LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 6/15 pp. 3-6
  • L-Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġabitli Ħafna Barkiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġabitli Ħafna Barkiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • DISKUSSJONIJIET MAL-​QASSISIN
  • INKARIGI ĠODDA
  • BIDLA OĦRA F’ĦAJJITNA
  • UBBIDJENTI ANKI FI ŻMINIJIET TAʼ NIKET
  • Ħobb Iktar lil Ġeħova u lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Qatt Ma Waqaft Nitgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ħarreġ lil uliedek biex jaqdu lil Ġeħova—It-2 parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 6/15 pp. 3-6

BIJOGRAFIJA

L-​Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġabitli Ħafna Barkiet

Kif rakkontata minn Elisa Piccioli

“X’lezzjoni mill-​isbaħ nitgħallmu minn Noè!” spjega missieri. “Noè obda lil Ġeħova u kien iħobb lil familtu, u lkoll salvaw mid-​Dilluvju għax il-​familja kollha daħlet fl-​arka.”

DIN hi waħda mill-​ewwel memorji li għandi taʼ missieri, raġel modest u bieżel. Hu kien iħobb ħafna l-​ġustizzja, u għalhekk mill-​ewwel inġibed lejn il-​messaġġ tal-​Bibbja meta semgħu fl-​1953. Minn dakinhar ’il quddiem, hu għamel ħiltu biex jgħallem lilna t-​tfal dak li hu kien qed jitgħallem. Ommi għall-​ewwel ma riditx titlaq it-​tradizzjonijiet Kattoliċi tagħha. Imma maż-​żmien, hi wkoll bdiet taċċetta t-​tagħlim tal-​Bibbja.

Kien diffiċli għall-​ġenituri tiegħi biex jistudjaw magħna. Ommi ma kinitx taf taqra sew u missieri kien jaħdem iebes fl-​għelieqi għal sigħat twal. Kultant tant kien ikun għajjien li ma kienx jiflaħhom għajnejh waqt l-​istudju. Iżda l-​isforzi tiegħu ma kinux għalxejn. Jien kont il-​kbira, allura kont ngħin biex ngħallem lil oħti u liż-​żewġ ħuti subien. Spiss konna nitkellmu dwar kemm Noè kien iħobb lil familtu u dwar kemm kien ubbidjenti lejn Alla. Kemm kont inħobbu dan ir-​rakkont tal-​Bibbja! Ma domniex ma konna lkoll qed nattendu l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna f’Roseto degli Abruzzi, belt fuq il-​kosta Adrijatika tal-​Italja.

Kelli biss 11-​il sena fl-​1955 meta jien u ommi għaddejna minn fuq il-​muntanji biex nattendu l-​ewwel konvenzjoni tagħna, f’Ruma. Minn dakinhar ’l hawn, jien qist dawn il-​laqgħat kbar bħala waħda mill-​iktar affarijiet sbieħ fil-​ħajja Kristjana.

Is-​sena taʼ wara, tgħammidt u ftit wara dħalt fis-​servizz full-​time. Meta kelli 17-​il sena sirt pijuniera speċjali f’Latina, lejn in-​Nofsinhar taʼ Ruma u madwar 300 kilometru bogħod mid-​dar. Kienet belt pjuttost ġdida, allura ħadd ma kien jinkwieta wisq dwar x’setgħu jaħsbu l-​ġirien. Jien u l-​oħt pijuniera li kont naqdi magħha konna nieħdu ħafna pjaċir inqassmu bosta letteratura Biblika, imma kemm kont nimmissjaha d-​dar, peress li kont għadni ftit żgħira. Xorta waħda, ridt nobdi d-​direzzjoni li kont ingħatajt.

Il-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

Iktar tard ġejt inkarigata f’Milan biex ngħin fil-​preparazzjonijiet għall-​Assemblea Internazzjonali “Aħbar Tajba taʼ Dejjem” li nżammet fl-​1963. Matul il-​konvenzjoni, jien ħdimt bħala volontiera flimkien maʼ ħafna oħrajn, inkluż Paolo Piccioli, ħu żagħżugħ minn Firenze. Fit-​tieni jum tal-​konvenzjoni, hu għamel taħdita kommoventi dwar kif dawk mhux miżżewġin jistgħu jagħmlu iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova. Niftakarni ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Dak il-​ħu żgur li qatt mhu se jiżżewweġ.’ Però, bdejna niktbu lil xulxin u ma domniex ma ntbaħna li kellna ħafna affarijiet komuni bejnietna—il-​miri tagħna, l-​imħabba tagħna għal Ġeħova, u x-​xewqa kbira li kellna biex nobduh. Jien u Paolo żżewwiġna fl-​1965.

DISKUSSJONIJIET MAL-​QASSISIN

Kont pijuniera regulari f’Firenze għal għaxar snin. Kien eċċitanti li nara ż-​żieda fil-​kongregazzjonijiet, partikularment li nara ż-​żgħażagħ jagħmlu progress. Jien u Paolo konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin magħhom f’konversazzjonijiet spiritwali kif ukoll fir-​rikreazzjoni, li għal Paolo ġeneralment kien ifisser li jilgħab il-​futbol. M’għandniex xi ngħidu, kont nieħu gost inqattaʼ l-​ħin maʼ żewġi, imma fhimt ukoll li l-​familji u ż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni kellhom bżonn il-​ħin u l-​attenzjoni tiegħu.

Għadni nħossni ferħana meta niftakar fil-​ħafna studji tal-​Bibbja li stajna nikkonduċu. Studju minnhom kien maʼ Adriana, li tkellmet maʼ żewġ familji oħra dwar x’kienet qed titgħallem. Huma ftiehmu biex jiltaqgħu maʼ qassis ħalli jiddiskutu duttrini tal-​knisja bħat-​Trinità u r-​ruħ immortali. Tliet mexxejja tal-​knisja ġew għal-​laqgħa. Il-​mod kif spjegaw it-​tagħlim tagħhom xejn ma kien ċar u l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna setgħu faċilment jaraw li dan it-​tagħlim ma kienx jaqbel maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. B’riżultat taʼ din il-​laqgħa, 15-​il persuna minn dawn il-​familji saru Xhieda.

Naturalment, illum il-​metodi li nużaw fl-​ippritkar huma differenti mhux ħażin. Lura dak iż-​żmien, Paolo spiss kien jiltaqaʼ mal-​qassisin biex jiddiskutu t-​tagħlim tal-​Bibbja, u sar tas-​sengħa f’li jippreżenta t-​twemmin tagħna f’dawn id-​diskussjonijiet. Niftakar okkażjoni minnhom meta ltaqgħu quddiem udjenza taʼ wħud li ma kinux Xhieda. Ma domniex ma indunajna li dawn il-​qassisin kienu ftiehmu minn qabel biex xi wħud fl-​udjenza jistaqsu mistoqsijiet li kienu se jimbarazzaw lil Paolo. Imma l-​affarijiet ma żvolġewx kif kienu ppjanaw il-​qassisin. Xi ħadd saqsa jekk kienx xieraq li l-​knisja tindaħal fil-​politika, bħalma għamlet għal sekli sħaħ. F’dak il-​waqt, deher ċar li l-​qassisin kienu ġew daharhom mal-​ħajt. F’daqqa waħda, id-​dwal intfew u l-​laqgħa ġiet kanċellata. Snin wara sirna nafu li l-​qassisin kienu ppjanaw biex xi ħadd jitfi d-​dwal jekk il-​konversazzjoni ma tkunx kif xtaqu huma.

