LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 10/15 pp. 21-25
  • Lezzjonijiet Minn Talba Mħejjija Sew

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lezzjonijiet Minn Talba Mħejjija Sew
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XAHAR SPEĊJALI
  • JUM BIEX JISTQARRU DNUBIETHOM
  • HUMA FAĦĦRU L-​ISEM GLORJUŻ T’ALLA
  • AFFARIJIET TAL-​GĦAĠEB LI ĠEĦOVA GĦAMEL GĦALL-​POPLU TIEGĦU
  • IL-​ĦTIEĠA GĦAD-​DIXXIPLINA
  • Ġeħova Hu s-Sehem Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ġerusalemm li Ġġib Unur lil Isimha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 10/15 pp. 21-25

Lezzjonijiet Minn Talba Mħejjija Sew

“Ħa jbierku l-​isem glorjuż tiegħek.”—NEĦ. 9:5.

TAF TWIEĠEB?

  • L-​Iżraelin liema affarijiet tajbin għamlu meta l-​Leviti ġabruhom flimkien?

  • Ġeħova x’għamel għan-​nies tiegħu li juri li jaġixxi fi qbil maʼ ismu?

  • Liema lezzjonijiet nitgħallmu mit-​talba tal-​Leviti?

1. Dwar liema assemblea tal-​poplu t’Alla se nitgħallmu, u liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

“QUMU, bierku lil Ġeħova Alla tagħkom minn dejjem għal dejjem.” B’dan il-​kliem kommoventi, il-​poplu t’Alla tal-​qedem inġabar biex jingħaqad f’waħda mill-​itwal talbiet li jidhru fil-​Bibbja. (Neħ. 9:4, 5) L-​assemblea saret f’Ġerusalemm fl-​24 ġurnata tas-​sebaʼ xahar Lhudi, Tixri (Settembru/Ottubru), tas-​sena 455 Q.E.K. Hekk kif nikkunsidraw il-​ġrajjiet li wasslu għal dik il-​ġurnata speċjali, staqsi lilek innifsek: ‘Liema drawwa tajba għenet biex l-​okkażjoni tkun waħda taʼ suċċess? Liema lezzjonijiet oħra nistaʼ nitgħallem minn din it-​talba mħejjija sew?’—Salm 141:2.

XAHAR SPEĊJALI

2. L-​Iżraelin kif ħallewlna eżempju tajjeb?

2 Xahar qabel din l-​assemblea speċjali, il-​Lhud kienu lestew il-​bini mill-​ġdid tas-​swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 6:15) In-​nies t’Alla lestew ix-​xogħol fi 52 ġurnata biss, u mbagħad tefgħu l-​attenzjoni fuq li jissodisfaw il-​bżonnijiet spiritwali tagħhom. Għalhekk, fl-​ewwel ġurnata tax-​xahar ġdid, Tixri, inġabru flimkien fil-​pjazza pubblika biex jisimgħu lil Esdra, flimkien maʼ Leviti oħrajn, jaqra b’leħen għoli l-​Liġi t’Alla u jispjegaha. Familji sħaħ, inkluż “dawk kollha intelliġenti biżżejjed biex jisimgħu,” qagħdu bilwieqfa u taw widen “minn kif sebaħ sa nofsinhar.” X’eżempju mill-​aħjar għal dawk minna li jattendu l-​laqgħat fi Swali tas-​Saltna komdi! Imma, issib li matul il-​laqgħat moħħok jibda jhewden fuq affarijiet inqas importanti? Jekk iva, erġaʼ kkunsidra l-​eżempju taʼ dawk l-​Iżraelin tal-​qedem li mhux talli taw widen imma talli dak li semgħu tant laqathom fil-​laħam il-​ħaj li bdew jibku minħabba l-​fatt li bħala ġens ma kinux qed jobdu l-​Liġi t’Alla.—Neħ. 8:1-​9.

3. L-​Iżraelin obdew liema kmand?

3 Madanakollu, dan ma kienx il-​waqt biex jistqarru dnubiethom quddiem kulħadd. Peress li kien jum taʼ festa, kellu jkun żmien ferrieħi fil-​qima taʼ Ġeħova. (Num. 29:1) Għalhekk, Neħemija qal lin-​nies: “Morru, kulu ikel rikk u ixorbu affarijiet ħelwin, u ibagħtu porzjonijiet lil dak li m’għandu xejn imħejji; għax dan il-​jum hu qaddis għall-​Mulej tagħna, u tħossukomx imweġġgħin, għax il-​ferħ taʼ Ġeħova hu l-​fortizza tagħkom.” In-​nies obdew, u dakinhar kien hemm ‘ferħ kbir.’—Neħ. 8:10-​12.

4. (a) Il-​kapijiet tal-​familji Iżraelin x’għamlu? (b) Il-​Leviti x’għamlu kull jum taʼ din il-​Festa tal-​Għerejjex?

4 L-​għada stess, il-​kapijiet tal-​familji kollha ltaqgħu biex jistudjaw il-​Liġi ħalli jaċċertaw ruħhom li qed jobdu l-​kmandi kollha t’Alla. Huma u jistudjaw l-​Iskrittura saru jafu li fis-​sebaʼ xahar kellhom jiċċelebraw il-​Festa tal-​Għerejjex bl-​assemblea solenni tal-​għeluq tagħha. Dan kellu jsir mill-​15 sat-​22 taʼ Tixri, u għalhekk mill-​ewwel bdew jippreparaw għaliha. Din il-​festa kienet l-​iktar Festa tal-​Għerejjex taʼ suċċess minn żmien Ġożwè, u kulħadd kien qed “jifraħ bil-​kbir.” Kull jum tal-​festa, il-​Leviti qraw il-​Liġi t’Alla lin-​nies kollha.—Neħ. 8:13-​18.

JUM BIEX JISTQARRU DNUBIETHOM

5. In-​nies t’Alla x’għamlu eżatt qabel ma l-​Leviti rrappreżentawhom fit-​talb lil Ġeħova?

5 Jumejn wara kien wasal il-​waqt biex in-​nies jistqarru dnubiethom. Dan ma kienx jum biex jieklu u jifirħu. Minflok, in-​nies t’Alla samu u libsu lbies tal-​ixkora biex juru kemm kien iddispjaċiehom talli m’obdewx il-​Liġi t’Alla. Għal darb’oħra, il-​Liġi t’Alla nqrat lin-​nies għal madwar tliet sigħat filgħodu. Waranofsinhar, “stqarrew [dnubiethom] u mielu quddiem Ġeħova Alla tagħhom.” Kien f’dan il-​mument li l-​Leviti bdew jitolbu għan-​nies kollha. —Neħ. 9:1-​4.

6. X’għen lil-​Leviti joffru talba sinifikanti, u dan x’jgħallimna?

6 Bla dubju, il-​fatt li l-​Leviti regolarment kienu jaqraw il-​Liġi t’Alla għenhom iħejju din it-​talba sinifikanti. L-​ewwel għaxar versi jiffokaw biss fuq l-​għemejjel u l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. Fil-​bqija tat-​talba, il-​Leviti ddeskrivew il-​ħafna dnubiet tal-​poplu u biċ-​ċar spjegaw għala l-​Iżraelin ma kienx ħaqqhom “il-​ħniena abbundanti” t’Alla. (Neħ. 9:19, 27, 28, 31) It-​talb tagħna lil Ġeħova wkoll se jkun oriġinali u sinifikanti jekk, bħal dawn il-​Leviti, kuljum nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla, u b’hekk inħallu lil Ġeħova jkellimna qabel ma nitolbu lilu fit-​tul.—Salm 1:1, 2.

7. Il-​Leviti liema rikjesta għamlulu lil Alla, u x’nitgħallmu minn dan?

7 It-​talba fiha biss rikjesta modesta waħda. Din insibuha lejn l-​aħħar taʼ vers 32, li jgħid: “Issa, O Alla tagħna, l-​Alla kbir, setgħan u li jqanqal il-​biżaʼ, li jħares il-​patt u l-​qalb tajba bl-​imħabba, tħallix li t-​tbatija kollha li ġiet fuqna, fuq is-​slaten tagħna, il-​prinċpijiet tagħna u l-​qassisin tagħna u l-​profeti tagħna u missirijietna u l-​poplu kollu tiegħek minn żmien is-​slaten taʼ l-​Assirja sa llum, tidher żgħira quddiemek.” B’hekk, il-​Leviti ħallewlna eżempju tajjeb biex l-​ewwel infaħħru u niżżuħajr lil Ġeħova qabel ma nagħmlu rikjesti persunali fit-​talb tagħna.

HUMA FAĦĦRU L-​ISEM GLORJUŻ T’ALLA

8, 9. (a) Il-​Leviti b’liema mod umli bdew it-​talba tagħhom? (b) Milli jidher, il-​Leviti rreferew għal liema żewġ armati tas-​smewwiet?

8 Il-​Leviti kienu umli. Avolja qalu talba mill-​isbaħ, ma ħassewx li kliemhom kien tajjeb biżżejjed biex jagħti lil Ġeħova t-​tifħir li jistħoqqlu. Għaldaqstant, it-​talba tibda b’dan l-​appell modest rigward in-​nies t’Alla: “Ħa jbierku l-​isem glorjuż tiegħek, li hu ogħla minn kull barka u tifħir.”—Neħ. 9:5.

9 It-​talba tkompli: “Int biss Ġeħova; int innifsek għamilt is-​smewwiet, iva, is-​sema tas-​smewwiet, u l-​armata kollha tagħhom, l-​art u kulma hemm fuqha, l-​ibħra u kulma fihom; u int qed iżżommhom kollha ħajjin; u l-​armata tas-​smewwiet qed tmil quddiemek.” (Neħ. 9:6) Iva, Alla Ġeħova ħalaq l-​univers kollu li hu magħmul minn numru bla għadd taʼ galassji miżgħudin bl-​istilel. Ukoll, ħalaq b’mod meraviljuż kulma hawn fuq il-​pjaneta mill-​isbaħ tagħna, inkluż l-​abbiltà tal-​għaġeb tal-​pjaneta li ssostni varjetà enormi taʼ ħajjiet, li jibqgħu joktru. Xhieda taʼ dan kollu hemm l-​anġli qaddisin t’Alla, li wkoll jistgħu jiġu deskritti bħala ‘l-​armata tas-​smewwiet.’ (1 Slat. 22:19; Ġob 38:4, 7) Iktar minn hekk, l-​anġli b’umiltà jagħmlu r-​rieda t’Alla billi jaqdu lill-​bnedmin midinbin “li se jirtu s-​salvazzjoni.” (Ebr. 1:14) X’eżempju tajjeb ħallewlna l-​anġli hekk kif naqdu lil Ġeħova f’unità bħal armata mħarrġa sew!—1 Kor. 14:33, 40.

10. X’nitgħallmu mill-​mod kif Alla ttratta lil Abraham?

10 Imbagħad il-​Leviti ffokaw fuq il-​mod kif Alla ttratta lil Abram, li sakemm għalaq 99 sena kien għadu ma kellux tfal mill-​mara ħawlija tiegħu, Saraj. Kien f’dan iż-​żmien li Ġeħova biddillu ismu għal Abraham, li jfisser “missier kotra.” (Ġen. 17:1-​6, 15, 16) Ukoll, Alla wiegħed lil Abraham li nislu kien se jiret l-​art taʼ Kangħan. Il-​bnedmin spiss jinsew xi jkunu wiegħdu; imma Ġeħova le. Kif tirrakkonta t-​talba tal-​Leviti: “Int Ġeħova l-​Alla l-​veru, li għażilt lil Abram u ħriġtu minn Ur tal-​Kaldin u semmejtu Abraham. U f’qalbu int sibt il-​fedeltà lejk; u għalhekk intrabatt b’patt miegħu biex tagħtih l-​art tal-​Kangħanin, . . . biex tagħtiha lil nislu; u wettaqt kliemek, għaliex int ġust.” (Neħ. 9:7, 8) Jalla aħna wkoll nimitaw lil Alla ġust tagħna billi dejjem nistinkaw biex inżommu kelmitna.—Mt. 5:37.

AFFARIJIET TAL-​GĦAĠEB LI ĠEĦOVA GĦAMEL GĦALL-​POPLU TIEGĦU

11, 12. Spjega xi jfisser isem Ġeħova u kif dan jintwera fil-​mod kif Alla ttratta mad-​dixxendenti t’Abraham.

11 L-​isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Dan ifisser li Alla jibqaʼ jaħdem biex iseħħu l-​wegħdi tiegħu. Dan jintwera b’mod mill-​isbaħ fil-​mod kif Alla ttratta mad-​dixxendenti t’Abraham meta kienu lsiera taħt l-​Eġizzjani. F’dak iż-​żmien, kien jidher li hu impossibbli li l-​ġens kollu kemm hu jinħeles u jissetilja fl-​Art Imwiegħda. Imma Alla baqaʼ jagħmel dak li kien meħtieġ sakemm fl-​aħħar seħħet il-​wegħda tiegħu. B’dan il-​mod, hu wera li jistħoqqlu l-​isem kbir Ġeħova.

12 It-​talba miktuba minn Neħemija tgħid hekk dwar Ġeħova: “Int rajt is-​sofferenza taʼ missirijietna fl-​Eġittu, u smajt l-​għajta tagħhom ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar. Imbagħad tajt sinjali u mirakli kontra l-​Fargħun u l-​qaddejja kollha tiegħu u n-​nies kollha t’artu, għax int kont taf li huma aġixxew bil-​prużunzjoni kontrihom; u għamilt isem għalik bħalma hu llum. U l-​baħar fraqtu quddiemhom, u b’hekk huma qasmu għan-​naħa l-​oħra minn nofs il-​baħar fuq art niexfa; u lil dawk li ġrew warajhom xħetthom fil-​fond bħal ġebla fl-​ilmijiet qawwijin.” Imbagħad it-​talba tkompli dwar x’għamel iktar Ġeħova għan-​nies tiegħu: “Int rażżant quddiemhom lill-​abitanti tal-​pajjiż, il-​Kangħanin . . . U huma rebħu bliet fortifikati u ħamrija għammiela u ħadu f’idejhom djar mimlijin b’kull tip t’affarijiet tajbin, ġwiebi mħaffrin, għelieqi tad-​dwieli u msaġar taż-​żebbuġ u siġar għall-​ikel bl-​abbundanza, u bdew jieklu u jixbgħu u jeħxienu u jkunu fil-​lussu bit-​tjubija kbira tiegħek.”—Neħ. 9:9-​11, 24, 25.

13. Ġeħova kif ipprovda l-​bżonnijiet spiritwali taʼ Iżrael, imma n-​nies kif irreaġixxew?

13 Ġeħova għamel ħafna affarijiet oħra biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu. Pereżempju, ftit wara li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, Ġeħova pprovda l-​bżonnijiet spiritwali tagħhom. Fit-​talba, il-​Leviti qalu: “Inżilt fuq il-​Muntanja Sinaj u kellimthom mis-​sema u tajthom deċiżjonijiet ġudizzjarji retti u liġijiet taʼ verità, regolamenti u kmandamenti tajbin.” (Neħ. 9:13) Ġeħova kien għażel lill-​Iżraelin biex ikunu l-​poplu tiegħu u kien se jagħtihom l-​Art Imwiegħda. Għalhekk, għallimhom iġibu ruħhom b’mod li jonora lil ismu. Imma ma damux ma bdew jinjoraw il-​kmandi taʼ Ġeħova.—Aqra Neħemija 9:16-​18.

IL-​ĦTIEĠA GĦAD-​DIXXIPLINA

14, 15. (a) Ġeħova kif wera ħniena bil-​mod kif ħa ħsieb il-​poplu midneb tiegħu? (b) X’nitgħallmu mill-​mod kif Alla ttratta mal-​ġens magħżul tiegħu?

14 It-​talba tal-​Leviti tirreferi għal żewġ dnubiet speċifiċi li għamlu l-​Iżraelin ftit wara li fuq il-​Muntanja Sinaj kienu wiegħdu li jobdu l-​Liġi t’Alla. Minħabba dawn id-​dnubiet, l-​Iżraelin kien ħaqqhom imutu fix-​xagħri. Imma t-​talba tfaħħar lil Ġeħova: “Fil-​ħniena abbundanti tiegħek ma rħejthomx fix-​xagħri. . . . Għal erbgħin sena pprovdejtilhom l-​ikel . . . Ma kien jonqoshom xejn. Lanqas ilbieshom ma qdiem, u saqajhom ma ntefħulhomx.” (Neħ. 9:19, 21) Illum, Ġeħova jipprovdilna wkoll kulma għandna bżonn biex naqduh lealment. Jalla qatt ma nkunu bħall-​eluf t’Iżraelin li mietu fix-​xagħri minħabba d-​diżubbidjenza u n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. Infatti, dan “inkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.”—1 Kor. 10:1-​11.

15 B’sogħba, wara li wirtu l-​Art Imwiegħda, l-​Iżraelin ma baqgħux leali lejn Ġeħova. Bdew iqimu allat Kangħanin, u dan inkluda li jagħmlu affarijiet immorali u li saħansitra joffru lil uliedhom bħala sagrifiċċju. Għalhekk, Ġeħova ppermetta li l-​ġens magħżul tiegħu jinħaqar mill-​ġnus taʼ madwaru. Meta l-​Iżraelin nidmu, Ġeħova bi ħniena ħafrilhom u salvahom mill-​għedewwa tagħhom. Dan ġara “darba wara l-​oħra.” (Aqra Neħemija 9:26-​28, 31.) Il-​Leviti stqarrew: “Int issaportejthom għal bosta snin u bqajt tixhed kontrihom bl-​ispirtu tiegħek permezz tal-​profeti tiegħek, u huma ma tawx widen. Fl-​aħħarnett, int tajthom f’idejn in-​nies tal-​pajjiżi.”—Neħ. 9:30.

16, 17. (a) Wara l-​eżilju, is-​sitwazzjoni tal-​Iżraelin kif kienet differenti minn meta missirijiethom l-​ewwel wirtu l-​Art Imwiegħda? (b) L-​Iżraelin x’ammettew, u x’wiegħdu li kienu se jagħmlu?

16 Anke wara li rritornaw mill-​eżilju, l-​Iżraelin reġgħu bdew ma jobdux lil Ġeħova. X’kienet id-​differenza? Il-​Leviti komplew jitolbu: “Ara! Illum aħna lsiera; u l-​art li int tajt lil missirijietna biex jieklu frottha u l-​affarijiet tajbin tagħha, ara, aħna lsiera fiha, u l-​prodott tagħha huwa kotran għas-​slaten li int qegħedtilna fuqna minħabba dnubietna, u . . . aħna għandna niket kbir.”—Neħ. 9:36, 37.

17 Kienu l-​Leviti qed jagħtu x’jifhem li Alla kien inġust talli ppermetta dan in-​niket? Dażgur li le! Huma ammettew: “Int ġust f’dak kollu li ġie fuqna, għax aġixxejt fedelment, imma aħna konna li għamilna affarijiet mill-​agħar.” (Neħ. 9:33) Imbagħad din it-​talba mhix egoistika tagħlaq b’wegħda solenni li l-​ġens, minn dakinhar ’il quddiem, se jobdi l-​Liġi t’Alla. (Aqra Neħemija 9:38; 10:29) Għal dan l-​għan, dokument bil-​miktub jiġi ffirmat bis-​siġilli t’84 mexxej Lhudi.—Neħ. 10:1-​27.

18, 19. (a) X’neħtieġu jekk irridu nkunu fid-​dinja ġdida t’Alla? (b) Għal liema ħaġa m’għandniex nieqfu nitolbu, u għala?

18 Jekk irridu nkunu t-​tip taʼ persuna li Ġeħova jrid ġod-​dinja l-​ġdida tiegħu, neħtieġu niġu dixxiplinati minnu. “Liema iben ma jiġix dixxiplinat minn missieru?” staqsa l-​appostlu Pawlu. (Ebr. 12:7) Nuru li naċċettaw id-​direzzjoni t’Alla f’ħajjitna billi nissaportu b’fedeltà fis-​servizz tiegħu u billi nħallu l-​ispirtu tiegħu jirfinana. U jekk nagħmlu xi dnub serju, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jaħfrilna jekk nindmu verament u naċċettaw id-​dixxiplina b’umiltà.

19 Ġeħova dalwaqt se jagħmel isem saħansitra ikbar għalih minn meta ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu. (Eżek. 38:23) U sewwasew bħalma l-​poplu tiegħu tal-​qedem wiret l-​Art Imwiegħda, hekk ukoll il-​Kristjani kollha li jissaportu bħala aduraturi leali taʼ Ġeħova se jirtu l-​ħajja fid-​dinja ġdida u ġusta t’Alla. (2 Pt. 3:13) B’tama daqstant sabiħa quddiemna, jalla ma niqfux nitolbu għat-​taqdis tal-​isem glorjuż t’Alla. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti talba oħra li rridu naġixxu fi qbil magħha sabiex ingawdu l-​barka t’Alla issa u għal dejjem.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja