LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 9/1 pp. 4-5
  • Għala Din it-Tbatija Kollha?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Din it-Tbatija Kollha?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Materjal Simili
  • X’tgħid il-Bibbja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Taʼ min hu t-tort?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-Tbatija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 9/1 pp. 4-5

Għala Din it-​Tbatija Kollha?

Biex nifhmu għala hawn daqstant tbatija u għala l-​bnedmin bl-​isforzi kollha tagħhom ma rnexxilhomx jeliminawha, jeħtieġ li nidentifikaw x’qiegħed verament jikkaġunaha. Għalkemm il-​kaġuni huma differenti u komplikati, nistgħu nkunu grati li l-​Bibbja tistaʼ tgħinna nidentifikawhom. F’dan l-​artiklu se neżaminaw ħames raġunijiet fundamentali għala hawn daqstant tbatija. Nistidnuk tikkunsidra b’attenzjoni dak li tgħid il-​Bibbja u tara kif il-​Kelma t’Alla tgħinna biex nifhmu sew x’inhu l-​kaġun veru taʼ din il-​problema importanti. —2 Timotju 3:16.

L-​EFFETTI TAʼ TMEXXIJA ĦAŻINA

Il-​Bibbja tgħid: “Meta jaħkem xi ħadd mill-​agħar, in-​nies jitniehdu.”—Proverbji 29:2.

L-​istorja hija mimlija b’dittaturi li ħakmu b’id tal-​ħadid, u li ġabu tbatija liema bħalha lis-​sudditi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jgħoddx għall-​ħakkiema kollha. Xi wħud għandu mnejn ikollhom intenzjonijiet tajbin għal sħabhom il-​bnedmin. Madankollu, ladarba jkunu fil-​poter, spiss isibu li l-​isforzi tagħhom jiġu mfixklin minħabba ġlied intern u kompetizzjoni għall-​poter. Jew inkella jabbużaw mill-​poter tagħhom għall-​gwadann persunali, b’dannu għan-​nies. “L-​istorja hija rakkont taʼ sforzi li fallew, taʼ tamiet li ma twettqux,” qal Henry Kissinger, li kien is-​Segretarju tal-​Istat fl-​Amerika.

Rigward il-​bniedem, il-​Bibbja tgħid ukoll: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Bnedmin imperfetti m’għandhomx l-​għerf meħtieġ u mhumiex kapaċi jaraw bil-​quddiem kif jistaʼ jirnexxilhom iwettqu l-​pjanijiet kollha tagħhom stess. Jekk in-​nies lanqas biss jafu jidderieġu l-​passi tagħhom stess, kif jistgħu jidderieġu l-​passi taʼ ġens sħiħ? Tistaʼ int tara għala l-​ħakkiema umani m’għandhomx l-​abbiltà li jeliminaw it-​tbatija? Fil-​fatt, iktar iva milli le, tmexxija jew ħakma ħażina hija l-​kaġun tat-​tbatija!

L-​INFLUWENZA TAR-​RELIĠJON FALZA

Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:35.

Il-​mexxejja reliġjużi taʼ kull twemmin u grupp jippritkaw l-​imħabba u l-​unità. Ir-​realtà hi li dawn naqsu li jnaqqxu fis-​segwaċi tagħhom imħabba qawwija biżżejjed li tegħleb il-​preġudizzji. Minflok ma tgħin biex tiġi kultivata l-​imħabba, ir-​reliġjon spiss tikkontribwixxi għall-​firda, ir-​razziżmu, u l-​ġlied fost popli u gruppi nazzjonali. Fil-​konklużjoni tal-​ktieb Christianity and the World Religions, it-​teologu Hans Küng kiteb: “L-​iktar ġlied politiku fanatiku u kiefer hu dak li ġie influwenzat, ispirat, u permess mir-​reliġjon.”

Barra minn hekk, il-​membri tal-​kleru taʼ ħafna reliġjonijiet għalqu għajnejhom għas-​sess qabel u barra ż-​żwieġ kif ukoll għall-​omosesswalità. Dan ġab tixrid taʼ mard, abort, tqala mhix mixtieqa, u żwiġijiet u familji mkissrin, u r-​riżultat kien uġigħ u tbatija liema bħalhom.

L-​IMPERFEZZJONI UMANA U X-​XEWQAT EGOISTIĊI

“Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub.” —Ġakbu 1:14, 15.

Minħabba li writna l-​imperfezzjoni, ilkoll kemm aħna nonqsu u niżbaljaw u jkollna niġġieldu kontra x-​xewqa li ‘nagħmlu dak li jrid il-​laħam.’ (Efesin 2:3) U jkun speċjalment diffiċli li nwarrbu xewqa ħażina meta jkollna l-​opportunità li nwettquha. Imma jekk inċedu għal xi xewqa li tagħmlilna l-​ħsara, l-​effetti jistgħu jkunu devastanti.

L-​awtur P. D. Mehta kiteb: “Il-​biċċa l-​kbira mit-​tbatija li tiġi fuqna hi minħabba l-​kilba tagħna, minħabba li nkunu moħħna biss biex infittxu l-​pjaċiri u nikkuntentaw lilna nfusna, u minħabba r-​regħba u l-​ambizzjoni tagħna stess.” Kull xorta taʼ xenqiet u vizzji—l-​alkoħol, id-​drogi, il-​logħob tal-​ażżard, is-​sess, u affarijiet bħal dawn—kienu r-​rovina taʼ ħafna “ċittadini rispettabbli” u ġabu t-​tbatija fuq il-​familji tagħhom, fuq ħbiebhom, u fuq oħrajn. Peress li l-​bnedmin huma imperfetti, ikollna naqblu mal-​Bibbja meta tgħid: “Aħna nafu li s’issa l-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.”—Rumani 8:22.

IL-​QAWWA TAL-​ISPIRTI MILL-​AGĦAR

Il-​Bibbja tgħid li Satana hu “l-​alla taʼ din is-​sistema” u li miegħu ngħaqdu spirti qawwijin li jissejħu demonji.—2 Korintin 4:4; Rivelazzjoni 12:9.

Bħal Satana, id-​demonji huma attivi f’li jikkontrollaw u jqarrqu bin-​nies. L-​appostlu Pawlu rrikonoxxa dan meta qal: “Aħna ma nissarawx kontra d-​demm u l-​laħam, imma kontra l-​gvernijiet, kontra l-​awtoritajiet, kontra l-​ħakkiema dinjin taʼ dan id-​dlam, kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.”—Efesin 6:12.

Filwaqt li d-​demonji l-​għaxqa tagħhom jaħqru lin-​nies, din mhijiex il-​mira prinċipali tagħhom. Huma jixtiequ jbiegħdu lin-​nies mill-​Alla l-​Iktar Għoli, Ġeħova. (Salm 83:18) Prattiki bħalma huma l-​astroloġija, il-​maġija, is-​seħer, u l-​qari tax-​xorti huma biss ftit mill-​modi li jużaw id-​demonji biex iqarrqu bin-​nies u jikkontrollawhom. Huwa għalhekk li Ġeħova jiftħilna għajnejna dwar dawn il-​perikli u joffri protezzjoni lil dawk kollha li jopponu lix-​Xitan u d-​demonji.—Ġakbu 4:7.

QED NGĦIXU “FL-​AĦĦAR JIEM”

Xi elfejn sena ilu, il-​Bibbja bassret: “Kun af dan, li fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”

Biex turi x’jagħmel lil dawn iż-​żminijiet kritiċi, il-​Bibbja tkompli tgħid: “Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, . . . mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” Ċertament, raġuni fundamentali għat-​tbatija kollha li naraw illum hi li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-​4.

Meta nqisu l-​aspetti li kkunsidrajna, ma jidhirx ċar għala l-​bnedmin mhumiex kapaċi jtemmu t-​tbatija, minkejja l-​intenzjonijiet tajbin li jkollhom? Allura, għand min nistgħu mmorru għall-​għajnuna? Għandna nduru lejn il-​Ħallieq tagħna, li wegħedna li se “jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan” u tas-​segwaċi tiegħu. (1 Ġwanni 3:8) L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra dak li se jagħmel Alla biex jelimina dak kollu li qed jikkaġuna t-​tbatija.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja