X’Tiftakar?
Qrajt bir-reqqa l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri tal-Għassa? Ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
Salamun f’liema sens jistaʼ jkun t’eżempju taʼ twissija għalina?
Alla bierek u uża lis-Sultan Salamun. Iżda matul ir-renju tiegħu, Salamun ma baqax jobdi l-pariri t’Alla. Minbarra li żżewweġ lil bint il-Fargħun li kienet pagana, iżżewweġ ukoll ħafna nisa oħrajn, u ppermetta li bil-mod il-mod in-nisa pagani jwassluh biex jaqdi allat foloz. Jeħtieġ li aħna nevitaw li bil-mod il-mod niżviluppaw attitudnijiet jew tendenzi ħżiena. (Dt. 7:1-4; 17:17; 1 Slat. 11:4-8)—12/15, paġni 10-12.
Il-missirijiet kif jistgħu jibqgħu qrib uliedhom subien?
Inkludi lil ibnek fl-attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Warrab il-ħin biex tilgħab miegħu. Regolarment, aqralu xi storja qabel imur jorqod, u isimgħu jesprimi l-ferħ u t-tħassib tiegħu tal-ġurnata. Hu u jikber kompli agħmel attivitajiet pjaċevoli miegħu. Esprimi l-approvazzjoni u l-affezzjoni għax dawn se jgħinu lil ibnek ikollu iżjed fiduċja fih innifsu.—1/1, paġni 24-26.
Kif nafu jekk l-art hix se tispiċċa fl-2012?
Xi wħud jaħsbu li d-dinja se tispiċċa fl-2012 minħabba t-tmiem tal-perijodu fil-kalendarju tal-qedem tal-Maja. Imma dan mhuwiex possibbli għax Ġeħova ħalaq l-art biex tkun abitata. Il-Bibbja tgħid li l-art se tibqaʼ għal dejjem. (Ekk. 1:4; Is. 45:18)—1/1, paġna 10.
X’jindika li mill-ewwel seklu ’l quddiem dejjem kien hemm xi wħud mill-Kristjani midlukin ġenwini fuq l-art?
Fil-parabbola taʼ Ġesù dwar “il-qamħ” u “s-sikrana,” iż-“żerriegħa t-tajba” kienet tfisser “ulied is-saltna.” (Mt. 13:24-30, 38) Is-sikrana kellha tikber flimkien mal-qamħ sa żmien il-ħsad. Għalhekk, minkejja li ma nistgħux ngħidu min kienu dawk li jirrappreżentaw il-qamħ, żgur li dejjem kien hawn xi wħud minnhom fuq l-art sa żmienna.—1/15, paġna 7.
Liema tliet passi importanti se jgħinuna niksbu l-iktar benefiċċju mill-istudju personali tagħna tal-Bibbja?
(1) Kun ċert li l-ewwel titlob lil Ġeħova jagħtik l-attitudni mentali xierqa u l-ispirtu qaddis tiegħu. (2) Kultant ieqaf biex timmedita fuq dak li tkun qed taqra. (3) Agħmel sforz u fil-ħajja taʼ kuljum applika dak li titgħallem.—1/15, paġna 15.
Kif nistgħu negħlbu t-tendenza negattiva tal-għira?
Xi passi li jistgħu jkunu t’għajnuna huma: Stinka biex tkattar l-imħabba u l-affezzjoni lejn l-aħwa, agħmilha maʼ nies li jħobbu lil Alla, fittex li tagħmel it-tajjeb, u ‘ifraħ maʼ min jifraħ.’ (Rum. 12:15)—2/15, paġni 16-17.
Meta tagħti parir, liema prinċipji għandek iżżomm f’moħħok?
Ifhem is-sitwazzjoni sew. Evita li twieġeb bla ma taħsibha. Applika l-Kelma t’Alla bl-umiltà. Jekk inhu possibbli, uża l-librerija teokratika. Evita li tieħu deċiżjonijiet għal oħrajn.—3/15, paġni 7-9.
Ġesù ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex jimxu t-tieni kilometru. (Mt. 5:41) X’ried ifisser b’dan?
Il-poplu taʼ Iżrael f’dak iż-żmien kien taħt ir-Rumani, li setgħu jisforzaw raġel biex jaħdem għalihom. Meta Ġesù ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex jimxu t-tieni kilometru, hu kien qed jgħidilhom biex mingħajr stmerrija jwettqu s-servizzi li l-awtoritajiet jitolbu minnhom bi dritt.—4/1, paġna 9.