INKARIGI ĠODDA

Wara li jien u Paolo konna ilna miżżewġin għaxar snin, ġejna mistidnin naqdu fix-​xogħol tas-​circuit. Paolo kellu xogħol tajjeb, allura ma kinitx deċiżjoni faċli. Imma wara li tlabna u ħsibna dwarha, iddeċidejna li naċċettaw l-​inkarigu. Konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin mal-​familji li kienu jżommuna magħhom. Filgħaxija, spiss konna nistudjaw bħala grupp, u mbagħad Paolo kien jgħin lit-​tfal fil-​ħowmwerk, speċjalment fil-​matematika. Barra minn hekk, Paolo kien iħobb jaqra ħafna u b’entużjażmu kien jaqsam m’oħrajn affarijiet interessanti u inkuraġġanti li jkun qara. Nhar taʼ Tnejn, spiss konna mmorru nippritkaw fi bliet fejn ma kienx hemm Xhieda, u konna nistiednu lin-​nies għal taħdita pjanata għal dik il-​lejla.

Konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin maż-​żgħażagħ, li għal Paolo ġeneralment kien ifisser li jilgħab il-​futbol

Wara sentejn biss fix-​xogħol tas-​circuit, ġejna mistidnin naqdu fil-​Betel taʼ Ruma. Paolo kien jaħdem fid-​Dipartiment Legali, u jien ġejt inkarigata fid-​Dipartiment tar-​Rivisti. Din ma kinitx bidla faċli għalina, imma konna determinati li nkunu ubbidjenti. Kien eċċitanti li naraw li fil-​fergħa kien qed isir iktar u iktar xogħol u li l-​għadd tal-​aħwa fl-​Italja kien qed jiżdied daqstant. Ukoll, matul dak iż-​żmien, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Italja ġew rikonoxxuti legalment. Konna ferħanin ħafna fl-​inkarigu ġdid tagħna.

Paolo kien iħobb xogħlu f’Betel

Fil-​bidu tas-​snin 80, waqt li konna qed naqdu Betel, każ legali fl-​Italja sar magħruf ħafna. Koppja li kienu Xhieda ġew akkużati li kienu l-​kaġun tal-​mewt taʼ binthom minħabba li ma ħallewhiex tieħu trasfużjoni tad-​demm. Din l-​akkuża kienet falza. Fir-​realtà, hi mietet minħabba marda serja fid-​demm li kienet komuni fl-​Italja u pajjiżi oħrajn fil-​viċin. Aħwa fil-​familja Betel għenu lill-​avukati li rrappreżentaw lill-​ġenituri. Fuljett u edizzjoni speċjali taʼ Stenbaħ! ġew stampati u ngħataw lin-​nies biex isiru jafu l-​verità dwar din is-​sitwazzjoni u biex jgħinuhom jifhmu x’tgħid il-​Bibbja dwar id-​demm. Matul dawn ix-​xhur, Paolo spiss kien jaħdem sa 16-​il siegħa kuljum mingħajr ma jieqaf. Għamilt l-​almu tiegħi biex nappoġġah matul dak iż-​żmien.

BIDLA OĦRA F’ĦAJJITNA

Konna ilna miżżewġin 20 sena meta ġrat xi ħaġa li ma konniex qed nistennewha. Jien kelli 41 sena u Paolo kellu 49 sena meta għedtlu li ħsibt li kont tqila. Fid-​djarju tiegħu, sibt li dakinhar kien kiteb hekk: “Talba: Jekk inhu veru, għinna biex nibqgħu fis-​servizz full-​time, biex ma nintelqux spiritwalment, u għinna biex inkunu ġenituri tajbin bl-​eżempju tagħna. Fuq kollox, għinni nagħmel fil-​prattika mqar wieħed fil-​mija minn dak kollu li għedt minn fuq il-​platform f’dawn l-​aħħar 30 sena.” Meta naħseb dwar dan issa, nistaʼ nara li Ġeħova verament wieġeb it-​talba taʼ Paolo u tiegħi wkoll.

It-​twelid taʼ Ilaria ġab bidliet kbar ħafna f’ħajjitna. Biex inkun onesta, kellna mumenti taʼ skuraġġiment, bħalma jissemma fi Proverbji 24:10: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Imma aħna komplejna nappoġġaw lil xulxin.

Illum, Ilaria spiss tgħid li hi ferħana li l-​ġenituri tagħha kellhom ħafna x’jagħmlu fis-​servizz full-​time hi u tikber. Hi qatt ma ħassitha ttraskurata; trabbiet f’familja normali għall-​aħħar. Matul il-​ġurnata, jien kont inkun magħha. Filgħaxija meta Paolo kien jiġi lura d-​dar, spiss kien ikollu xi xogħol xi jlesti; però, hu kien iqattaʼ l-​ħin magħha, jilgħab u jgħinha fil-​ħowmwerk. Dan kien jagħmlu avolja kien ifisser li forsi kien jibqaʼ mqajjem sas-​sagħtejn jew sat-​tlieta taʼ filgħodu biex ilesti xogħlu stess. Ilaria spiss kienet tgħid, “Il-​papà l-​aqwa ħabib tiegħi.”

Kif tistaʼ timmaġina, kellna bżonn inkunu konsistenti—u kultant sodi—biex ngħinu lil Ilaria tibqaʼ fit-​triq it-​tajba. Niftakar darba minnhom kienet qed tilgħab maʼ ħabiba tagħha u ma ġabitx ruħha sew. Spjegajnielha mill-​Bibbja għala m’għandhiex iġġib ruħha hekk. Ukoll, qabbadnieha tiskuża ruħha maʼ ħabibitha quddiemna.

Ilaria tgħid li l-​imħabba tal-​ġenituri tagħha għall-​ministeru għenitha biex hi wkoll issir tħobb il-​ministeru. Issa li hi miżżewġa, hi tifhem saħansitra iktar bis-​sħiħ kemm hu importanti li tobdi lil Ġeħova u ssegwi l-​gwida tiegħu.

UBBIDJENTI ANKI FI ŻMINIJIET TAʼ NIKET

Fl-​2008, Paolo sar jaf li għandu l-​kanċer. Għall-​ewwel deher li Paolo kien se jirnexxilu jfiq mill-​marda, u hu inkuraġġieni ħafna. Minbarra li fittixna l-​aqwa pariri mediċi disponibbli, flimkien maʼ Ilaria tlabna ħafna lil Ġeħova u staqsejnieh għall-​għajnuna tiegħu biex niffaċċjaw il-​futur. Xorta waħda, rajt raġel li darba kien tant b’saħħtu u mimli enerġija bil-​mod il-​mod jiddgħajjef. Il-​mewt tiegħu fl-​2010 kienet taʼ wġigħ kbir għalija. Imma nħossni mfarrġa meta naħseb dwar dak kollu li rnexxielna nwettqu matul il-​45 sena li konna miżżewġin. Lil Ġeħova tajnieh l-​aħjar tagħna. Naf li xogħolna se jkollu valur dejjiemi. U jien ħerqana għaż-​żmien meta Paolo se jiġi rxoxtat, fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 5:28, 29.

“Fil-​fond taʼ qalbi, għadni dik it-​tifla ċkejkna li tant tħobb l-​istorja taʼ Noè. Id-​determinazzjoni tiegħi ma nbidlitx”

Fil-​fond taʼ qalbi, għadni dik it-​tifla ċkejkna li tant tħobb l-​istorja taʼ Noè. Id-​determinazzjoni tiegħi ma nbidlitx. Irrid nobdi lil Ġeħova jitlob x’jitlob mingħandi. Jien ċerta li kwalunkwe xkiel, sagrifiċċju, jew telfa hi żgħira meta mqabbla mal-​barkiet meraviljużi li l-​Alla tagħna kollu mħabba jagħtina. F’ħajti rajt li dejjem jaqbillek tobdi lil Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja