LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/10 pp. 14-17
  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—L-Ewwel Parti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—L-Ewwel Parti
  • Stenbaħ!—2010
  • Materjal Simili
  • Meta l-​ulied jitnikktu minħabba mewt
    Stenbaħ!—2017
  • Jekk ġenitur ikun marid
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-Ġenituri Tiegħi?
    Stenbaħ!—2010
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 1/10 pp. 14-17

Eżempji taʼ Familji li Rnexxew​—L-​Ewwel Parti

Bħalma wriet diġà din il-​ħarġa speċjali taʼ Stenbaħ!, familji li rnexxew mhumiex ħelsin mill-​problemi. M’għandniex għalfejn niskantaw b’dan, għax qed ngħixu fi żminijiet li l-​Bibbja tiddeskrivihom bħala “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Żgur li se tinqalaʼ xi problema jew oħra f’kull familja.

Iżda, ftakar li s-​suċċess ma jiddependix milli wieħed ikollu dawk li xi wħud mingħalihom huma ċirkustanzi ideali. Għall-​kuntrarju, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Il-​familji li jissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħhom billi jimxu fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja sabu s-​sigriet tas-​suċċess—minkejja ċ-​ċirkustanzi negattivi tagħhom. Ikkunsidra xi eżempji.

Nieħdu ħsieb tifel jew tifla bi bżonnijiet speċjali. Prijorità kbira li tagħti l-​Bibbja hi li l-​membri tal-​familja jieħdu ħsieb xulxin, inkluż lil dawk bi bżonnijiet speċjali. Din tgħid: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-​membri taʼ daru, ikun ċaħad il-​fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.”—1 Timotju 5:8.

F’paġna 15, Victor, missier mill-​Afrika t’Isfel, jirrakkonta kif hu u martu ilhom jieħdu ħsieb binhom bi bżonnijiet speċjali għal iktar minn erbgħin sena.

Imrobbijin bħala adottati. Il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinu lil dak li jkun jikseb stima bilanċjata tiegħu nnifsu—anki jekk ikun ġie abbandunat mill-​ġenituri naturali tiegħu. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid li Alla Ġeħova hu “għajnuna” għal dawk li huma bla missier.—Salm 10:14.

F’paġna 16, Kenyatta, żagħżugħa fl-​Istati Uniti, tiddeskrivi kif tgħallmet tkampa mal-​effetti emozzjonali li ħasset għax qatt ma kienet iltaqgħet mal-​ġenituri naturali tagħha.

Inkampaw mal-​mewt taʼ ġenitur. Il-​mewt t’ommok jew taʼ missierek x’aktarx li tħalli feriti emozzjonali li huma diffiċli biex ifiqu. Il-​Bibbja tistaʼ tgħin. L-​Awtur tagħha, Ġeħova, hu “l-​Alla taʼ kull faraġ.”—2 Korintin 1:3.

F’paġna 17, Angela, mara żagħżugħa fl-​Awstralja, tispjega kif ir-​relazzjoni tagħha m’Alla qed tgħinha tkampa mal-​uġigħ meta mitilha missierha.

Il-​familji kollha għandhom xi sfidi li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom. Bħalma se juru l-​istejjer fil-​paġni li jmiss, dawk li japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja sabu sigriet vitali li jgħinhom ikampaw b’suċċess mal-​isfidi li jiffaċċjaw.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]

Nieħdu Ħsieb Tifel bi Bżonnijiet Speċjali

Kif rakkontata minn Victor Maynes, l-​Afrika t’Isfel

“Mindu twieled, Andrew kien jiddependi minna biex illibsuh, naħsluh, u kultant ngħinuh jiekol ukoll. Illum għandu 44 sena.”

AĦNA ssuspettajna li kien hemm xi ħaġa ħażina meta Andrew kellu iktar minn sena u kien għadu ma telaqx jimxi. Imbagħad, għal dik il-​ħabta, tatu taqliba. Ħadnieh malajr lejn l-​isptar, u skoprejna li kien qed ibati bl-​epilessija. Imma dan mhux kollox. Iktar testijiet ikkonfermaw li Andrew kellu diżabilità mentali.

Wara li pprovajna ħafna tipi taʼ kura, irnexxielna nikkontrollaw l-​attakki t’Andrew. Għamel żmien jieħu erbaʼ mediċini differenti tliet darbiet kuljum. M’għandniex xi ngħidu, id-​diżabilità mentali tiegħu ma tistax titjieb bil-​mediċina. Anki issa li għandu 44 sena, Andrew għandu l-​kapaċità mentali taʼ tifel taʼ ħames jew sitt snin.

It-​tobba tawna l-​parir biex nibagħtuh f’faċilità speċjali, imma aħna ddeċidejna li ma nagħmlux hekk. Konna f’pożizzjoni li stajna nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet t’Andrew, u għalhekk iddeċidejna li nieħdu ħsiebu d-​dar, minkejja l-​isfidi inevitabbli li kien hemm.

B’hekk, dan għamilnieh proġett tal-​familja. It-​tfal l-​oħrajn tagħna—kellna żewġt ibniet u tifel jgħixu d-​dar—kienu t’appoġġ kbir, u jien grat lejhom! Barra minn hekk, bħala Xhieda taʼ Ġeħova, kellna appoġġ tal-​għaġeb mill-​membri tal-​kongregazzjoni tagħna. Kultant, huma kienu jipprovdulna ikliet jew saħansitra kienu jieħdu ħsieb Andrew sakemm konna mmorru fil-​ministeru jew nieħdu ħsieb xi affarijiet oħrajn.

Dejjem żammejna f’qalbna l-​kliem taʼ Isaija 33:24, li fih il-​wegħda t’Alla li xi darba “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” Aħna nemmnu b’qalbna kollha li Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu biex iġib dinja ġdida u jneħħi l-​mard kollu. (2 Pietru 3:13) Għalhekk, inħarsu ’l quddiem lejn il-​jum meta Andrew se jkun f’saħħtu. Sadattant, għandna l-​fidi fi kliem Ġesù li jekk inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajjitna, l-​affarijiet li jkollna bżonn se jiġu provduti. (Mattew 6:33) Sibna li Alla dejjem ipprovdielna dak li kellna bżonn. Qatt ma naqasna xejn.

Veru, mhux kulħadd jistaʼ jieħu ħsieb xi membru tal-​familja li jkun marid id-​dar. Lil dawk li qed jagħmlu dan, nixtieq l-​ewwel nirrikkmandalhom li jitolbu b’qalbhom kollha u regolarment. (1 Pietru 5:6, 7) It-​tieni, ħudu ħsieb u uru mħabba tenera lit-​tifel jew lit-​tifla tagħkom, u qatt taħsbu li mhumiex kapaċi jitgħallmu jħobbu lil Alla Ġeħova. (Efesin 6:4) It-​tielet, involvu lill-​familja kollha kemm hi, u ħalluhom jgħinu. Ir-​rabaʼ, ftakru li d-​dar tagħkom hi l-​post fejn it-​tifel jew it-​tifla tagħkom se tirċievi l-​iktar imħabba. M’għandniex xi ngħidu, iċ-​ċirkustanzi jvarjaw. Min-​naħa tagħna, aħna qatt ma ddispjaċiena li ħadna ħsieb Andrew id-​dar. Għalija, hu verament l-​iktar tifel—l-​iktar raġel—taʼ min iħobbu li naf jien.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 16]

Imrobbija Bħala Adottata

Kif rakkontata minn Kenyatta Young, l-​Istati Uniti

“Jekk wieħed mill-​ġenituri tiegħek ikun ġenitur tar-​rispett, hemm konnessjoni bijoloġika mal-​ġenitur proprju tiegħek. Imma peress li ġejt adottata, m’għandix din il-​ħaġa. Lanqas biss naf lil min nixbah.”

M’GĦANDIX idea min hu missieri, u qatt ma ltqajt m’ommi li wilditni. Kienet tabbuża mill-​alkoħol u mid-​drogi meta kienet tqila bija. Meta twilidt ħaduni f’dar fejn jieħdu ħsieb it-​tfal orfni jew abbandunati u sibt ruħi f’diversi istituzzjonijiet qabel ma ġejt adottata meta kelli ftit inqas minn sentejn.

Missieri li adottani jgħid li meta dik li kienet fdata bil-​każ tiegħi wrietu r-​ritratt tiegħi, mill-​ewwel ried jadottani. Jien mill-​ewwel inġbidt lejn ommi l-​ġdida. Għedtilha li hi kienet ommi u li ridt immur id-​dar magħha.

Imma niftakar li meta kont tifla kelli l-​biżaʼ li nagħmel xi ħaġa ħażina u jerġgħu jibagħtuni lura minn fejn ġejt. Kont inħoss li ma stajtx inkun bin-​nervi jew saħansitra nimrad kif jagħmlu t-​tfal l-​oħrajn. Kont anki noqgħod attenta biex ma niħux xi riħ! Il-​ġenituri tiegħi baqgħu jassigurawni li huma kienu jħobbuni u li ma kinux se jabbandunawni.

Anki issa li kbirt, kultant nissielet mas-​sentimenti tiegħi għax inħoss li m’iniex apprezzata daqs dawk li trabbew mill-​ġenituri bijoloġiċi tagħhom. U meta nkun wasalt biex naċċetta s-​sitwazzjoni, jiġi xi ħadd u jgħidli, “Imissek tkun grata ħafna li għandek ġenituri meraviljużi li tant kellhom qalbhom tajba li adottawk!” Jien verament grata, imma kummenti bħal dawn iġegħluni nħoss li għandi xi ħaġa ħażina u li b’xi mod kien jirrikjedi sforz straordinarju biex xi ħadd isir iħobbni.

Inħoss li huwa verament iebes biex naċċetta l-​fatt li x’aktarx li qatt ma se nsir naf min hu l-​missier bijoloġiku tiegħi. Kultant inħossni mweġġgħa li ommi li wilditni ma rranġatx ħajjitha biex setgħet iżżommni, bħallikieku ma kienx taʼ min jagħmel dak l-​isforz għalija. Drabi oħrajn jiddispjaċini għaliha. Spiss naħseb li jekk qatt niltaqaʼ magħha nkun nixtieq ngħidilha li ħajti kienet suċċess u li m’għandhiex għalfejn tħossha ħatja li kienet abbandunatni.

Il-​ġenituri li adottawni huma Xhieda taʼ Ġeħova, u wieħed mill-​aqwa rigali li rċivejt mingħandhom hu l-​għarfien tal-​Bibbja. Dejjem insibu taʼ faraġ il-​kliem taʼ Salm 27:10: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.” Dan żgur li hu minnu fil-​każ tiegħi. U hemm xi riżultati pożittivi mill-​fatt li jien adottata. Pereżempju, in-​nies jaffaxxinawni—l-​ambjenti li jkunu ġejjin minnhom u ħajjithom—x’aktarx minħabba li ma nafx lill-​familja bijoloġika tiegħi. Jien inħobbhom in-​nies, u dan hu tassew importanti fil-​ministeru Kristjan. Peress li jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​fatt li nitkellem dwar il-​Bibbja jagħtini dinjità u skop. Meta nkun dipressa, noħroġ u mmur ngħin lil oħrajn. Meta ngħallem lin-​nies dwar il-​Bibbja nsib li nistaʼ verament insir nafhom. Kulħadd għandu l-​istorja tiegħu.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 17]

Inkampa mal-​Mewt taʼ Ġenitur

Kif rakkontata minn Angela Rutgers, l-​Awstralja

“Meta miet missieri, ħassejtni bħallikieku xi ħadd neħħieli l-​ħajt taʼ protezzjoni li kelli. L-​uniku individwu li kien jaf kollox u li setaʼ jirranġa kwalunkwe ħaġa f’ħajti ma kienx għadu hemm.”

MISSIERI miet għaxar snin ilu meta kont għadni adoloxxenti. Sitt xhur qabel, hu ġie operat u waqt li kien għadu fil-​kamra sakemm jiġi f’sensih, it-​tabib qalilna li ma setgħu jagħmlu xejn iktar. Ommi riedet b’mod iddisprat tikseb iktar informazzjoni, ħija ħassu ħażin, u jien ma kontx naf x’se naqbad nagħmel minħabba l-​emozzjonijiet tiegħi. Missieri miet sitt xhur wara.

Għaddejt minn perijodu taʼ taħwid emozzjonali. Xtaqt lil ħbiebi jifhmu minn xiex kont għaddejja, imma ma ridthomx jitħassruni. Għalhekk, għamilt sforz biex ma nurihomx x’kont qed inħoss. Mill-​banda l-​oħra, ħassejt li jekk inħalli lili nnifsi nieħu gost bil-​kumpanija tagħhom inkun qed nagħti l-​impressjoni li ħajti kienet kważi reġgħet ġiet għan-​normal, li fil-​fatt ma kinitx. Meta naħseb dwar il-​mod kif aġixxejt dak iż-​żmien nirrealizza kemm ħbiebi ħadu paċenzja bija.

Inħoss rimors għall-​mewt taʼ missieri? Iva, inħoss! Nixtieq li kont ngħidlu “nħobbok!” iktar spiss. Nixtieq li għannaqtu iktar jew qattajt iktar ħin miegħu. Għalxejn ngħid lili nnifsi, ‘Hu ma jridekx tħossok hekk,’ għax xorta ninkwieta.

Bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, it-​tama tal-​irxoxt ibbażata fuq il-​Bibbja tant inħossha tfarraġni. (Ġwanni 5:28, 29) Nipprova nimmaġina li missieri għadu kif siefer fuq vjaġġ u li xi darba ġej lura d-​dar, imma d-​data eżatta ma nafhiex. Xi ħaġa stramba hi li meta n-​nies kienu jgħiduli, “Missierek se jiġi lura fl-​irxoxt,” għall-​ewwel ma kontx inħossni inkuraġġita. Kont inħoss, ‘Irrid lil missieri jiġi lura issa stess!’ Imma t-​tixbiha tas-​safar għenitni ferm. Kienet tirreferi għall-​irxoxt fil-​futur, imma fl-​istess ħin għenitni nkampa mat-​telfa li kont għadni kemm ġarrabt.

Il-​Kristjani sħabna kienu t’appoġġ kbir. Niftakar f’wieħed minnhom partikulari li qalli li kien iħossha bi tqila biex jitkellem dwar il-​mewt taʼ missieri, imma qalli li l-​ħin kollu kien jaħseb fija u fil-​familja tiegħi. Dak il-​kumment żammejtu f’moħħi. Dan għenni fil-​jiem meta ħadd ma kien jgħidli xejn, għaliex ġegħelni nirrealizza li anki jekk ma kienu jgħiduli xejn, huma xorta kienu qed jaħsbu fija u fil-​familja tiegħi. Dan tgħidx kemm kien ifisser għalija!

Erbaʼ xhur wara l-​mewt taʼ missieri, ommi bdiet tqattaʼ iktar ħin fil-​ministeru, u stajt nara li l-​akbar ferħ li kellha kien minħabba f’hekk. Għalhekk, jien għamilt bħalha. Tiskanta kemm jgħinek tkampa l-​fatt li tgħin lil oħrajn. Dan saħħaħli l-​fidi fil-​Kelma taʼ Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu, u jgħinni anki issa biex ma niffokax biss fuq in-​niket tiegħi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja