Faħħar lil Jehovah Permezz taʼ Xiehda Informali
1 Il-qaddejja leali taʼ Jehovah ifittxu opportunitajiet biex ifaħħruh kuljum. (Salm 96:2, 3; Lhud 13:15) Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi nagħtu xiehda informali. Ħafna qaddejja taʼ Jehovah illum huma grati li xi ħadd introduċiehom għall-messaġġ tas-Saltna permezz taʼ xiehda informali.
2 Meta tingħata xiehda informali lil xi ħadd taʼ spiss tinfetaħ it-triq għal oħrajn biex jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. Per eżempju, il-konversazzjoni li kellu Ġesù mal-mara Samaritana ħdejn il-bir taʼ Ġakobb wasslet biex ħafna oħrajn jieħdu interess fl-aħbar tajba. (Ġw. 4:6-30, 39-42) Waqt li Pawlu u Sila kienu ħabsin ġewwa Filippi, taw xiehda lill-għassies, u l-familja kollha tiegħu aċċettaw il-verità.—Atti 16:25-34.
3 Opportunitajiet: X’opportunitajiet għandek biex tagħti xiehda informali? Xi wħud jagħmlu dan meta jmorru jixtru, meta jużaw it-trasport pubbliku, jew meta jkunu qegħdin jistennew għal xi appuntament mediku. Oħrajn ikunu jistgħu jagħtu xiehda waqt il-brejk tax-xogħol jew taʼ l-iskola. Jekk sempliċement inħallu xi pubblikazzjoni Biblika minn tagħna fejn tistaʼ tidher, nistgħu nqanqlu lil oħrajn biex jistaqsu dwar it-twemmin tagħna.—1 Pt. 3:15.
4 Kif Tibda: F’laqgħa minnhom, tifla mistħija taʼ sebaʼ snin semgħet kemm huwa importanti għal kulħadd li jippriedka. Għalhekk, meta marret tixtri m’ommha, tefgħet żewġ browxers fil-basket tagħha. Waqt li ommha kienet qiegħda tixtri, it-tifla offriet browxer lil waħda mara, u din aċċettatu bil-qalb. Meta staqsewha kif kellha l-kuraġġ tmur tkellem lill-mara, din it-tifla mistħija wieġbet: “Kulma għedt kien, Wieħed, Tnejn, Tlieta! U mort!”
5 Biex nagħtu xiehda informali, kollha għandna bżonn spirtu bħal taʼ din it-tifla ż-żgħira. X’jistaʼ jgħinna? Itlob għall-kuraġġ biex titkellem. (1 Tess. 2:2) Żomm f’moħħok mistoqsija jew kumment dwar suġġett taʼ interess li tistaʼ tuża biex tibda konversazzjoni. Imbagħad kun ċert li Jehovah se jbierek l-isforzi tiegħek.—Lq. 12:11, 12.
6 Il-fatt li nagħtu xiehda b’mod informali lin-nies li niltaqgħu magħhom kuljum, ifaħħar lil Jehovah u jġibilna l-ferħ. Jistaʼ jgħin lil xi ħadd biex isib it-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem.