LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 8/10 p. 3-p. 6 para. 13
  • Tistaʼ Tagħti Xhieda Informali!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Tagħti Xhieda Informali!
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2010
  • Materjal Simili
  • Lest Int Biex Tagħti Xhieda Informali?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2009
  • Faħħar lil Jehovah Permezz taʼ Xiehda Informali
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Aħna Xhieda l-Ħin Kollu
    Il-Ministeru tas-Saltna—2009
  • Inkunu Ħabrieka biex ‘Nagħtu Xiehda bir-Reqqa’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2010
km 8/10 p. 3-p. 6 para. 13

Tistaʼ Tagħti Xhieda Informali!

1 Kemm hemm individwi fil-​kongregazzjoni tiegħek li l-​ewwel darba li semgħu bil-​verità kien permezz taʼ xhieda informali? It-​tweġiba tistaʼ tissorprendik. Ix-​xhieda informali tinvolvi li naqsmu l-​aħbar tajba maʼ nies li niltaqgħu magħhom fl-​attivitajiet tagħna taʼ kuljum—meta nivvjaġġaw, inżuru lill-​qraba jew lill-​ġirien, jew meta mmorru nixtru, kif ukoll l-​iskola, u x-​xogħol biex insemmu ftit eżempji. Fi grupp wieħed taʼ iktar minn 200 Xhud mgħammed, 40 fil-​mija minnhom ġew kuntattjati għall-​ewwel darba permezz taʼ xhieda informali! Għalhekk, dan il-​metodu taʼ ppritkar hu effettiv ħafna.

2 Evanġelizzaturi fl-​ewwel seklu spiss taw xhieda informali. Pereżempju, waqt li kien qed jivvjaġġa mis-​Samarija, Ġesù ta xhieda lil mara li kienet qed ittellaʼ l-​ilma mill-​għajn taʼ Ġakobb. (Ġw. 4:6-​26) Filippu beda konversazzjoni m’uffiċjal tal-​qorti Etjopjan li kien qed jaqra mill-​ktieb t’Iżaija billi staqsa: “Qed tifhem verament x’int taqra?” (Atti 8:26-​38) Meta ġie mitfugħ il-​ħabs ġo Filippi, l-​appostlu Pawlu ta xhieda lill-​kalzrier. (Atti 16:23-​34) Iktar tard, waqt li kien arrestat f’daru, Pawlu “b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; u kien jippriedka s-​saltna t’Alla u jgħallem fuq il-​Mulej Ġesù Kristu.” (Atti 28:30, 31) Int ukoll tistaʼ tagħti xhieda informali, anki jekk tistħi. Kif?

3 Kif Tibda: Ħafna minna nsibuha diffiċli li naqbdu konversazzjoni maʼ nies li ma nafux. Anki nies li diġà nafuhom nistgħu nħossuna xi ftit skomdi nitkellmu magħhom dwar il-​verità. Madankollu, se nħossuna motivati jekk nimmeditaw fuq it-​tjubija taʼ Ġeħova, it-​teżori spiritwali li ta lill-​qaddejja tiegħu, u l-​kundizzjoni kerha tan-​nies fid-​dinja. (Ġona 4:11; Salm 40:5; Mt. 13:52) Iktar minn hekk, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ‘nagħmlu l-​qalb.’ (1 Tess. 2:2) Student taʼ Gilegħad qal: “Spiss sibt li t-​talb jgħin meta jkun diffiċli għalija biex nitkellem man-​nies.” Jekk tibżaʼ titkellem, għid talba qasira f’qalbek.—Neħ. 2:4.

4 Bħalma jindika l-​isem, l-​għoti taʼ xhieda informali ma jfissirx li rridu nibdew il-​konversazzjoni b’introduzzjoni formali jew bi skrittura. Nistgħu nsibuha t’għajnuna li jkollna l-​mira li sempliċement nibdew konversazzjoni mingħajr ma nħossu li għandna nagħtu xhieda mill-​ewwel. Ħafna pubblikaturi jgħidu li meta jagħmlu hekk jiksbu l-​kunfidenza meħtieġa biex imbagħad jintroduċu l-​aħbar tajba. Jekk il-​persuna ma tridx titkellem, m’hemmx għalfejn iġġegħelha tibqaʼ tkellmek. Bl-​edukazzjoni kollha spiċċa l-​konversazzjoni u kompli b’li kont qed tagħmel.

5 Waqt li tkun fis-​suq, oħt mistħija l-​ewwel tagħmel kuntatt bl-​għajnejn u titbissem b’mod dħuli. Jekk il-​persuna titbissem lura, tgħid xi ħaġa żgħira. Jekk il-​persuna twieġeb b’mod favorevoli, l-​oħt tħossha kunfidenti biex tkompli l-​konversazzjoni. Hi tismaʼ b’attenzjoni u tipprova tagħraf liema aspett tal-​aħbar tajba jistaʼ jolqot lill-​persuna. B’dan il-​metodu ħalliet ħafna letteratura u saħansitra bdiet studju tal-​Bibbja.

6 Kif Tibda Konversazzjonijiet: X’nistgħu ngħidu biex nibdew konversazzjoni? Meta Ġesù tkellem mal-​mara ħdejn l-​għajn, hu beda billi sempliċement talabha tagħtih x’jixrob. (Ġw. 4:7) Allura forsi nistgħu nibdew konversazzjoni b’tislima jew b’mistoqsija dħulija. Hekk kif titkellmu, taf issib opportunità biex tintroduċi ħsieb Skritturali u forsi tiżraʼ żerriegħa tal-​verità. (Ekk. 11:6) Xi wħud kellhom suċċess meta għamlu stqarrija interessanti li tqajjem il-​kurżità u tqanqal mistoqsija. Pereżempju, waqt li tistenna biex tara t-​tabib, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tgħid, “Iġri jasal iż-​żmien meta ma nibqax nimrad!”

7 Ukoll, se niġu megħjunin nibdew konversazzjonijiet jekk nitgħallmu nosservaw. Jekk naraw ġenitur bi tfal li jġibu ruħhom sew, nistgħu nfaħħruh u nistaqsu, “X’għenek tirnexxi bħala ġenitur?” Oħt tagħti kas is-​suġġetti diskussi x-​xogħol u mbagħad taqsam mal-​kollegi tagħha informazzjoni speċifika bbażata fuq dak li jinteressahom. Meta saret taf li kollega tax-​xogħol kienet qed tippjana li tiżżewweġ, tatha Stenbaħ! li ddiskuta kif tippjana tieġ. Dan wassal għal iktar diskussjonijiet fuq il-​Bibbja.

8 Mod ieħor kif nibdew konversazzjonijiet hu billi naqraw il-​letteratura tagħna fejn jistaʼ jarana ħaddieħor. Ħu jiftaħ It-​Torri tal-​Għassa jew Stenbaħ! f’artiklu b’titlu interessanti u jibda jaqrah f’qalbu. Jekk jinnota lil xi ħadd fil-​viċin iħares lejn ir-​rivista tiegħu, hu jistaqsi mistoqsija jew jagħmel kumment qasir fuq l-​artiklu. Dan spiss iwassal għal konversazzjoni u xhieda. Li sempliċement tħalli xi waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħna fejn tidher jistaʼ jqanqal il-​kurżità tal-​kollegi tax-​xogħol jew taʼ sħabek tal-​klassi u tqanqalhom jistaqsu dwarha.

9 Oħloq Opportunitajiet: Meta nqisu l-​urġenza tax-​xogħol tal-​ippritkar, m’għandniex inħarsu lejn l-​għoti taʼ xhieda informali bħala xi ħaġa li nħalluha tiġri b’kumbinazzjoni. Minflok, għandna nistinkaw biex noħolqu opportunitajiet ħalli nagħtu xhieda hekk kif nagħmlu l-​attivitajiet taʼ kuljum. Aħseb minn qabel dwar liema nies x’aktarx li se tiltaqaʼ magħhom, u kkunsidra kif tistaʼ tibda konversazzjoni dħulija. Żomm Bibbja fejn tistaʼ ssibha malajr kif ukoll letteratura li tistaʼ taqsam maʼ dawk li juru interess.—1 Pt. 3:15.

10 Ħafna pubblikaturi sabu modi prattiċi kif joħolqu opportunitajiet biex jagħtu xhieda informali. Oħt li tgħix f’binja t’appartamenti b’sigurtà għolja, tuża l-​post tar-​rikreazzjoni li għandu l-​bini biex tagħmel jigsaw puzzles b’xeni mill-​isbaħ tan-​natura. Meta n-​nies jieqfu u jitkellmu magħha dwar is-​sbuħija tax-​xena, hi tuża l-​opportunità biex tibda konversazzjoni u tgħidilhom dwar il-​wegħda tal-​Bibbja taʼ “sema ġdid u art ġdida.” (Riv. 21:1-​4) Tistaʼ taħseb f’modi kif tistaʼ toħloq opportunitajiet ħalli tagħti xhieda informali?

11 Ikkultiva l-​Interess: Jekk issib lil min jagħtik widen, ipprova kkultiva l-​interess. Jekk inhu xieraq, tistaʼ tgħid lill-​persuna: “Verament ħadt gost nitkellem miegħek. Kif nistaʼ nikkuntattjak ħalli nerġgħu nitkellmu?” Xi pubblikaturi sempliċement jagħtu l-​indirizz u n-​numru tat-​telefon lill-​persuna u jgħidu: “Ħadt gost bil-​konversazzjoni tagħna. Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar dak li ddiskutejna, hawn għandek imniżżel fejn tistaʼ tikkuntattjani.” Jekk ma tistax tikkultiva l-​interess personalment, irranġa għall-​kongregazzjoni adattata biex tagħmel dan billi fil-​pront timla l-​formola Please Follow Up (S-​43) u tagħtiha lis-​segretarju tal-​kongregazzjoni tiegħek.

12 Il-​ħin li nqattgħu fl-​għoti taʼ xhieda informali għandu jiġi rapportat. Għalhekk, kun ċert li tieħu nota tiegħu, anki jekk ikun biss ftit minuti kuljum. Ikkunsidra dan: Jekk kull pubblikatur jagħti xhieda informali għal ħames minuti kuljum, dan jirriżulta f’iktar minn 17-​il miljun siegħa kull xahar.

13 Aħna għandna l-​iktar raġunijiet nobbli għala nagħtu xhieda informali—imħabba għal Alla u għall-​proxxmu. (Mt. 22:37-​39) Qlub mimlijin b’apprezzament għall-​kwalitajiet u l-​iskopijiet taʼ Ġeħova jqanqluna biex nitkellmu dwar “il-​glorja tal-​ġmiel taʼ saltnatu.” (Salm 145:7, 10-​12) Interess ġenwin fil-​proxxmu tagħna jqanqalna nieħdu vantaġġ minn kull opportunità adattata biex naqsmu l-​aħbar tajba waqt li baqaʼ ż-​żmien. (Rum. 10:13, 14) B’naqra ħsieb minn qabel u preparazzjoni, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħtu xhieda informali u forsi nesperjenzaw il-​ferħ li jiġi milli naqsmu l-​verità maʼ xi ħadd taʼ qalb onesta.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

1. (a) X’tinvolvi x-​xhieda informali? (b) Kemm hawn nies f’din il-​laqgħa li l-​ewwel darba li semgħu bil-​verità kien permezz taʼ xhieda informali?

2. Liema eżempji taʼ xhieda informali nsibu fl-​Iskrittura?

3. X’jistaʼ jgħinna negħlbu l-​mistħija?

4. Biex nibdew, liema mira nistgħu nagħmlu għalina nfusna, u għala?

5. X’jgħin lil oħt mistħija tagħti xhieda informali?

6. Kif nistgħu nibdew konversazzjoni f’sitwazzjoni informali?

7. Kif se niġu megħjunin nagħtu xhieda informali jekk nitgħallmu nosservaw?

8. Kif nistgħu nużaw il-​letteratura tagħna biex nibdew konversazzjonijiet?

9, 10. (a) Kif nistgħu noħolqu opportunitajiet biex nagħtu xhieda informali? (b) Kif irnexxielek tagħmel dan?

11. Kif nistgħu nikkultivaw l-​interess li nsibu meta nagħtu xhieda informali?

12. (a) Għala għandna nieħdu nota tal-​ħin li nqattgħu fix-​xhieda informali u nirrapportawh? (b) Liema riżultati kien hemm mix-​xhieda informali? (Ara l-​kaxxa “Xhieda Informali Ġġib Riżultati!”)

13. X’għandu jqanqalna nagħtu xhieda informali?

[Kumment f’paġna 4]

Int tistaʼ ssibha t’għajnuna li jkollok il-​mira li sempliċement tiltaqaʼ man-​nies u tibda konversazzjonijiet

[Kumment f’paġna 5]

Ħafna pubblikaturi sabu modi prattiċi kif joħolqu opportunitajiet biex jagħtu xhieda informali

[Kaxxa f’paġna 5]

Suġġerimenti Biex Tibda Konversazzjonijiet

◼ Itlob għall-​għajnuna biex tibda

◼ Agħżel lil uħud li jidhru dħulin u mhux mgħaġġlin

◼ Agħmel kuntatt bl-​għajnejn, tbissem, u għid xi ħaġa li tinteressakom it-​tnejn

◼ Kun semmiegħ tajjeb

[Kaxxa f’paġna 6]

Xhieda Informali Ġġib Riżultati!

• Waqt li kien għand mekkanik, jistenna biex tissewwa l-​karozza, ħu ta xhieda lil dawk taʼ madwaru u tahom volantini bl-​istedina għal taħdita pubblika. Sena wara, f’konvenzjoni, ħu li m’għarafx laqgħu b’mod kordjali. Kien wieħed mill-​irġiel li kien tah volantin meta kien għand il-​mekkanik is-​sena taʼ qabel! Ir-​raġel kien mar jismaʼ t-​taħdita pubblika u kien talab studju tal-​Bibbja. Issa kemm hu u kemm martu kienu mgħammdin.

• Oħt li tgħallmet il-​verità permezz taʼ xhieda informali tikkunsidra lin-​nies li tiltaqaʼ magħhom minħabba t-​tlett itfal tagħha bħala t-​territorju speċjali tagħha. Dan it-​territorju jinkludi lill-​ġirien u l-​ġenituri li tiltaqaʼ magħhom l-​iskola u fil-​laqgħat għall-​ġenituri. Kull meta tintroduċi lilha nfisha, hi tgħid xi ħaġa sempliċi imma mill-​qalb dwar kif il-​Bibbja hija għodda t’għajnuna għaliha biex tħarreġ lil uliedha, u mbagħad titkellem fuq xi suġġett ieħor. Imma minħabba li tkun diġà semmiet il-​Bibbja, issibha eħfef li terġaʼ ssemmiha f’diskussjonijiet oħrajn. Billi tuża dan il-​metodu, għenet lil 12-​il persuna jaslu għall-​magħmudija.

• Meta bejjiegħ tal-​assigurazzjoni żar lil waħda oħt, hi ħadet l-​opportunità biex tagħtih xhieda. Hi staqsietu jekk jixtieqx li jiġi garantit li jkollu saħħa tajba, ferħ, u ħajja taʼ dejjem. Hu qal iva u staqsieha dwar liema tip t’assigurazzjoni kienet qed titkellem. Hi wrietu l-​wegħdi tal-​Bibbja u offrietlu waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħna, li qara f’lejl wieħed. Saru arranġamenti għal studju tal-​Bibbja. Hu beda jattendi l-​laqgħat, u wara ftit tgħammed.

• Waqt li kienet qed tivvjaġġa b’ajruplan, oħt bdiet titkellem mal-​mara li kienet bilqiegħda ħdejha u rnexxielha tagħtiha xhieda. Kif waslu viċin id-​destinazzjoni tagħhom, l-​oħt tat lill-​mara l-​indirizz u n-​numru tat-​telefon tagħha u ħeġġitha titlob għal studju tal-​Bibbja meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova jerġgħu jżuruha. L-​għada stess, ħabbtulha l-​bieb żewġ Xhieda. Il-​mara bdiet tistudja l-​Bibbja, għamlet progress malajr, tgħammdet, u f’qasir żmien kienet qed tikkonduċi tliet studji tal-​Bibbja hi stess.

• Ħu agħma li għandu 100 sena u li jgħix f’dar tal-​anzjani spiss jgħid, “Għandna bżonn is-​Saltna.” Dan wassal għal mistoqsijiet mingħand l-​infermieri u l-​pazjenti li jippermettulu jispjega x’inhi s-​Saltna. Waħda min-​nisa li taħdem hemmhekk staqsietu x’se jagħmel fil-​Ġenna tal-​art. Hu wieġeb, “Se nerġaʼ nkun nistaʼ nara u nimxi, u se naħraq is-​siġġu tar-​roti.” Peress li hu agħma, jistaqsiha biex taqralu r-​rivisti. Meta żaritu bintu, il-​ħaddiema talbitha permess biex tieħu r-​rivisti d-​dar. Waħda mill-​infermieri qalet lil bintu, “Il-​motto ġdid tagħna fid-​dar tal-​anzjani hu: ‘Għandna bżonn is-​Saltna.’”

• Oħt li kienet fi kju ġo restorant semgħet lil grupp taʼ rġiel avanzati fl-​età li kienu bilqiegħda fil-​qrib u li kienu qed jiddiskutu kwistjonijiet politiċi. Raġel minnhom qal li l-​gvern ma jistax isolvi l-​problemi tagħna. L-​oħt qalet bejnha u bejn ruħha, ‘Din hi opportunità biex nitkellem.’ Qalet talba qasira u marret fuqhom. Wara li introduċiet lilha nfisha, qaltilhom dwar gvern li kien se jsolvi l-​problemi tal-​bnedmin, is-​Saltna t’Alla, u offritilhom browxer li kellha magħha. Dak il-​ħin ġie fuqhom il-​maniġer. L-​oħt ħasbet li kien se jgħidilha titlaq. Minflok, qal li kien semagħha u li xtaq browxer ukoll. Waħda impjegata li wkoll kienet qed tismaʼ ġiet fuqha bid-​dmugħ nieżel maʼ wiċċha. Qabel, kienet studenta tal-​Bibbja u xtaqet terġaʼ tibda tistudja.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja