“Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju.”—SALM 139:16.
Jifhmek Alla lilek?
DAK LI JGĦALLIMNA L-ĦOLQIEN
Aħseb ftit fuq waħda mill-iktar relazzjonijiet mill-qrib li l-bnedmin jistaʼ jkollhom—dik taʼ tewmin identiċi. Huma jkollhom rabta speċjali bejniethom. Xi tewmin saħansitra “jafu x’jiġifieri li tgħid xi ħaġa lil xi ħadd u jifhmek mingħajr ma jkollok għalfejn tispjega,” tgħid Nancy Segal, direttriċi tat-Twin Studies Center u li hi nfisha hi tewmija. Waħda mara ddeskriviet ir-relazzjoni bejnha u bejn oħtha t-tewmija identika, b’dan il-mod: “Aħna nafu kollox dwar xulxin.”
Għala jifhmu daqstant lil xulxin b’mod uniku? Xi studji juru li filwaqt li l-ambjent taʼ madwarhom u t-trobbija huma xi fatturi, dak li jagħmel l-iktar differenza hu l-fatt li t-tewmin identiċi għandhom il-ġenetika simili għal taʼ xulxin.
IKKUNSIDRA: Il-Wieħed li ħalaqna żgur li jaf lil kull wieħed minna iktar minn kull persuna oħra. Infatti, is-salmista David stqarr: “Int żammejtni mistur f’żaqq ommi. Għadmi ma kienx moħbi minnek meta ġejt magħmul fis-sigriet. . . . Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi.” (Salm 139:13, 15, 16) Alla jaf u jifhem bis-sħiħ mhux biss kif aħna magħmulin imma anke l-esperjenzi li ngħaddu minnhom u li jsawru l-personalità tagħna. Hu biss jaf u jifhem bis-sħiħ dan. L-għarfien uniku li Alla għandu dwarna u dwar kif aħna magħmulin jaċċertana li hu verament jifhimna sal-iċken dettall.
DAK LI L-BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR L-GĦARFIEN T’ALLA
David talab: “O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni. Int taf meta npoġġi u meta nqum. Int għaraft il-ħsieb tiegħi mill-bogħod. Għax lanqas hemm kelma waħda fuq ilsieni, imma, ara, O Ġeħova, int diġà taf x’inhi.” (Salm 139:1, 2, 4) Barra minn hekk, Ġeħova hu konxju tal-iktar sentimenti ġewwinin tagħna u saħansitra “jagħraf kull inklinazzjoni tal-ħsibijiet.” (1 Kronaki 28:9; 1 Samwel 16:6, 7) Dawn il-versi x’juru dwar Alla?
Għalkemm meta nitolbu lil Alla forsi ma nesprimux dak kollu li naħsbu u nħossu, il-Ħallieq tagħna mhux biss jinnota dak li nagħmlu imma jifhem ukoll għala nagħmluh. Iktar minn hekk, hu jaf bit-tajjeb li nkunu nixtiequ nagħmlu, anki jekk il-limitazzjonijiet tagħna jżommuna milli nagħmlu dak li tkun tixtieq qalbna. M’għandniex xi ngħidu, peress li kien Alla stess li poġġa l-imħabba fi qlubna, hu lest—u saħansitra ħerqan—li josserva u jifhem il-mottivi u l-ħsibijiet kollha mħabba tagħna.—1 Ġwanni 4:7-10.
Alla xejn ma jaħrablu, kollox jinnota. Hu saħansitra konxju tat-tbatijiet tagħna meta oħrajn jaf lanqas biss ikunu konxji tagħhom jew jifhmuhom għalkollox
L-Iskrittura taċċertana
“Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom.”—1 PIETRU 3:12.
Alla jwiegħed: “[Jien] se nagħtik id-dehen u nistruwik dwar it-triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.”—SALM 32:8.
ALLA HU ĦANIN ĦAFNA
Il-fatt li nkunu nafu li Alla jifhem is-sitwazzjoni tagħna u kif inħossuna, jistaʼ jgħinna nissaportu d-diffikultajiet? Ikkunsidra dak li ġara lil Anna min-Niġerja. “Jien kelli d-dubji jekk kienx worth it li ngħix minħabba ċ-ċirkustanzi ddisprati tiegħi,” tispjega hi. “Jien kont armla u kont qed nieħu ħsieb lil binti li kienet l-isptar għax kienet qed tbati minn hydrocephalus (fluwidu eċċessiv fil-moħħ), meta lili qaluli li kelli kanċer tas-sider u li kelli bżonn operazzjoni, kimoterapija, u radjuterapija. Kien diffiċli ħafna għalija li nkun l-isptar fl-istess ħin li kien hemm binti.”
X’għen lil Anna tkampa? “Jien kont noqgħod naħseb dwar skritturi bħal Filippin 4:6, 7, li jgħid li ‘l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.’ Kull darba li din l-iskrittura kienet tiġi f’moħħi, kont inħossni qrib ħafna taʼ Ġeħova, għax kont naf li hu kien jifhimni iktar milli jien nifhem lili nnifsi. Ingħatajt ukoll ħafna inkuraġġiment mingħand l-għeżież ħuti spiritwali tal-kongregazzjoni Kristjana.
“Minkejja li għadni nissielet maʼ saħħti, is-sitwazzjoni tiegħi u taʼ binti marret għall-aħjar. Peress li Ġeħova hu fuq in-naħa tagħna, tgħallimna biex ma noqogħdux naħsbu b’mod negattiv meta niffaċċjaw sfidi. Ġakbu 5:11 jaċċertana: ‘Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew. Smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.’” Ġeħova fehem bis-sħiħ is-sitwazzjoni taʼ Ġob, u aħna nistgħu nkunu ċerti li bl-istess mod se jifhem kwalunkwe diffikultà li ngħaddu minnha.