Aħna Xhieda l-Ħin Kollu
1. X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont tax-xhieda li Ġesù ta lill-mara ħdejn il-bir?
1 Ġesù kien ilu sigħat sħaħ għaddej bil-mixi. Kien għajjien u bil-għatx. Waqt li d-dixxipli tiegħu marru jixtru l-ikel, hu poġġa ħdejn bir barra belt Samaritana biex jistrieħ. Ġesù ma kienx fis-Samarija biex jipprietka; kien sempliċement għaddej minn hemm fi triqtu lejn il-Galilija biex ikompli l-ministeru tiegħu hemmhekk. Minkejja dan, hu ħataf l-opportunità biex jagħti xhieda lil waħda mara li kienet qed ittellaʼ l-ilma. (Ġw. 4:5-14) Għala? Ġesù qatt ma waqaf ikun “ix-xhud leali u veru” taʼ Ġeħova. (Riv. 3:14) Aħna nimitaw lil Ġesù billi nkunu Xhieda taʼ Ġeħova l-ħin kollu.—1 Pt. 2:21.
2. Kif nistgħu nippreparaw biex nagħtu xhieda informali?
2 Kun Preparat: Nistgħu nkunu preparati biex nagħtu xhieda informali billi nġorru l-letteratura magħna. Ħafna pubblikaturi jġorru magħhom il-fuljetti u jħalluhom maʼ tal-ħwienet, maʼ dawk li jieħdu ħsieb il-pompi tal-petrol, u m’oħrajn li jiltaqgħu magħhom matul il-jum. (Ekk. 11:6) Oħt li tivvjaġġa regolarment tara li dejjem ikollha Bibbja żgħira u l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fil-basket tagħha, u tipprova tibda konversazzjoni maʼ dawk li jkunu bilqiegħda ħdejha.
3. Liema hu mod wieħed kif nistgħu nibdew konversazzjoni?
3 Ibda Konversazzjoni: Meta nagħtu xhieda informali, m’għandniex għalfejn nibdew mill-ewwel b’suġġett Skritturali. Ġesù ma bediex il-konversazzjoni mal-mara ħdejn il-bir billi qalilha mill-ewwel li kien il-Messija. Hu sempliċement talabha tagħtih jixrob, u b’hekk qajmilha l-kurżità. (Ġw. 4:7-9) Waħda oħt sabet li metodu simili jgħinha biex tibda konversazzjoni meta ssirilha mistoqsija dwar jekk ħaditx gost tiċċelebra xi festa. Minflok ma twieġeb li ma ħaditx sehem fiċ-ċelebrazzjoni minħabba li hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hi tgħid, “Jien iddeċidejt li ma niċċelebrax il-festa.” B’kurżità, min jistaqsi ġeneralment jitlobha spjegazzjoni u dan jagħti opportunità lill-oħt biex tagħti xhieda.
4. Għala jqanqlek Mattew 28:18-20?
4 Għalkemm Ġesù spiċċa l-ministeru żeluż tiegħu fuq l-art, hu għadu jinteressah ħafna li x-xogħol tal-ippritkar iseħħ kif għamlu hu. (Mt. 28:18-20) Għalhekk, bħall-Eżempju tagħna Ġesù, aħna Xhieda li ninsabu lesti biex inxandru fil-pubbliku l-fidi tagħna f’kull ħin.—Ebr. 10:23.