LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 1/1 pp. 8-10
  • Timgad—Belt mirduma tikxef is-sigrieti tagħha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Timgad—Belt mirduma tikxef is-sigrieti tagħha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SKOP POLITIKU MISTUR
  • KIF RUMA REBĦET IL-​QLUB
  • IL-​BELT SABIĦA TINTESA GĦALKOLLOX
  • “DIK ĦAJJA!”
  • Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Istat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Iż-​Żewġ Slaten Jibdlu l-​Identità
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Allat taʼ Ruma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 1/1 pp. 8-10
Fdalijiet tal-belt antika taʼ Thamugadi, issa msejħa Timgad

Timgad—Belt mirduma tikxef is-​sigrieti tagħha

L-​ESPLORATUR qalbieni ma setax jemmen lil għajnejh. Hemmhekk, b’parti minnha mirduma fir-​ramel tad-​deżert tal-​Alġerija, kien hemm wieqfa arkata trijonfali Rumana! Meta l-​Iskoċċiż James Bruce skoprieha fl-​1765, ma rrealizzax li kien qiegħed bilwieqfa fuq il-​fdalijiet tal-​ikbar belt Rumana li nbniet fl-​Afrika taʼ Fuq—il-​belt antika taʼ Thamugadi, issa msejħa Timgad.

Arkata trijonfali Rumana f’Timgad

’Il fuq minn seklu wara, fl-​1881, xi arkeoloġi Franċiżi bdew jikxfu l-​fdalijiet preservati sew taʼ Timgad. Huma kkonkludew li minkejja l-​art vojta u niexfa tal-​madwar, l-​abitanti tagħha gawdew stil taʼ ħajja komda u lussuża ħafna. Imma x’ġegħelhom lir-​Rumani jibnu kolonja prospera f’post bħal dan? U x’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn din il-​belt tal-​qedem u l-​abitanti tagħha?

SKOP POLITIKU MISTUR

Meta r-​Rumani estendew il-​ħakma tagħhom fl-​Afrika taʼ Fuq fl-​ewwel seklu QK, iltaqgħu maʼ oppożizzjoni ħarxa minn xi tribujiet nomadi. Ir-​Rumani kif setgħu jagħmlu paċi man-​nies tal-​post? Għall-​ewwel, is-​suldati mit-​Tielet Leġjun Agostinjan bnew ħafna kampijiet fortifikati u postijiet tal-​għassa fir-​reġjun vast muntanjuż taʼ dik li llum hi n-​naħa taʼ fuq tal-​Alġerija. Iktar tard, bnew il-​belt taʼ Timgad, imma għal skop differenti ħafna.

Uffiċjalment, ir-​Rumani bnew lil Timgad għal veterani rtirati mix-​xogħol, imma fil-​verità huma bnew il-​belt bil-​ħsieb li jdgħajfu r-​reżistenza tat-​tribujiet lokali. Il-​pjan tagħhom irnexxa. L-​istil taʼ ħajja komda f’Timgad malajr saret tingħoġob min-​nies lokali li marru l-​belt biex ibigħu l-​prodotti tagħhom. Ħafna nies imweldin fil-​pajjiż, bit-​tama li jkunu aċċettati f’Timgad, fejn ċittadini Rumani biss tħallew jgħixu, minn jeddhom ingħaqdu mal-​Leġjun Ruman għal perijodu taʼ 25 sena biex ikunu jistgħu jkollhom ċittadinanza Rumana għalihom u għal uliedhom subien.

Maż-​żmien, xi Afrikani li ma kkuntentawx biss b’li jkollhom ċittadinanza Rumana, saħansitra akkwistaw pożizzjonijiet prominenti f’Timgad jew fi bliet kolonjali oħra. L-​iskema sottili tar-​Rumani biex jintegraw lin-​nies tal-​lokal tant irnexxiet li wara nofs seklu biss minn meta Timgad ġiet stabbilita, fil-​biċċa l-​kbira n-​nies li kienu joqogħdu f’din il-​belt kienu mill-​Afrika taʼ Fuq.

KIF RUMA REBĦET IL-​QLUB

Fdalijiet taʼ suq b’kolonni eleganti f’Timgad

Suq b’kolonni eleganti

Ir-​Rumani kif irnexxielhom jirbħu l-​qlub tan-​nies indiġeni daqshekk malajr? Raġuni waħda hi li huma kienu favur l-​ugwaljanza fost iċ-​ċittadini—prinċipju mgħallem mill-​politiku Ruman Ċiċerun. L-​art tqassmet ugwalment bejn il-​veterani Rumani u ċ-​ċittadini taʼ oriġini Afrikana. Il-​belt kienet mibnija b’reqqa, bi blokkijiet taʼ djar t’20 metru kwadru li kienu separati b’toroq dojoq. Arranġament bħal dan organizzat tajjeb u ndaqs għal kulħadd żgur li ħajjar ħafna lill-​abitanti.

Bħal f’ħafna bliet Rumani, l-​abitanti setgħu jiltaqgħu fil-​forum fi ġranet meta s-​suq kien ikun iffollat biex jisimgħu l-​aħħar aħbarijiet jew biex jilagħbu għall-​flus. Bla dubju, nies li kienu min-​naħa tal-​muntanji nexfin fil-​qrib setgħu jimmaġinaw lilhom infushom mexjin għad-​dell tal-​loġoġ f’ġurnata sħuna u xotta jew jirrilassaw f’wieħed mill-​ħafna banjijiet pubbliċi bla ħlas, waqt li jisimgħu l-​ħoss tal-​ilma nieżel bil-​mod. Probabbilment, setgħu jaraw lilhom infushom bilqiegħda madwar funtani taʼ ilma frisk, ipaċpċu mal-​ħbieb. Żgur li dan kollu setaʼ deher bħal ħolma għalihom.

Lapida mżejna bi trinità taʼ allat Rumani u lokali

Lapida li fin-naħa taʼ fuq fiha trinità taʼ allat

It-​teatru bla saqaf ukoll kien fattur importanti f’li jirbaħ qlub in-​nies. Kien jesaʼ iktar minn 3,500 ruħ u kien jilqaʼ fih il-​folol storbjużi minn Timgad u l-​irħula fil-​viċin. Minn fuq il-​palk, l-​atturi introduċew divertiment skandaluż lill-​udjenza, xi ħaġa li kienet tinżel tajjeb mar-​Rumani. Dan kien isir permezz taʼ reċti li spiss kien ikun fihom l-​immoralità jew il-​vjolenza.

Ir-​reliġjon Rumana tat sehemha wkoll. L-​art u l-​ħitan taʼ fejn kien hemm il-​banjijiet kienu mżejnin b’mużajk elaborat u kulurit b’xeni mill-​mitoloġija pagana. Ladarba parti importanti fil-​ħajja taʼ kuljum kienet li jmorru jinħaslu f’dawn il-​postijiet, l-​abitanti bil-​mod il-​mod saru familjari mal-​allat taʼ Ruma u r-​reliġjon tagħha. L-​isforz biex l-​Afrikani jintegraw ruħhom fil-​kultura Rumana tant kien effettiv li l-​lapidi spiss kienu jiżżejnu b’tinqix taʼ trinitajiet taʼ allat lokali kif ukoll Rumani mħalltin.

IL-​BELT SABIĦA TINTESA GĦALKOLLOX

Wara li l-​Imperatur Trajanu beda jibni l-​belt fis-​sena 100 WK, ir-​Rumani inkuraġġew il-​produzzjoni tal-​qamħ, iż-​żejt taż-​żebbuġa, u l-​inbid madwar l-​Afrika taʼ Fuq. Ir-​reġjun malajr sar maħżen għal Ruma, u pprovda dawn il-​prodotti meħtieġa lill-​imperu. Bħal bliet kolonjali oħrajn, Timgad iffjorixxiet taħt il-​ħakma Rumana. Maż-​żmien, il-​popolazzjoni taʼ Timgad kibret, u l-​belt estendiet bil-​wisq iżjed mis-​swar fortifikati tagħha.

In-​nies li kienu joqogħdu fil-​belt u s-​sidien tal-​art marru tajjeb bin-​negozjar tagħhom maʼ Ruma, iżda ftit li xejn ibbenefikaw il-​bdiewa lokali. Fit-​tielet seklu WK, l-​inġustizzja soċjali u t-​taxxi bla rażan taw wisaʼ għal irvellijiet fost il-​bdiewa żgħar. Uħud minnhom, li kienu ħaddnu r-​reliġjon Kattolika, ingħaqdu mad-​Donatisti—grupp li kienu jgħidu li huma Kristjani u li kienu ħaduha kontra l-​korruzzjoni fi ħdan il-​Knisja Kattolika.—Ara l-​kaxxa “Id-​Donatisti—Ma kinux ‘knisja pura.’”

Wara sekli taʼ konflitti reliġjużi, gwerer ċivili, u invażjonijiet mill-​barbari, iċ-​ċivilizzazzjoni Rumana tilfet l-​influwenza tagħha fl-​Afrika taʼ Fuq. Sas-​sitt seklu WK, Timgad ġiet meqruda b’nirien minn tribujiet Għarab lokali u maż-​żmien intesiet għalkollox għal iktar minn 1,000 sena.

“DIK ĦAJJA!”

Skrizzjoni misjuba fil-forum f’Timgad

Skrizzjoni Latina fil-forum, li tgħid: “Kaċċa, għawm, logħob, daħq—dik ħajja!”

Arkeoloġi li skavaw il-​fdalijiet taʼ Timgad tbissmu meta sabu skrizzjoni Latina fil-​forum. Din tgħid: “Kaċċa, għawm, logħob, daħq—dik ħajja!” Kittieb tal-​istorja Franċiż qal li dan “iwassal filosofija li forsi hi nieqsa mill-​ambizzjoni, imma waħda li xi wħud ma jonqsux li jqisuha bħala s-​sigriet tal-​għerf.”

Attwalment, ir-​Rumani kienu ilhom is-​snin jagħtuha għal stil taʼ ħajja bħal din. L-​appostlu Pawlu, Kristjan tal-​ewwel seklu, semma nies li l-​filosofija tagħhom għall-​ħajja kienet “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” Għalkemm ir-​Rumani kienu reliġjużi, huma għexu għall-​pjaċir tal-​mument, mingħajr ma taw kas it-​tifsir veru u l-​iskop tal-​ħajja. Pawlu wissa lil sħabu Kristjani biex jgħassu kontra nies bħal dawn meta qal: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:32, 33.

Għalkemm in-​nies taʼ Timgad għexu xi 1,500 sena ilu, il-​ħarsa lejn il-​ħajja ma nbidlitx wisq. Ħafna nies illum jgħixu għall-​preżent biss. Għalihom, il-​ħajja kif kienu jqisuha r-​Rumani tagħmel sens perfett, ikunu xi jkunu l-​konsegwenzi. Madankollu, il-​Bibbja tolqot il-​musmar fuq rasu meta tgħid: “Ix-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel.” B’hekk tħeġġiġna biex ‘ma nużawhiex bis-​sħiħ.’—1 Korintin 7:31.

Il-​fdalijiet taʼ Timgad huma xhieda għall-​fatt li s-​sigriet għal ħajja ferħana u bi skop ma qigħedx f’li wieħed jagħti kas il-​kitba li kienet ilha mirduma fir-​ramel tal-​Afrika taʼ Fuq. Pjuttost, qiegħed f’li nagħtu kas it-​tfakkira mill-​Bibbja: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.

Id-​Donatisti—Ma kinux ‘knisja pura’

Fdalijiet taʼ battisterju f’Timgad

Il-battisterju taʼ Timgad juri l-wirt “Kristjan” li kellha l-belt

Fin-​naħa tal-​Punent taʼ Timgad hemm il-​fdalijiet taʼ bażilika impressjonanti li fiha battisterju, jew banju tal-​magħmudija. Din hija tfakkira silenzjuża li sar-​rabaʼ seklu WK, il-​belt kienet saret fortizza tad-​Donatisti—grupp “Kristjan” li nfired minn mal-​knisja Rumana.

Id-​Donatisti m’approvawx l-​indħil taʼ imperaturi Rumani fil-​kwistjonijiet tal-​knisja. Qiesu lilhom infushom bħala ‘knisja pura,’ separata mid-​dinja. B’sogħba, l-​azzjonijiet tagħhom urew mod ieħor. Id-​Donatisti bdew jinvolvu ruħhom fi ġlied soċjali u politiku u appoġġaw lill-​bdiewa żgħar fir-​ribelljoni vjolenti tagħhom kontra s-​sidien tal-​art u l-​kolletturi tat-​taxxa Rumani, azzjonijiet li ġabu diżapprovazzjoni uffiċjali fuqhom. Minkejja dak li sostnew li kienu, id-​Donatisti ma kinux ‘knisja pura.’—Ġwanni 15:19.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja