Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Kif Tirnexxi fl-Ewwel Sena taż-Żwieġ
Hu jgħid: “Bqajt sorpriż kemm jien u marti aħna differenti! Pereżempju, jien inħobb inbakkar, imma hi tħobb tmur torqod tard filgħaxija. U xi ngħidu għall-bidliet fil-burdati tagħha? Iħawduni għalkollox! U ħaġ’oħra—hi tibda tikkritika żżejjed meta nsajjar, speċjalment minħabba l-mod kif nixxotta jdejja bis-sarvetta tal-platti.”
Hi tgħid: “Żewġi raġel taʼ ftit kliem. Imma jien imdorrija bħall-familja tiegħi. Huma jħobbu jitkellmu ħafna, l-iktar fil-ħin tal-ikel. U meta żewġi jsajjar, hu juża l-istess sarvetta biex jixxotta l-platti u anki biex jixxotta jdejh! Dan idejjaqni ħafna! Għala l-irġiel huma daqshekk diffiċli biex tifhimhom? In-nies kif jirnexxu fiż-żwieġ tagħhom?”
JEKK int miżżewweġ frisk, iffaċċjajt sfidi bħal dawn? Jidher li f’daqqa waħda l-persuna li żżewwiġt sar għandha nuqqasijiet u dgħufijiet li ma kinux jeżistu meta kontu tinnamraw? Kif tistaʼ tnaqqas l-effett li “t-taħbit tal-ħajja” jkollu fuq il-miżżewġin?—1 Korintin 7:28, Għaqda Biblika Maltija.
L-ewwel, tistenniex li ladarba tajt il-wegħdiet taż-żwieġ int u marteka se ssiru f’daqqa waħda esperti fil-ħajja miżżewġa. Int stajt rawwimt abbiltajiet soċjali taʼ valur qabel iż-żwieġ u dawn setgħu tjiebu waqt in-namur. Madankollu, biż-żwieġ dawn l-abbiltajiet se juru xi jsarrfu b’modi ġodda u x’aktarx li int se jkollok bżonn titgħallem oħrajn ġodda. Se tagħmel żbalji? Dażgur! Tistaʼ int titgħallem l-abbiltajiet li għandek bżonn? Assolutament!
L-aħjar mod kif ittejjeb kwalunkwe abbiltà hu billi tieħu parir mingħand xi espert fis-suġġett u mbagħad tapplika l-parir li jagħti. L-aħjar espert taż-żwieġ hu Alla Ġeħova. Wara kollox, hu l-Wieħed li ħalaqna bix-xewqa li niżżewġu. (Ġenesi 2:22-24) Innota kif il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tistaʼ tgħinek tegħleb l-isfidi u trawwem l-abbiltajiet li għandek bżonn biex mill-ewwel sena ż-żwieġ tiegħek jirnexxi iktar.
L-1 ABBILTÀ. TGĦALLMU ĦUDU L-OPINJONI TAʼ XULXIN
X’inhuma l-isfidi? Keiji,b raġel miżżewweġ li jgħix fil-Ġappun, kultant kien jinsa li d-deċiżjonijiet tiegħu kienu jeffettwaw lil martu. Hu jgħid: “Kont naċċetta l-istedin mingħajr ma l-ewwel niddiskuti maʼ marti. Wara kont insib li ma kienx ikun komdu għaliha li żżomm dawn l-appuntamenti.” Allen, raġel miżżewweġ mill-Awstralja jgħid: “Kont inħoss li tkun dgħufija min-naħa tiegħi bħala raġel biex noqgħod nistaqsi lil marti dwar deċiżjonijiet li riedu jittieħdu.” Hu ffaċċja sfida minħabba t-trobbija. L-istess ġara lil Dianne, li toqgħod il-Britannja. Hi tgħid: “Kont imdorrija nitkellem mal-familja tiegħi għal parir. Għalhekk, l-ewwel kont nistaqsi lilhom u mhux lil żewġi meta niġi għal xi deċiżjoni.”
X’inhi s-soluzzjoni? Ftakar li Alla Ġeħova jqis koppja miżżewġa bħala li huma “ġisem wieħed.” (Mattew 19:3-6) Mill-ħarsa tiegħu, l-ebda relazzjoni oħra bejn il-bnedmin ma hi iktar importanti minn dik li teżisti bejn raġel u martu! Sabiex din l-għaqda tibqaʼ b’saħħitha, komunikazzjoni tajba hi meħtieġa għall-aħħar.
Raġel u martu jistgħu jitgħallmu ħafna billi jeżaminaw il-mod kif Alla Ġeħova kkomunika maʼ Abraham. Pereżempju, jekk jogħġbok aqra d-diskussjoni mniżżla f’Ġenesi 18:17-33. Innota li Alla onora lil Abraham bi tliet modi. (1) Ġeħova spjega l-intenzjoni tiegħu. (2) Hu semaʼ filwaqt li Abraham spjega l-ħarsa tiegħu. (3) Sakemm setaʼ, Ġeħova adatta dak li kien se jagħmel biex jikkuntenta lil Abraham. Kif tistaʼ ssegwi l-istess eżempju meta tiġi biex tieħu xi deċiżjoni flimkien maʼ martek?
IPPROVA DAN: Meta tiddiskuti affarijiet li se jolqtu lill-persuna li żżewwiġt, (1) spjega kif int tixtieq li tittrattaw is-sitwazzjoni, iżda ppreżenta l-ħsibijiet tiegħek bħala suġġerimenti u mhux bħala deċiżjonijiet finali jew theddid; (2) staqsiha għall-opinjoni tagħha u agħraf id-dritt tagħha għal ħarsa differenti; u (3) ‘ħa jkun jaf kulħadd kemm int raġunevoli’ billi tadotta l-preferenzi tagħha kull meta jkun possibbli.—Filippin 4:5.
IT-2 ABBILTÀ. TGĦALLEM UŻA T-TATTIKA
X’inhi l-isfida? Forsi għandek id-drawwa li tesprimi l-opinjoni tiegħek b’mod sod, saħansitra bla tattika, minħabba t-trobbija fil-familja jew l-isfond kulturali tiegħek. Pereżempju, Liam, li jgħix fl-Ewropa, jgħid: “In-nies taʼ pajjiżi spiss jitkellmu bla ma jaħsbuha. Il-mod bla tattika taʼ kif kont nesprimi ruħi spiss kien iweġġaʼ lil marti. Kelli nitgħallem inkun iktar ġentili.”
X’inhi s-soluzzjoni? Tassumix li martek trid min ikellimha bl-istess mod li mdorri bih int. (Filippin 2:3, 4) Il-parir li l-appostlu Pawlu ta lil missjunarju hu taʼ għajnuna wkoll għal dawk li għadhom kif iżżewġu. Hu kiteb: “Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili.” Fil-Grieg oriġinali, il-kelma tradotta “ġentili” tistaʼ tiġi tradotta wkoll bħala bit-“tattika.” (2 Timotju 2:24; nota taʼ taħt) It-tattika hija l-abbiltà biex wieħed jagħraf kemm tkun delikata sitwazzjoni u biex jittratta l-kwistjoni b’ġentilezza, mingħajr ma jweġġaʼ lil ħadd.
IPPROVA DAN: Meta martek tirritak, immaġina li minflok qed tkellem lilha, int qed titkellem maʼ ħabib veru jew mal-imgħallem tiegħek. Kieku xorta tuża l-istess ton taʼ leħen jew għażla taʼ kliem? Imbagħad aħseb f’raġunijiet għala martek jixirqilha li tkellimha b’iżjed rispett u tattika saħansitra iktar minn ħabibek jew l-imgħallem tiegħek.—Kolossin 4:6.
IT-3 ABBILTÀ. TGĦALLEM ADATTA GĦALL-IRWOL IL-ĠDID TIEGĦEK
X’inhi l-isfida? Għall-ewwel, raġel miżżewweġ jistaʼ juża l-irwol tiegħu bħala kap tal-familja b’guffaġni, jew mara miżżewġa tistaʼ ma tkunx imdorrija tagħmel suġġerimenti bit-tattika. Pereżempju, Antonio, raġel miżżewweġ fl-Italja, jgħid: “Missieri kważi qatt ma kien jieħu l-opinjoni taʼ ommi dwar deċiżjonijiet tal-familja. Allura, għall-ewwel, kont nikkmanda lil familti qisni kont xi re.” Debbie, mara miżżewġa fil-Kanada, tgħid: “Lir-raġel għedtlu li kellu jkun iktar ordinat. Iżda l-fatt li qgħadt ngħidlu x’għandu jagħmel serva biss biex iżjed iwebbes rasu.”
X’inhi s-soluzzjoni għal raġel miżżewweġ? Xi rġiel miżżewġin iħawdu dak li l-Bibbja tgħid dwar is-sottomissjoni tal-mara maʼ dak li tgħid dwar l-ubbidjenza taʼ tifel lejn il-ġenitur tiegħu. (Kolossin 3:20; 1 Pietru 3:1) Madankollu, il-Bibbja tgħid li r-raġel miżżewweġ għandu “jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed”; ma tgħidx l-istess dwar ġenitur u ibnu. (Mattew 19:5) Ġeħova jiddeskrivi l-mara miżżewġa bħala s-sieħba li taqbel maʼ żewġha, jew li timla n-nuqqas tiegħu. (Ġenesi 2:18) Qatt ma jirreferi għar-relazzjoni bejn iben u ġenitur b’dan il-mod. X’taħseb—jekk raġel jittratta lil martu bħal ibnu, ikun qed jonora l-arranġament taż-żwieġ?
Fil-fatt, il-Kelma taʼ Alla tħeġġek tittratta lil martek bl-istess mod li Ġesù jittratta lill-kongregazzjoni Kristjana. Int tistaʼ tagħmilha eħfef għal martek biex tqisek bħala l-kap tagħha jekk (1) ma tistenniex minnha li tesprimi s-sottomissjoni lejk mill-ewwel u b’mod perfett u (2) tħobbha bħalma tħobb lil ġismek stess, anki meta jqumu d-diffikultajiet.—Efesin 5:25-29.
X’inhi s-soluzzjoni għal mara miżżewġa? Agħraf li żewġek issa huwa l-kap maħtur tiegħek minn Alla. (1 Korintin 11:3) Jekk tonora lil żewġek, tonora lil Alla. Jekk ma taċċettax l-irwol tiegħu taʼ kap, int ma turix biss dak li tħoss dwar żewġek imma wkoll dwar Alla u l-ħtiġijiet tiegħu.—Kolossin 3:18.
Meta tiddiskuti kwistjonijiet taʼ sfida, tgħallem attakka l-problema—mhux il-karattru taʼ żewġek. Pereżempju, is-Sultana Ester riedet li żewġha, is-Sultan Aħasweru, jirranġa inġustizzja. Minflok ma attakkatu personalment, hi esprimiet ruħha bit-tattika. Żewġha aċċetta s-suġġeriment tagħha u fl-aħħar għamel il-ħaġa t-tajba. (Ester 7:1-4; 8:3-8) Ir-raġel tiegħek x’aktarx li se jħobbok b’mod iktar profond jekk (1) tagħtih iż-żmien biex jitgħallem iwettaq l-irwol ġdid tiegħu bħala kap taʼ familja u (2) tittrattah b’rispett, anki meta jiżbalja.—Efesin 5:33.
IPPROVA DAN: Minflok ma tieħu nota taʼ kif taħseb li l-persuna li żżewwiġt għandha bżonn tinbidel, żomm lista tal-affarijiet li int għandek bżonn tbiddel. Irġiel miżżewġin: Meta tonqsu lin-nisa tagħkom bil-mod kif twettqu jew ma twettqux l-irwol tagħkom taʼ kap, staqsuhom kif tistgħu titjiebu, u mbagħad iktbu s-suġġeriment. Nisa miżżewġin: Meta l-irġiel tagħkom iħossu li mhux qed jintwerew rispett, staqsuhom kif tistgħu tmorru għall-aħjar u iktbu s-suġġeriment.
Kun Raġunevoli f’Dak li Tistenna fiż-Żwieġ
Iż-żmien li tieħu biex titgħallem kif iżżomm relazzjoni bilanċjata u feliċi fiż-żwieġ jistaʼ jitqabbel maʼ li titgħallem issuq rota. Tistenna li taqaʼ xi ftit sakemm issir kunfidenti bħala ċiklista. Bl-istess mod, għandek tistenna li se tagħmel xi ftit żbalji imbarazzanti sakemm tikseb l-esperjenza fiż-żwieġ.
Żomm sens taʼ umoriżmu. Ħu bis-serjetà dak li jinkwieta dwaru s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, imma tgħallem idħaq bl-iżbalji banali tiegħek stess. Aħtfu opportunitajiet biex tferrħu lil xulxin matul l-ewwel sena taż-żwieġ tagħkom. (Dewteronomju 24:5) Fuq kollox, ħallu l-Kelma taʼ Alla tiggwida r-relazzjoni tagħkom. Jekk tagħmlu dan, iż-żwieġ tagħkom se jissaħħaħ sena wara l-oħra.
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm f’dan l-artiklu ntuża spiss il-maskil, il-prinċipji japplikaw kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa miżżewġin.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
▪ Għamilt jien lill-persuna li żżewwiġt l-iktar waħda li nafda fiha, jew nippreferi nieħu l-opinjoni tal-oħrajn?
▪ F’dawn l-aħħar 24 siegħa, x’għamilt speċifikament li juri li nħobbha u nirrispettaha?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 11, 12]
Il-Bibbja Salvat iż-Żwieġ Tagħna
Għall-ewwel li żżewġu, Toru u Akiko kienu jinħabbu. Iżda tmien xhur biss wara, din il-koppja Ġappuniża ddeċidiet li tiddivorzja. Huma jirrakkontaw x’ġara.
Toru: “Skoprejt li jien u marti ma konniex naqblu daqs kemm ħsibt. Pereżempju, meta konna naraw it-televixin, jien kont inħobb nara l-isports, imma hi kienet tħobb id-drammi. Lili kien jogħġobni l-ħruġ, imma hi kienet tippreferi toqgħod ġewwa.”
Akiko: “Toru kien jagħmel kulma kienet tgħidlu l-familja tiegħu, imma ma kienx jitlob l-opinjoni tiegħi. Staqsejtu, ‘Min hu l-iktar importanti għalik, jien jew ommok?’ Ukoll, bqajt mistagħġba kif Toru kien jgħawweġ il-verità. Għedtlu li gidba twassal għal oħra u jekk ma jiqafx, iż-żwieġ tagħna ma kellux idum.”
Toru: “Kont inħossni frustrat u staqsejt lil kollega taʼ fuqi għal parir dwar kif kelli nittratta maʼ marti. Qalli, ‘Sempliċement għidilha tagħlaqlu. Jekk tgerger, xejjirhielha.’ Darba minnhom tajtha daqqa taʼ ħarta u qlibt il-mejda. Iġġilidna bl-ikrah u telqet. Kelli nġibha lura minn lukanda f’Tokjo. Fl-aħħar iddeċidejna li niddivorzjaw. Hekk kif tlaqt għall-uffiċċju dik l-għodwa, marti bdiet tippakkja ħwejjiġha.”
Akiko: “X’ħin kont ħierġa lejn il-bieb taʼ barra bil-bagalji f’idejja, il-qanpiena tad-dar daqqet. Kien hemm mara fil-bieb. Kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għedtilha tidħol ġewwa.”
Toru: “Meta wasalt l-uffiċċju bdejt nerġaʼ naħsibha dwar id-divorzju, allura għaġġilt lura d-dar. Meta wasalt, sibt lil Akiko titkellem maʼ din il-mara. Il-mara qaltli: ‘Għandkom bżonn xi ħaġa li t-tnejn li intom tistgħu tagħmlu flimkien. Tixtiequ tistudjaw il-Bibbja?’ ‘Iva,’ għedtilha, ‘nagħmel minn kollox, basta nsalva ż-żwieġ tagħna!’”
Akiko: “Il-mara għamlet arranġamenti biex nistudjaw il-Bibbja. Il-folja nqalbet meta qrajna d-deskrizzjoni li tagħti l-Bibbja għall-arranġament taż-żwieġ. Tgħid: ‘Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.’”—Ġenesi 2:24.
Toru: “Mill-ewwel fhimt il-punt fl-iskrittura. Għedt lill-ġenituri tiegħi, ‘Minn issa ’l quddiem se niddiskuti l-affarijiet maʼ marti qabel ma nieħu xi deċiżjoni.’ Ukoll, waqaft nixrob iżżejjed. U meta tgħallimt li Alla jobgħod il-gideb, ipprovajt ngħid biss il-verità.”
Akiko: “Jien ukoll inbdilt. Pereżempju, kont nisfida lil Toru. Imma meta rajt kemm kien qed japplika l-prinċipji tal-Bibbja bdejt nappoġġah iktar. (Efesin 5:22-24) Issa ilna iktar minn 28 sena miżżewġin u ferħanin. Stajna negħlbu l-problemi tagħna billi sirna nafu lil xulxin aħjar u billi applikajna l-pariri għaqlin misjubin fil-Bibbja.”