ommi pprovat twaqqafni, imma ma rnexxilhiex.” Mar aħjar James billi rribella? Lanqas xejn. Hu jgħid li ma damx ma beda ‘jesperimenta bid-​drogi, ifalli l-​iskola, u jeħel fl-​eżamijiet.’ L-​imġiba ħażina tiegħu kompliet tiżdied. “Bdejt nisraq mill-​ħwienet,” hu jammetti, “u nisraq mingħand in-​nies ukoll. Ġejt arrestat darbtejn u weħilt il-​ħabs għal żmien qasir, imma dan xorta ma waqqafnix.”

Meta James ġie mistoqsi għala kien sar daqshekk ribelluż, hu qal: “Peress li missieri kien telaq, ma kellix dixxiplina. Qatt m’għaddieli minn moħħi kemm kont qed inweġġaʼ lil ommi, lil ħija u oħti iżgħar, u lili nnifsi wkoll. Ridt l-​attenzjoni u d-​dixxiplina taʼ missieri.”

Imma jekk tirribella l-​affarijiet imorru mill-​ħażin għall-​agħar. (Ġob 36:​18, 21, KŻ) Per eżempju, James mhux talli ġab problemi fuqu nnifsu imma talli ġabhom ukoll fuq ommu u fuq ħutu, għax dawn inkwetaw u ġarrbu wġigħ li setaʼ jiġi evitat. Xi ħaġa iktar serja minn hekk hija li jekk tkun ribelluż, tistaʼ ssib ruħek li qed tiħodha kontra Jehovah nnifsu. Wara kollox, Jehovah kkmanda liż-​żgħażagħ biex jobdu minn ommhom.—Proverbji 1:8; 30:17.

Kif Tegħleb ir-​Rabja

Allura, x’tistaʼ tagħmel bir-​rabja u n-​niket li qed tħoss minħabba dak li għamillek missierek? L-​ewwel ħaġa, għandu mnejn ikollok tfakkar lilek innifsek li missierek ma telaqx minħabba fik. U dak li ġara mhux bilfors ikun ifisser li hu m’għadux iħobbok jew jimpurtah minnek. Veru, tistaʼ tħossok imweġġaʼ meta missierek ma tantx jagħmel sforz biex iċempel jew jiġi jżurek. Imma bħalma ntwera fl-​artiklu li diġà ħareġ f’din is-​serje,b ħafna missirijiet li jitilqu mid-​dar ma jżommux kuntatt maʼ wliedhom, mhux għax ma jkunux iħobbuhom, imma għax iħossuhom ħatjin wisq u li għamlu xi ħaġa verament taʼ mistħija. Oħrajn, bħal missier Joan, jagħtuha għad-​drogi jew għax-​xorb, u minħabba f’hekk ma jaġixxux taʼ nies normali.

Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, ipprova ftakar li l-​ġenituri tiegħek huma imperfetti. Il-​Bibbja tiddikjara: “Il-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23; 5:12) Veru, din m’hijiex skuża biex xi ħadd jaġixxi b’mod irresponsabbli u jweġġaʼ lil ħaddieħor. Imma jekk tagħraf il-​fatt li aħna lkoll imperfetti minna nfusna, għandek mnejn issibha iktar faċli biex tneħħi r-​rabja u n-​niket li jagħmlulek il-​ħsara.

Dak li jintqal f’Koħèlet 7:10 jistaʼ jgħinek tneħħi r-​rabja u n-​niket li forsi tħoss għall-​ġenituri tiegħek. Innota kif dan il-​vers iwissina biex ma niffokawx fuq il-​passat. Dan jgħid: “Tistaqsix: ‘Kif inhi li ż-​żminijiet taʼ dari kienu aħjar minn taʼ llum?’ M’hix taʼ għaref mistoqsija bħal din.” Għaldaqstant, minflok ma toqgħod taħseb fuq kif kienu l-​affarijiet xi darba, ikun aħjar jekk tara kif se tkun kuntent bis-​sitwazzjoni li tinsab fiha.

Ħu l-​Inizjattiva

Per eżempju, tistaʼ tikkunsidra li tieħu l-​inizjattiva biex tikkuntattjah int lil missierek. Huwa minnu li kien hu li ħalliek u għandek raġun jekk forsi tħoss li hija r-​responsabbiltà tiegħu li jagħmel l-​ewwel pass. Imma jekk dan għadu m’għamlux u minħabba f’hekk qed tħossok imdejjaq u mnikket, jistaʼ jiswielek taʼ ġid jekk tipprova ttejjeb is-​sitwazzjoni int? Ikkunsidra kif Ġesù Kristu aġixxa meta xi wħud minn ħbiebu weġġgħuh. Matul l-​aħħar lejl bħala bniedem fuq l-​art, l-​appostli tiegħu abbandunawh. Pietru kien ftaħar li kien se jibqaʼ maʼ Ġesù jiġri x’jiġri. Madankollu, Pietru ċaħdu lil Ġesù—għal darba tlieta!—Mattew 26:​31-35; Luqa 22:​54-62.

Xorta waħda, Ġesù baqaʼ jħobbu lil Pietru, minkejja n-​nuqqasijiet li kellu. Wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, kien Ġesù li ħa l-​ewwel pass biex jerġaʼ jsaħħaħ ir-​relazzjoni tagħhom billi deher b’mod speċjali lil Pietru. (1 Korintin 15:5) Taʼ interess huwa li meta Ġesù staqsa lil Pietru, “Tħobbni int?” it-​tweġiba taʼ Pietru kienet “Iva, Mulej, . . . int taf li nħobbok.” Minkejja l-​mod taʼ mistħija li bih kien aġixxa, Pietru xorta kien għadu jħobbu lil Ġesù.—Ġwann 21:15.

Bħalma ġara fil-​każ taʼ Pietru u Ġesù, jistaʼ jkun li s-​sitwazzjoni li hemm bejnek u bejn missierek m’hijiex bla tama daqskemm tidher. Forsi hu għandu mnejn jiċċaqlaq jekk tkun ħadt l-​inizjattiva li ċċempillu, tiktiblu ittra, jew tmur tarah. Henry, li ssemma fil-​bidu, jiftakar: “Darba ktibt ittra lil missieri, u hu kitibli lura u qalli kemm kien kburi bija. Dik l-​ittra għamiltha fi gwarniċ u għamlet snin sħaħ imdendla mal-​ħajt f’kamarti. Għadha għandi sal-​ġurnata tal-​lum.”

Joan u ħutha wkoll ħadu l-​inizjattiva biex iżuru lil missierhom li kien alkoħoliku. “Ma kienx jinsab f’qagħda tajba,” tammetti Joan, “imma xorta ħadna pjaċir li rajnieh.” Jistaʼ jkun li jekk int tieħu l-​inizjattiva, jirnexxilek ukoll. Jekk għall-​ewwel ma jiġri xejn, tistaʼ tħalli ftit taż-​żmien jgħaddi u mbagħad terġaʼ tipprova.

Kif Tissaporti l-​Uġigħ Meta Tiġi Rifjutat

Salamun ifakkarna li hemm “żmien li tikseb, u żmien li titlef.” (Koħèlet 3:6) Xi kultant żagħżugħ jew żagħżugħa jkollhom jaċċettaw il-​fatt tant taʼ wġigħ li missierhom ma jkunx irid ikellimhom. Jekk missierek qed jagħmel hekk, forsi għad jiġi jum meta se jinduna x’tilef talli ma baqax iżomm kuntatt miegħek.

Sadattant, iżda, ibqaʼ ċert li l-​fatt li missierek irrifjutak ma jfissirx li int ma tiswa għalxejn. Is-​salmista Bibliku David qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Iva, f’għajnejn Alla int xorta għadek tiswa ħafna.—Luqa 12:​6, 7.

Mela jekk qed tħossok skuraġġit jew dipress, ersaq qrib lejn Alla permezz tat-​talb. (Salm 62:9 [62:​8, NW]) Għidlu eżatt kif qed tħossok. Ibqaʼ ċert li hu se jagħtik widen u jfarrġek. Salmista ieħor tal-​Bibbja qal: “Meta joktor l-​hemm ġo qalbi, il-​faraġ tiegħek hennieli ruħi.”—Salm 94:19.

Jekk tassoċja mill-​qrib maʼ Kristjani sħabek, dan ukoll jistaʼ jgħinek jekk qed tħossok li missierek ma jridekx. Proverbji 17:17 jgħid: “Il-​ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.” Int tistaʼ ssib ħbieb veri bħal dawn fil-​kongregazzjoni Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Se ssibha t’għajnuna b’mod partikulari jekk issir taf xi wħud mill-​indokraturi tal-​kongregazzjoni. Peter, ħu Joan, jagħti dan il-​parir: “Tkellem maʼ l-​anzjani fil-​kongregazzjoni, u ssib li jgħinuk ħafna. Jekk ġejt abbandunat minn missierek, għidilhom kif qed tħossok.” L-​indokraturi fil-​kongregazzjoni jistgħu jagħtuk ukoll xi suġġerimenti prattiċi dwar kif tieħu ħsieb xi responsabbiltajiet li qabel kien jieħu ħsiebhom missierek, bħal per eżempju xi tiswijiet fid-​dar.

Ommok ukoll tistaʼ tkunlek t’appoġġ. Veru, għandu mnejn li hi nnifisha qed iġġarrab niket emozzjonali. Imma jekk tesprimi s-​sentimenti tiegħek bir-​rispett, m’hemmx dubju li hi se tagħmel l-​aħjar li tistaʼ biex tgħinek.

Appoġġa lill-​Familja Tiegħek!

In-​nuqqas taʼ missierek fil-​familja jistaʼ jeffettwakom b’diversi modi. Forsi ommok ikollha ssib xogħol—forsi tnejn ukoll—biex ir-​rota tkun tistaʼ ddur. Jistaʼ jkun li int u ħutek se jkollkom tieħdu iktar responsabbiltajiet fid-​dar. Imma tistaʼ tkampa maʼ dawn il-​bidliet jekk tikkultiva mħabba Kristjana li m’hijiex egoista. (Kolossin 3:14) Dan jistaʼ jgħinek biex iżżomm attitudni pożittiva u trażżan ir-​rabja u n-​niket. (1 Korintin 13:​4-7) Peter jgħid: “L-​aħjar ħaġa li nistaʼ nagħmel hi li ngħin lill-​familja tiegħi, u nħossni tajjeb x’ħin nara li qed ngħin lil ommi u lil ħuti l-​bniet.”

M’hemmx dubju li meta l-​missier jitlaq mid-​dar, din tkun ġrajja traġika u taʼ wġigħ. Imma tistaʼ tibqaʼ ċert li int u l-​familja tiegħek tistgħu tkomplu taqdfu ’l quddiem bl-​għajnuna t’Alla u bl-​għajnuna tal-​ħbieb u qraba Kristjani li jħobbukom.c

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Ara l-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Missieri Għala Telaqna?” fil-​ħarġa tagħna tat-​8 taʼ Diċembru, 2000.

c Għal iktar tagħrif dwar familji b’ġenitur wieħed, ara l-​artikli “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” li dehru fil-​ħarġiet taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Diċembru, 1990, u t-​22 taʼ Marzu, 1991.

[Stampi f’paġna 18]

Xi żgħażagħ ħadu l-​inizjattiva li jikkuntattjaw lil missierhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja