Naqdu ’L Alla B’Ruħna Kollha!
1 Għandna kotra taʼ raġunijiet għala għandna nkunu grati lejn Jehovah. Dawn jinkludu l-affarijiet li għamel fil-passat, li qiegħed jagħmel issa, u li għad irid jagħmel għalina fil-futur. Il-gratitudni tagħna x’għandha tqanqalna biex nagħmlu? Salm taʼ David iwieġeb: “Jien se nbierek lil Jehovah dejjem; il-ħin kollu t-tifħir tiegħu se jkun ġo fommi.”—Salm 34:1.
2 Il-Bibbja turi ċar li aħna kkmandati biex nippridkaw. Dan huwa xogħol li nwettqu ‘b’ruħna kollha qisu għal Jehovah.’ (Kol. 3:23) Kemm se nagħmlu fil-ministeru jekk verament naqdu ’l Alla b’ruħna kollha? Meta nikkunsidraw l-imħabba taʼ Jehovah għalina, żgur li qlubna jqanqluna biex ikollna sehem iddedikat f’li ngħidu lil oħrajn dwaru u dwar l-iskopijiet prezzjużi tiegħu! Aħna mqanqlin biex nagħmlu dak li nistgħu.
3 Huwa raġonevoli li nistennew li individwu li jaqdi ’l Alla b’ruħu kollha jkun irid iżomm l-attenzjoni tiegħu ffokata fuq is-servizz sagru. Is-salmista, li ovvjament ħassu hekk, iddikjara: “Sebaʼ darbiet fil-jum jien faħħartek.” (Salm 119:164) Dawk li jħossuhom bħas-salmista jfittxu li jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex ifaħħru lil Jehovah. Skond ma jippermettu ċ-ċirkostanzi tagħhom, huma jaqdu żelużi sa l-iktar punt possibbli.
4 Aħna Mdawrin B’Opportunitajiet Biex Infaħħru Lil Jehovah: M’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew sakemm nieħdu sehem fix-xogħol minn bieb għal bieb biex nippridkaw l-aħbar tajba. Dawk li jaħdmu magħna, sħabna fl-iskola, qrabatna, u dawk li nafu, ilkoll għandhom bżonn jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. Meta nkunu qegħdin nivvjaġġaw, nistgħu nibdew konversazzjonijiet li jistgħu jwasslu f’li tingħata xiehda lil ħaddiema tal-lukanda, lil dawk impjegati fir-restorant, lil assistenti fil-pompa tal-petrol, jew lil sewwieqa tat-taxi. Waqt li qegħdin id-dar, nistgħu nagħtu xiehda lill-ġirien jew lil dawk li jġibulna l-affarijiet id-dar. Jekk qegħdin l-isptar, hemm infermiera, tobba, u pazjenti oħrajn li nistgħu nagħtuhom xiehda b’mod informali.
5 L-Għoti Taʼ Xiehda Informali Jikseb Riżultati: Darba waħda żewġ Xhieda kienu mexjin fi ġnien u bdew konversazzjoni maʼ raġel żagħżugħ li kien qiegħed jippassiġġa mat-tifel tiegħu. Eventwalment hu u martu ħaddnu l-verità. Iktar tard ir-raġel żagħżugħ irrevela li ftit ħin qabel ma ltaqaʼ maż-żewġ Xhieda, kien talab lil Alla, billi staqsa: ‘Jekk teżisti, jekk jogħġbok ħallini nsir nafek.’ Hu jikkunsidra l-laqgħa fil-ġnien bħala t-tweġiba taʼ Jehovah għat-talba tiegħu.
6 Dawk li huma b’ruħhom kollha fix-xewqa tagħhom biex jgħinu lil oħrajn spiritwalment jesperjenzaw ferħ kbir. Huma jafu li servizz bħal dan, “b’qalb sħiħa,” jogħġob lil Jehovah.—1 Kron. 28:9.