Tistmaha Int il-Letteratura Tagħna?
1 Id-djamanti u ħaġar prezzjuż ieħor huma taʼ valur mhux biss għax huma sbieħ iżda wkoll minħabba li hemm ħafna spejjeż involuti biex jinstabu u jħaffru għalihom. L-għarfien taʼ Jehovah u Ġesù Kristu għandu wisq iktar valur, u l-pubblikazzjonijiet tagħna huma l-uniċi fid-dinja li jispjegaw dan l-għana spiritwali fil-fond u b’għarfien divin. (Rum. 11:33; Flp. 3:8) Kif nistgħu nuru apprezzament veru lejn il-letteratura tagħna?
2 Numru taʼ individwi u gruppi taʼ familji jwarrbu kontribuzzjoni b’mod regulari biex jiħduha fis-Sala tas-Saltna u jitfgħuha f’waħda mill-kaxxi li qegħdin għall-“Kontribuzzjonijiet għax-Xogħol tas-Soċjetà mad-Dinja Kollha—Mattew 24:14.” Xi individwi jitfgħu iktar kontribuzzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja meta jieħdu xi kwantità taʼ letteratura jew rivisti u meta jitfgħu kontribuzzjonijiet li jkunu qalgħu fil-ministeru.
3 Mod ieħor kif nuru l-apprezzament hu billi noqogħdu attenti lil min noffru l-letteratura fis-servizz taʼ l-għalqa. Żgur li ma jgħaddilniex minn rasna li nagħtu djamant prezzjuż lil xi tifel żgħir, li ma jistax jifhem kemm hu taʼ valur. Lanqas ma nagħtu letteratura prezzjuża lil individwi li ma japprezzawx l-affarijiet spiritwali. (Qabbel Lhud 12:16, Karm Żammit.) Għandna nagħtu minna nfusna u nqassmu l-letteratura tagħna b’mod ġeneruż filwaqt li nużaw id-dehen. Qed ikompli magħna l-inkwilin? Jagħti kas meta nkellmuh, iwieġeb għall-mistoqsijiet li nagħmlulu, u jsegwi magħna meta nkunu qed naqrawlu minn fuq il-Bibbja? Jekk jintwera interess bħal dan, se nkunu kuntenti li nħallu miegħu pubblikazzjoni addattata. Meta nikkonduċu studji mill-pubblikazzjonijiet tagħna, in-nies jiġu megħjunin isiru jafu dwar dak li tgħallem il-Bibbja u tingħatalhom l-opportunità li jibnu relazzjoni maʼ Jehovah. Il-mod kif il-letteratura tagħna tiġi użata se jiddetermina kemm tassew se tkun taʼ benefiċċju għalihom.
4 Il-letteratura li titħalla fuq l-ixkaffa fis-Sala tas-Saltna jew id-dar mhix qed tilħaq l-iskop tagħha, u mhux qed jiġi apprezzat il-valur li għandha. Anki ħarġiet qodma tar-rivisti, il-browxers, il-kotba, u l-fuljetti għandhom jintużaw sew. Meta kien l-aħħar li għoddejna kemm għandna letteratura maħżuna? Nistgħu nibqgħu skantati meta niskopru kemm inkunu ġbarna. Għadha din il-letteratura f’kundizzjoni tajba, jew inkella sfaret biż-żmien, tqattgħet, jew tħammġet? Jekk għadha tajba, għandna nagħmlu kull sforz biex nipprovaw inqassmuha fil-ministeru taʼ l-għalqa. Letteratura li mhix f’kundizzjoni tajba tistaʼ tinżamm għall-użu persunali jew iddisponi minnha b’mod xieraq. Anki waqt li nkunu qed niffokaw fuq l-offerta kurrenti, xi kultant nistgħu niddeċiedu li nużaw pubblikazzjoni differenti.
5 Dejjem aħseb sew dwar kemm għandek verament bżonn letteratura xi tqassam. Hemm bżonn li tqis l-affarijiet sewwa. Filwaqt li ċerta kwantità hija bżonnjuża, speċjalment jekk int pijunier, m’għandekx bżonn iżżomm kwantità kbira taʼ letteratura peress li tistaʼ tikseb iktar mis-Sala tas-Saltna qabel u wara l-laqgħat. Ara li jkollok biżżejjed letteratura biex tibda x-xahar u mbagħad ġib iktar meta tispiċċalek.
6 Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma l-iktar prezzjużi meta jingħataw f’idejn nies li japprezzaw il-verità tal-Kelma t’Alla. Jalla lkoll kemm aħna nkunu għaqlin u nuru d-dehen meta nużaw dak li ġie provdut, u b’hekk nuru kemm nistmaw verament il-letteratura tagħna. (km-E 11/92)