SUĠĠETT PRINĊIPALI | MIN HUMA X-XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA?
Kif inhu ffinanzjat ix-xogħol tagħna?
Kull sena, nipprintjaw u nqassmu mijiet taʼ miljuni taʼ Bibbji u letteratura oħra. Nibnu u nieħdu ħsieb l-uffiċċji tal-fergħat madwar id-dinja. Għaxriet taʼ eluf taʼ kongregazzjonijiet jiltaqgħu f’postijiet għall-qima modesti imma attraenti, imsejħin Swali tas-Saltna. Min iħallas għal dan kollu?
Ix-xogħol tagħna hu appoġġat għalkollox minn donazzjonijiet volontarji. (2 Korintin 9:7) Fl-1879, it-tieni ħarġa taʼ din ir-rivista qalet: “Aħna nemmnu li ĠEĦOVA hu l-wieħed li jappoġġa lil ‘Zion’s Watch Tower,’ [kif kienet tissejjaħ din ir-rivista dak iż-żmien] u ladarba dan il-fatt huwa minnu din [l-organizzazzjoni] qatt m’hi se tittallab jew titlob lin-nies għall-appoġġ.” Qatt ma tħarrikna minn dan ir-raġunar.
Id-donazzjonijiet jintbagħtu direttament lil wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tagħna jew jitpoġġew f’kaxxa għall-kontribuzzjonijiet li tinsab f’kull Sala tas-Saltna. Imma qatt ma nitolbu dieċmi, nagħmlu ġbir, jew inżommu l-flus għas-servizzi jew pubblikazzjonijiet tagħna. Ma nitħallsux talli nippritkaw, biex ngħallmu fil-kongregazzjoni, jew biex ngħinu fil-bini taʼ postijiet għall-qima. Wara kollox, Ġesù qal: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.” (Mattew 10:8) Il-volontieri kollha fl-uffiċċji tal-fergħa u fil-kwartieri ġenerali tagħna, inkluż dawk li jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, huma membri taʼ ordni reliġjuż li ma jirċivux salarju.
“Bħalma hu l-każ fl-attivitajiet kollha tax-Xhieda taʼ Ġeħova, kontribuzzjonijiet reliġjużi jsiru fuq bażi volontarja, kulħadd jiddeċiedi l-ammont u kemm spiss jagħmel ‘id-donazzjonijiet’ tiegħu.”—Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 2011
Fondi mogħtijin jintużaw ukoll għall-għajnuna meta jkun hemm xi diżastru. Kien il-pjaċir tal-Kristjani tal-bidu li jgħinu lill-vittmi tat-traġedji. (Rumani 15:26) Bl-istess mod, aħna ngħinu lil dawk milqutin minn xi diżastru billi nerġgħu nibnulhom id-djar u l-postijiet għall-qima tagħhom u billi nipprovdu ikel, ħwejjeġ, u kura medika.