SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA INTERESSAT FIK?
Alla jifhmek
“O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni.”—SALM 139:1.
“Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju.”—SALM 139:16
GĦALA HEMM MIN JIDDUBITA: Ħafna nies iħossu li Alla jqis lill-bnedmin bħala midinbin biss—mhux nodfa u ma jistħoqqilhomx l-attenzjoni tiegħu. Kendra, li kienet tbati bid-dipressjoni, ħassitha ħatja ħafna għax ma kinitx tajba biżżejjed biex tilħaq perfettament il-ħtiġijiet t’Alla. Għalhekk, qalet: “Waqaft nitlob.”
X’TGĦALLEM IL-KELMA T’ALLA: Ġeħova jara lil hinn mill-imperfezzjonijiet tiegħek u jifhem min int verament. “Hu jaf tajjeb kif aħna msawrin,” tgħid il-Bibbja, “u jiftakar li aħna trab.” Iktar minn hekk, ma jaġixxix magħna “skond dnubietna,” imma bi ħniena jaħfrilna meta nindmu.—Salm 103:10, 14.
Ikkunsidra lil David, is-sultan Iżraeli li ssemma fl-ewwel artiklu taʼ din is-serje. F’talb lil Alla, David qal: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi . . . Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi.” (Salm 139:16, 23) Iva, David kien konvint Ii għalkemm dineb—kultant b’mod gravi—Ġeħova setaʼ jara l-qalb niedma tiegħu.
Ġeħova jifhmek iktar milli jistaʼ kwalunkwe bniedem. “Il-bniedem jara dak li jidher f’għajnejh,” tgħid il-Bibbja, “imma Ġeħova jara l-qalb.” (1 Samwel 16:7) Alla jaf għala taġixxi bil-mod li taġixxi—kif l-eredità, l-ambjent li fih trabbejt, u l-personalità tiegħek kollha jsawru l-bniedem li int. Hu jara u japprezza l-persuna li int tipprova tkun, minkejja li tiżbalja.
Iżda Alla kif juża l-fatt li verament jifhem min int tassew biex ifarrġek?