LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 2/15 pp. 30-32
  • Film li jsaħħaħ il-fidi jagħlaq 100 sena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Film li jsaħħaħ il-fidi jagħlaq 100 sena
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • IXERRDU L-​MESSAĠĠ TAL-​BIBBJA PERMEZZ TAL-​ISTAMPI LI JIĊĊAQALQU
  • PASS SINIFIKANTI FL-​EDUKAZZJONI TAL-​BIBBJA
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 2/15 pp. 30-32

Mill-​arkivji tagħna

Film li jsaħħaħ il-​fidi jagħlaq 100 sena

“Kemm jidher reali Ħuna Russell! Qisu qiegħed hawnhekk quddiemna!”—Xi ħadd li ra l-​“Photo-​Drama” fl-​1914.

DIN is-​sena, il-​preżentazzjoni viżwali impressjonanti tal-​“Photo-​Drama of Creation” tagħlaq 100 sena mindu ntweriet għall-​ewwel darba. Din tħejjiet bl-​għan li tibni l-​fidi fil-​Bibbja bħala l-​Kelma t’Alla. F’dak iż-​żmien, il-​fidi taʼ ħafna wħud kienet iddgħajfet minħabba t-​twemmin fl-​evoluzzjoni, il-​kritika tal-​Bibbja, u x-​xettiċiżmu. Minkejja dan, il-​“Photo-​Drama” enfasizzat il-​fatt li Ġeħova hu l-​Ħallieq.

Charles T. Russell, li kien qed jieħu t-​tmexxija fost l-​Istudenti tal-​Bibbja, dejjem kien ifittex għall-​mezzi l-​iktar effettivi biex jaqsam il-​verità tal-​Bibbja malajr kemm jistaʼ jkun. L-​Istudenti tal-​Bibbja diġà kienu ilhom iktar minn 30 sena jużaw il-​pubblikazzjonijiet stampati. Issa l-​potenzjal taʼ xi ħaġ’oħra ġibdilhom l-​attenzjoni—l-​istampi li jiċċaqalqu, jew, il-​films.

IXERRDU L-​MESSAĠĠ TAL-​BIBBJA PERMEZZ TAL-​ISTAMPI LI JIĊĊAQALQU

Fis-​snin 90 tas-​seklu 19, bdew jintwerew films bla kliem lill-​pubbliku. Saħansitra mill-​1903, film reliġjuż intwera fi knisja fil-​belt taʼ New York. Għalhekk, għalkemm l-​industrija tal-​films kienet għadha fil-​bidu tagħha fl-​1912, Russell ma żammx lura milli jibda jipprepara l-​“Photo-​Drama.” Hu rrealizza li dan il-​mezz taʼ komunikazzjoni setaʼ jwassal il-​verità tal-​Bibbja b’mod li ma setgħux il-​pubblikazzjonijiet stampati.

Il-​preżentazzjoni tal-​“Photo-​Drama,” li kienet twila tmien sigħat u li s-​soltu kienet tinqasam f’erbaʼ partijiet, kien fiha 96 taħdita qasira dwar il-​Bibbja. Dawn kien jaqrahom narratur magħruf sew li kellu leħen tajjeb ħafna għar-​rekording. F’ħafna mix-​xeni kienet tindaqq mużika klassika. Ħaddiema tas-​sengħa daqqew ir-​rekordings tal-​ilħna u tal-​mużika fuq il-​fonografi, u ssinkronizzaw is-​sawnd mas-​slajds bil-​kuluri u maʼ filmati li fihom ġew reċtati stejjer tal-​Bibbja famużi.

“Inkludiet dak kollu li ġara u għad irid jiġri mill-​ħolqien tal-​istilel sat-​tmiem meraviljuż tar-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu.” —F. Stuart Barnes, li kellu 14-​il sena fl-​1914

Ħafna mill-​filmati u mis-​slajds tal-​ħġieġ inkisbu minn studjows kummerċjali. Artisti professjonali f’Philadelphia, New York, Pariġi, u Londra pittru s-​slajds tal-​ħġieġ u l-​films, stampa wara stampa. Timijiet taʼ ħaddiema fil-​Kamra tal-​Arti ġo Betel ukoll pittru ħafna, u spiss għamlu slajds ġodda flok dawk li tkissru. Minbarra l-​filmati li nxtraw, membri tal-​familja Betel ġew iffilmjati f’Yonkers, New York, hekk kif irreċtaw il-​parti t’Abraham, Iżakk, u l-​anġlu li waqqaf lil Abraham milli jissagrifika lil ibnu.—Ġen. 22:9-​12.

[Stampi f’paġna 32]

Ħaddiema tas-​sengħa żammew sew mal-​ħin hekk kif ikkoordinaw il-​preżentazzjoni taʼ żewġ mili taʼ film, 26 diska tal-​fonografu, u xi 500 slajd tal-​ħġieġ

Sieħeb Ħuna Russell qal lil tal-​gazzetti li dan il-​mezz taʼ komunikazzjoni kien “se jinteressa lil eluf bla għadd taʼ nies fl-​Iskrittura, iktar minn kwalunkwe ħaġ’oħra li [kienet] saret fil-​passat għall-​avvanz reliġjuż.” Kien il-​kleru se jfaħħar sforz oriġinali bħal dan biex jiġi sodisfat l-​għatx spiritwali li kellhom in-​nies inġenerali? Għall-​kuntrarju, il-​ministri tal-​Kristjaneżmu bħala grupp maqdru l-​“Photo-​Drama.” Xi wħud minnhom saħansitra użaw tattiki minn taħt jew bil-​miftuħ biex iwaqqfu lill-​pubbliku milli jaraw din il-​preżentazzjoni. F’post minnhom, unjoni tal-​ministri waslet biex taqtaʼ d-​dawl.

[Stampa f’paġna 31]

Aħwa nisa mill-​kongregazzjonijiet lokali qassmu miljuni taʼ kopji b’xejn tas-​Scenario of the Photo-​Drama of Creation, ktieb li kien fih l-​istampi tal-​“Photo-​Drama”

Dawk li attendew irċivew ukoll badges bil-​kelma “Pax” u bi stampa taʼ Ġesù bħala tifel. Il-​badges fakkru lil dawk li kienu jilbsuhom biex ikunu “wlied il-​paċi”

Minkejja dan, it-​teatri xorta mtlew daqs bajda minn udjenzi li riedu jaraw il-​“Photo-​Drama” bla ħlas. Fl-​Istati Uniti, kull jum kienet tintwera l-​“Photo-​Drama” f’diversi bliet, ġieli anke sa 80 belt. Ħafna nies ġabu għajnejhom wara widnejhom għax kienu qed jaraw għall-​ewwel darba ‘film bil-​kliem.’ Permezz taʼ serje taʼ ritratti li kienu jintwerew wieħed wara l-​ieħor b’rata mgħaġġla, l-​udjenza setgħet tara fellus joħroġ minn ġol-​qoxra tiegħu u fjura tinfetaħ bil-​mod. L-​informazzjoni xjentifika taʼ dak iż-​żmien enfasizzat l-​għerf meraviljuż taʼ Ġeħova. Kif issemma fil-​bidu tal-​artiklu, meta ċertu individwu ra lil Ħuna Russell fuq l-​iskrin jintroduċi l-​“Photo-​Drama,” hu saħansitra ħaseb li Russell kien jidher tant reali li kien qisu qiegħed quddiemu!

PASS SINIFIKANTI FL-​EDUKAZZJONI TAL-​BIBBJA

[Stampa f’paġna 31]

Il-​“Photo-​Drama” ntweriet għall-​ewwel darba fil-​11 taʼ Jannar, 1914, f’dan it-​teatru mill-​isbaħ ġewwa l-​belt taʼ New York, li dak iż-​żmien kien tal-​International Bible Students Association

Tim Dirks, awtur u storjografu tal-​films, iddeskriva l-​“Photo-​Drama” bħala ‘l-​ewwel film magħruf li uża f’daqqa s-​sawnd sinkronizzat (diskors rekordjat), il-​filmati, u s-​slajds bil-​kuluri.’ Il-​films li ġew qabel il-​“Photo-​Drama” kienu użaw xi ftit minn dawn it-​tekniki imma mhux kollha kemm huma fl-​istess preżentazzjoni, speċjalment waħda b’tema Biblika. U l-​ebda film ma kien għad kellu udjenza akbar. Biss biss, matul l-​ewwel sena, il-​“Photo-​Drama” marru jarawha total taʼ xi disaʼ miljuni fl-​Amerika taʼ Fuq, l-​Ewropa, l-​Awstralja, u n-​New Zealand!

Il-​“Photo-​Drama” ntweriet għall-​ewwel darba fil-​11 taʼ Jannar, 1914, fil-​belt taʼ New York. Sebaʼ xhur wara beda d-​diżastru li iktar tard issejjaħ l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Imma folol madwar id-​dinja baqgħu jinġabru flimkien ħalli jaraw il-​“Photo-​Drama,” u b’hekk kisbu l-​faraġ mix-​xeni realistiċi tal-​barkiet tas-​Saltna li għad iridu jiġu. Għas-​sena 1914, tqabbilha maʼ xiex tqabbilha, il-​“Photo-​Drama” tassew kienet preżentazzjoni rimarkevoli.

[Stampa f’paġna 32]

Fl-​Amerika taʼ Fuq, it-​timijiet użaw 20 kopja tal-​preżentazzjoni “Photo-​Drama”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja