Din is-sejba antika għandha l-isem Tattannu minqux fuqha
Xi ħaġa oħra li tagħti evidenza
Hemm xi evidenza arkeoloġika li tappoġġja dak li tgħid il-Bibbja? Fl-2014, artiklu fir-rivista Biblical Archaeology Review staqsa l-mistoqsija: “Kemm hemm nies fil-Bibbja Ebrajka li ġew ikkonfermati li eżistew grazzi għall-arkeoloġija?” It-tweġiba kienet: “Minn tal-inqas 50!” Raġel wieħed li ma jissemmiex f’din il-lista kien jismu Tattenaj. Min kien? Ħa naraw l-irwol qasir li kellu fir-rakkont tal-Bibbja.
Ġerusalemm xi darba kienet parti mill-imperu kbir Persjan. Din il-belt kienet tinsab f’reġjun li l-Persjani kienu jsejħulu n-Naħa l-Oħra tax-Xmara, jiġifieri n-naħa tal-Punent tal-Ewfrat. Wara li ħadu taħt idejhom lil Babilonja, il-Persjani ħelsu ’l-Lhud u tawhom l-awtorità biex jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. (Esdra 1:1-4) Però, l-għedewwa tal-Lhud opponew il-proġett u nqdew bih biex jakkużaw lil-Lhud li kienu qed jirribellaw kontra l-Persjani. (Esdra 4:4-16) Matul il-ħakma taʼ Darju I (522-486 QK), uffiċjal Persjan jismu Tattenaj, kien inkarigat jinvestiga l-każ. Il-Bibbja ssejjaħlu “l-gvernatur lil hinn mix-Xmara.”—Esdra 5:3-7.
Għadd taʼ sejbiet antiki li fihom l-isem Tattenaj minqux fuqhom għadhom jeżistu u dawn setgħu kienu parti minn ġabra taʼ arkivji taʼ negozju li kellha familja. Waħda minn dawn il-kitbiet li tassoċja membru minn din il-familja maʼ dan il-karattru Bibliku, hija wegħda taʼ ħlas iddatata l-20 sena taʼ Darju I, 502 QK. Din tidentifika wieħed mix-xhieda tal-ftehim bħala l-qaddej taʼ “Tattannu, gvernatur tan-Naħa l-Oħra tax-Xmara.” Dan “Tattannu” hu l-istess Tattenaj li jidher fil-ktieb Bibliku taʼ Esdra.
X’kien l-irwol taʼ dan ir-raġel? Fil-535 QK, Ċiru l-Kbir organizza l-imperu tiegħu fi provinċji, u waħda minnhom kien jisimha Babilonja u n-Naħa l-Oħra tax-Xmara. Din il-provinċja aktar tard ġiet maqsuma f’żewġ partijiet. Imbagħad, waħda minn dawn ġiet imsejħa biss in-Naħa l-Oħra tax-Xmara. Din il-parti kienet tinkludi ċ-Ċelesirja, il-Feniċja, is-Samarija, u Ġuda. Dawn x’aktarx kienu gvernati minn Damasku. Tattenaj kien il-gvernatur taʼ dan ir-reġjun mill-520 sal-502 QK.
Tattenaj niżel Ġerusalemm biex jinvestiga l-akkuża li l-Lhud kienu qed jirribellaw. Imbagħad, informa lil Darju li l-Lhud kienu qed jgħidu li l-awtorizzazzjoni biex jibnu t-tempju taʼ Ġeħova kien tahielhom Ċiru. It-tfittxija li saret fl-arkivji rjali vverifikat dak li kienu qed jgħidu l-Lhud. (Esdra 5:6, 7, 11-13; 6:1-3) Għaldaqstant, Tattenaj ġie ordnat biex ma jtellifhomx mix-xogħol tal-bini, u Tattenaj obda.—Esdra 6:6, 7, 13.
Fir-realtà “Tattenaj, “il-gvernatur lil hinn mix-Xmara,” m’għamel xejn storikament importanti. Però, innota li meta l-Iskrittura ssemmih, tagħtih eżattament it-titlu korrett li kellu. Dan il-punt jagħtina naqra evidenza oħra li l-arkeoloġija, darba wara l-oħra, tappoġġja l-eżattezza storika tar-rakkonti Bibliċi.